Eżekjel
39 “Bin il-bniedem, ipprofetizza kontra Gog u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Gog, il-kap* il-kbir taʼ Mesek u Tubal, jien kontrik. 2 Jien se ndawrek, immexxik, u nġiegħlek tiġi mill-iktar partijiet imbegħdin tat-Tramuntana u nġibek fuq il-muntanji t’Iżrael. 3 Se ntajjarlek il-qaws minn idek ix-xellugija u nwaqqagħlek il-vleġeġ minn idek il-leminija. 4 Int se taqaʼ mejjet fuq il-muntanji t’Iżrael flimkien mas-suldati kollha tiegħek u l-popli li jkunu miegħek. Se nagħtik bħala ikel għal kull tip t’għasfur tal-priża u għall-annimali slavaġ.”’
5 “‘Int se taqaʼ mejjet f’nofs l-għelieqi, għax jien stess tkellimt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
6 “‘U jien se nibgħat nar fuq Magog u fuq dawk kollha li qed jgħixu fil-gżejjer fis-sigurtà, u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova. 7 Jien se nagħmel l-isem qaddis tiegħi magħruf fost il-poplu tiegħi Iżrael, u mhux se nħalli lill-isem qaddis tiegħi jiġi ddiżonorat iktar; u l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova, il-Qaddis f’Iżrael.’
8 “‘Iva, dak li ġie pprofetizzat se jiġri u se jitwettaq,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Dan hu l-jum li jien tkellimt dwaru. 9 In-nies tal-bliet t’Iżrael se joħorġu u jqabbdu n-nar billi jaħarqu l-armi: it-tarki ż-żgħar* u t-tarki l-kbar, il-qwas u l-vleġeġ, u l-mazez* u l-lanez. Huma se jużawhom biex iqabbdu n-nar bihom għal sebaʼ snin. 10 Huma mhux se jkollhom bżonn jieħdu z-zkuk mill-għalqa jew jiġbru l-ħatab mill-foresti, għax huma se jużaw l-armi biex iqabbdu n-nar.’
“‘Huma se jieħdu affarijiet mingħand dawk li kienu ħadulhom l-affarijiet, u se jisirqu mingħand dawk li kienu jisirquhom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
11 “‘Dakinhar, jien se nagħti lil Gog post fejn jindifen f’Iżrael, fil-wied taʼ dawk li jivvjaġġaw lejn il-Lvant tal-Baħar il-Mejjet. Il-wied se jagħlaq it-triq taʼ dawk li jgħaddu minn hemm. Hemm se jindifen Gog u l-folol kollha tan-nies tiegħu, u se jsejħulu l-Wied taʼ Ħamon Gog.* 12 Il-poplu t’Iżrael se jdum sebaʼ xhur biex jidfinhom ħalli b’hekk inaddaf il-pajjiż. 13 In-nies kollha tal-pajjiż se jaħdmu biex jidfnuhom, u b’hekk se jiġu onorati dakinhar li nigglorifika lili nnifsi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
14 “‘Xi rġiel se jiġu inkarigati biex il-ħin kollu jduru mal-pajjiż u jidfnu lil dawk li jkun għad fadal fuq wiċċ l-art, biex b’hekk inaddfuha. Huma se jkomplu jfittxu għal sebaʼ xhur. 15 Meta dawk li jgħaddu mill-pajjiż jaraw għadma taʼ bniedem, huma jagħmlu sinjal maġenbha. Imbagħad dawk li huma inkarigati biex jidfnu, se jidfnuha fil-Wied taʼ Ħamon Gog. 16 U hemm se jkun hemm ukoll belt li jisimha Ħamona.* U l-pajjiż se jiġi mnaddaf.’
17 “Bin il-bniedem, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Għid lil kull tip t’għasfur u lil kull bhima salvaġġa, “Inġabru flimkien u ejjew. Inġabru madwar is-sagrifiċċju tiegħi li qed nipprepara għalikom, sagrifiċċju kbir fuq il-muntanji t’Iżrael. Intom se tieklu l-laħam u tixorbu d-demm. 18 Intom se tieklu l-laħam taʼ dawk b’saħħithom u tixorbu d-demm tal-kapijiet tal-art: l-imtaten, il-ħrief, il-bdabad, u l-barrin, l-annimali kollha msemmnin tal-Basan. 19 Intom se tiffangaw bix-xaħam u tixorbu d-demm sakemm tiskru mis-sagrifiċċju li jien nipprepara għalikom.”’
20 “‘Mill-mejda tiegħi, se tinfaqgħu bil-laħam taż-żwiemel u tas-sewwieqa tal-karrijiet, u b’taʼ wħud b’saħħithom u kull tip taʼ gwerrier,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
21 “‘Se nuri l-glorja tiegħi fost il-popli, u l-popli kollha se jkollhom jaraw il-ġudizzju li għamilt u l-qawwa li wrejt fosthom. 22 Minn dakinhar ’il quddiem, il-poplu t’Iżrael se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom. 23 U l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li l-poplu t’Iżrael marru fl-eżilju minħabba d-dnubiet tagħhom, għax huma ma kinux leali lejja. Għalhekk, jien ħbejt wiċċi minnhom u tajthom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u kollha kemm huma mietu bix-xabla. 24 Jien ikkastigajthom kif kien jistħoqqilhom minħabba l-affarijiet mhux nodfa li għamlu u d-dnubiet tagħhom, u jien ħbejt wiċċi minnhom.’
25 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se nġib lura lil dawk taʼ Ġakobb li huma fl-eżilju u nuri ħniena mal-poplu kollu t’Iżrael; u se niddefendi l-isem qaddis tiegħi bis-saħħa kollha tiegħi.* 26 Wara li jkunu ġew umiljati minħabba li ma kinux leali lejja, huma se jgħixu b’moħħhom mistrieħ fil-pajjiż tagħhom u ma jbeżżagħhom ħadd. 27 Meta nġibhom lura mill-popli u niġborhom flimkien mill-pajjiżi tal-għedewwa tagħhom, jien ukoll inqaddes lili nnifsi fosthom quddiem għajnejn ħafna popli.’
28 “‘Huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom meta nibgħathom fl-eżilju fost il-popli u mbagħad nerġaʼ nġibhom lura fil-pajjiż tagħhom, u ma nħalli lil ħadd minnhom hemmhekk. 29 Jien ma nibqax naħbi wiċċi minnhom, għax nitfaʼ l-ispirtu qaddis tiegħi fuq il-poplu t’Iżrael,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”