Eżekjel
5 “Bin il-bniedem, ħu xabla li taqtaʼ u użaha bħala mus taʼ barbier. Qaxxar xagħrek u d-daqna, u mbagħad ħu miżien, iżinhom, u qassamhom f’porzjonijiet. 2 Terz minnhom għandek taħarqu fin-nar f’nofs il-belt meta jgħaddu l-ġranet tal-assedju. Imbagħad għandek tieħu terz ieħor u tqattgħu bix-xabla madwar il-belt, u l-aħħar terz għandek ixxerrdu mar-riħ, u jien se nibgħat xabla għal warajhom.
3 “Għandek ukoll tieħu ftit mill-aħħar terz u tgeżwru fil-ħwejjeġ tiegħek. 4 U ħu ftit ieħor minnu u itfgħu fin-nar u aħarqu. Dan in-nar se jinfirex mal-poplu kollu t’Iżrael.
5 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ‘Din hi Ġerusalemm. Jien poġġejtha f’nofs il-popli, imdawra bil-pajjiżi. 6 Imma hi rribellat kontra d-deċiżjonijiet ġudizzjali u l-liġijiet tiegħi, aġixxiet agħar mill-popli u l-pajjiżi taʼ madwarha. Għax in-nies tagħha rrifjutaw id-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u m’obdewx il-liġijiet tiegħi.’
7 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Peress li qlajtu iżjed inkwiet mill-popli kollha taʼ madwarkom, m’obdejtux il-liġijiet tiegħi, u ma żammejtux mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, imma minflok żammejtu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tal-popli kollha taʼ madwarkom, 8 jien, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, hekk ngħid: “Ġerusalemm, jien ġej kontrik u jien stess se nġib ġudizzju fuqek quddiem il-popli. 9 Jien se nagħmillek xi ħaġa li qatt m’għamiltha qabel u li qatt mhu se nerġaʼ nagħmilha, minħabba l-affarijiet moqżieża kollha li għamilt.
10 “‘“Għalhekk, il-ġenituri se jieklu t-tfal tagħhom f’nofsok, u t-tfal se jieklu lill-ġenituri tagħhom, u jien se nġib ġudizzju fuqek u se nxerred lill-kumplament f’kull direzzjoni.”’*
11 “‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Peress li niġġist is-santwarju tiegħi bl-idoli moqżieża kollha tiegħek u bl-affarijiet diżgustanti kollha li għamilt, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li jien ukoll se nwarrbek, m’iniex se nitħassrek, u m’iniex se nuri ħniena. 12 Terz min-nies tiegħek se jmutu bil-mard* jew bil-ġuħ f’nofsok. Terz ieħor se jmutu madwarek bix-xabla. U l-aħħar terz se nxerridhom maʼ kull direzzjoni, u se nibgħat xabla għal warajhom. 13 Imbagħad mhux se nibqaʼ rrabjat u inkorlat magħhom, u jien se nkun kuntent. U meta nkun sfogajt ir-rabja tiegħi magħhom, huma se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova, tkellimt għax irrid li jqimu lili biss.
14 “‘Jien se nagħmlek ħerba, u l-popli taʼ madwarek u kull min jgħaddi minn hemm se jwaqqgħuk għaċ-ċajt. 15 Meta jien b’rabja u korla niġġudikak u nikkastigak, se tiġi mwaqqgħa għaċ-ċajt, immaqdra, u se ssir eżempju taʼ twissija u xi ħaġa tal-biżaʼ għall-popli taʼ madwarek. Jien, Ġeħova, tkellimt.
16 “‘Jien se nibgħat kontra n-nies tiegħek vleġeġ qattiela tal-ġuħ biex jeqirduhom. Il-vleġeġ li se nibgħat se jagħmlukom ħerba. Il-ġuħ tagħkom se nagħmlu agħar, għax se nwaqqaf il-provvista tal-ikel.* 17 Se nibgħat fuq in-nies tiegħek il-ġuħ u l-bhejjem feroċi u se jħalluk bla tfal. Il-mard u l-qtil se jeqirduk, u jien se nġib xabla kontrik. Jien, Ġeħova, tkellimt.’”