Eżekjel
37 Il-qawwa taʼ Ġeħova bdiet taħdem fuqi, u l-ispirtu taʼ Ġeħova ħadni u qegħedni f’nofs il-pjanura fil-wied, u din kienet mimlija għadam. 2 U ġegħelni ngħaddi minn nofs l-għadam, u rajt li kien hemm kwantità kbira ħafna t’għadam fil-pjanura tal-wied, u kien xott ħafna. 3 Hu staqsieni: “Bin il-bniedem, jistaʼ dan l-għadam jieħu l-ħajja?” Għal dan, jien għedtlu: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* int il-wieħed li taf.” 4 Allura qalli: “Kellem* lil dan l-għadam u għidlu, ‘Għadam niexef, ismaʼ dak li għandu x’jgħid Ġeħova:
5 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lil dan l-għadam: “Jien se ndaħħal nifs* fik, u int se tieħu l-ħajja. 6 Jien se nqiegħed fuqek nervituri u laħam, u se ngħattik bil-ġilda u nagħtik in-nifs, u int tieħu l-ħajja; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.”’”
7 Imbagħad kellimtu bħalma ġejt ikkmandat. U malli tkellimt, kien hemm ħoss, il-ħoss tal-għadam iċekċek, u l-għadam beda jinġabar flimkien u jingħaqad. 8 Imbagħad rajt nervituri u laħam jiġu fuq l-għadam, u ġilda għattietu. Imma xorta ma kienx għad hemm nifs fih.
9 Imbagħad qalli: “Kellem lir-riħ. Bin il-bniedem, kellem lir-riħ u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Riħ,* ejja mill-erbaʼ direzzjonijiet* u onfoħ fuq dawn in-nies li nqatlu ħalli jieħdu l-ħajja.”’”
10 Allura kellimthom bħalma ġejt ikkmandat, u daħal fihom nifs, bdew jieħdu l-ħajja, u qamu fuq saqajhom. U kien hemm armata enormi.
11 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, dan l-għadam hu l-poplu kollu t’Iżrael. Huma qed jgħidu, ‘L-għadam tagħna hu niexef, u t-tama tagħna spiċċat fix-xejn. Aħna maqtugħin minn kollox.’ 12 Allura pprofetizza u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Poplu tiegħi, jien se niftaħ l-oqbra tagħkom, inqajjimkom minnhom, u nġibkom fl-art t’Iżrael. 13 Poplu tiegħi, se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova meta niftaħ l-oqbra tagħkom u meta nqajjimkom minnhom.”’ 14 ‘Se nagħtikom l-ispirtu tiegħi u tieħdu l-ħajja, u se niħodkom fl-art tagħkom; u se jkollkom tkunu tafu li jien stess, Ġeħova, tkellimt u hekk għamilt,’ jgħid Ġeħova.”
15 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 16 “Bin il-bniedem, ħu bastun u ikteb fuqu, ‘Għal Ġuda u għall-poplu t’Iżrael li qegħdin miegħu.’* Imbagħad ħu bastun ieħor u ikteb fuqu, ‘Għal Ġużeppi, il-bastun t’Efrajm, u għall-poplu kollu t’Iżrael li qegħdin miegħu.’* 17 Imbagħad ressaqhom ħdejn xulxin ħalli jsiru bastun wieħed f’idek. 18 Meta l-poplu tiegħek jistaqsuk, ‘Tistaʼ tispjegalna xi jfissru dawn l-affarijiet?’ 19 għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nieħu l-bastun taʼ Ġużeppi, li qiegħed f’id Efrajm, u tat-tribujiet t’Iżrael li qegħdin miegħu u ngħaqqadhom mal-bastun taʼ Ġuda, u nagħmilhom bastun wieħed, u huma jsiru wieħed f’idi.”’ 20 Il-bsaten li tikteb fuqhom għandhom ikunu f’idek ħalli jarawhom.
21 “Imbagħad għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nieħu lill-Iżraelin minn fost il-popli fejn marru, u se niġborhom flimkien minn kull direzzjoni u nġibhom fil-pajjiż tagħhom. 22 Jien se nagħmilhom poplu wieħed fil-pajjiż, fuq il-muntanji t’Iżrael, u re wieħed se jmexxi fuqhom. Ma jibqgħux iktar żewġ popli u lanqas jibqgħu mifrudin f’żewġ saltniet. 23 Huma mhux se jibqgħu jniġġsu lilhom infushom bl-idoli moqżieża* tagħhom, bl-affarijiet diżgustanti tagħhom, u bid-dnubiet kollha tagħhom. Jien se nsalvahom min-nuqqas taʼ lealtà tagħhom li ġegħlithom jidinbu, u se nnaddafhom. Huma se jkunu l-poplu tiegħi, u jien stess se nkun l-Alla tagħhom.
24 “‘“Il-qaddej tiegħi David se jkun ir-re tagħhom, u huma kollha se jkollhom ragħaj wieħed. Huma se jżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u jobdu bir-reqqa l-liġijiet tiegħi. 25 Huma se jgħixu fl-art li jien tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb, fejn kienu jgħixu missirijietkom, u se jgħixu hemm għal dejjem huma, it-tfal tagħhom, u t-tfal tat-tfal tagħhom. U l-qaddej tiegħi David se jkun il-kap* tagħhom għal dejjem.
26 “‘“U se nagħmel magħhom patt taʼ paċi; se jkun patt għal dejjem. Jien se nagħtihom post fil-pajjiż tagħhom, nagħmilhom ħafna, u nqiegħed is-santwarju tiegħi f’nofshom għal dejjem. 27 It-tinda* tiegħi se tkun magħhom,* u se nkun l-Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. 28 U l-popli se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova, qed inqaddes lil Iżrael meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem.”’”