Eżekjel
4 “Bin il-bniedem, ħu briksa u qegħedha quddiemek. Fuqha naqqax il-belt taʼ Ġerusalemm. 2 Dawwarha b’assedju, ibni ħajt tal-assedju kontriha, tellaʼ kontriha rampa għall-assedju, agħmel kampijiet tas-suldati kontriha, u dawwarha b’magni li jeqirdu l-bibien u s-swar. 3 Ħu pjanċa tal-ħadid u qegħedha bħala ħajt tal-ħadid bejnek u bejn il-belt. Imbagħad ħares lejn il-belt, u din se tkun taħt assedju; int se tassedjaha. Dan hu sinjal għall-poplu t’Iżrael.
4 “Imbagħad għandek timtedd fuq ġenbek tax-xellug u tieħu fuqek il-ħtija tal-poplu t’Iżrael. Int se ġġorr il-ħtija tagħhom għall-ġranet kollha li se tkun mimdud fuq ġenbek. 5 U se jkollok tagħmel dan għal 390 jum, skont is-snin tal-ħtija tagħhom, u int se ġġorr il-ħtija tal-poplu t’Iżrael. 6 Meta tlestihom, għandek timtedd fuq ġenbek tal-lemin u se ġġorr il-ħtija tal-poplu taʼ Ġuda għal 40 jum. Se nagħtik ġurnata għal kull sena. 7 Int se tħares lejn l-assedju taʼ Ġerusalemm bil-kmiem imxammrin, u għandek tipprofetizza kontriha.
8 “Jien se norbtok bi ħbula ħalli ma tkunx tistaʼ ddur minn ġenb għal ieħor sakemm jgħaddu l-jiem kollha tal-assedju li se tagħmel.
9 “Għandek tieħu qamħ, xgħir,* ful, għads, millieġ,* u spelta u tqegħedhom f’kontenitur u minnhom tagħmel ħobż għalik innifsek. Int se tiekol dan sakemm iddum mimdud fuq ġenbek, 390 jum. 10 Int se tiżen u tiekol b’20 xekel* kuljum. Se tiekol f’ċertu ħinijiet.
11 “U ilma se tixrob bil-qies, parti minn sitta taʼ ħinn.* Se tixrob f’ċertu ħinijiet.
12 “Int se tiekol dan bħalma tiekol ftira tax-xgħir. Se taħmih quddiem għajnejhom billi tuża nar magħmul mill-ħmieġ niexef tan-nies.” 13 Ġeħova kompla jgħid: “Hekk se jieklu l-ħobż maħmuġ tagħhom l-Iżraelin fost il-popli li se nxerridhom fihom.”
14 Imbagħad jien għedt: “Mhux hekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox!* Jien minn mindu kont żgħir qatt ma tniġġist billi kilt* laħam t’annimal li nstab mejjet jew t’annimal li jkun tqattaʼ minn annimal ieħor, u qatt ma kilt laħam li mhuwiex nadif.”*
15 Allura qalli: “Tajjeb, jien se nħallik tuża d-demel tal-baqar minflok il-ħmieġ tal-bniedem, u se taħmi l-ħobż fuqu.” 16 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, jien qed innaqqas il-provvista tal-ikel* f’Ġerusalemm, u huma se jieklu b’ansjetà kbira l-porzjon tal-ħobż li jkunu wiżnu u se jixorbu mwerwrin l-ilma li jieħdu bil-qies. 17 Peress li se jonqoshom il-ħobż u l-ilma, huma se jħarsu lejn xulxin ixxokkjati u jispiċċaw fix-xejn minħabba l-iżball tagħhom.