Eżekjel
43 Imbagħad ħadni ħdejn il-bieb li jħares lejn il-Lvant. 2 Hemmhekk, min-naħa tal-Lvant rajt ġejja l-glorja t’Alla t’Iżrael, u leħnu kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilma; u d-dinja xegħlet bil-glorja tiegħu. 3 Il-viżjoni li rajt kienet bħall-viżjoni li kelli meta jien mort biex inġib* il-belt ħerba, u kienet qisha dik li rajt ħdejn ix-Xmara Kebar; u jien inżilt wiċċi mal-art.
4 Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova daħlet fit-tempju* mill-bieb li jħares lejn il-Lvant. 5 U spirtu* għollieni u ħadni fil-bitħa taʼ ġewwa, u rajt li t-tempju kien imtela kollu bil-glorja taʼ Ġeħova. 6 Imbagħad smajt lil xi ħadd ikellimni mit-tempju, u r-raġel ġie u qagħad ħdejja. 7 Hu qalli:
“Bin il-bniedem, dan hu l-post tat-tron tiegħi u fejn inqiegħed saqajja, fejn ngħix f’nofs il-poplu tiegħi Iżrael għal dejjem. Il-poplu t’Iżrael u r-rejiet tagħhom mhux se jibqgħu jiddiżonoraw l-isem qaddis tiegħi billi ma jkunux leali lejja* u billi jqimu l-idoli bħala r-rejiet tagħhom.* 8 Meta għamlu l-għatba tagħhom ħdejn l-għatba tiegħi u l-koxxa tal-bieb tagħhom ħdejn il-koxxa tal-bieb tiegħi, u bejni u bejnhom kien hemm biss ħajt, huma ddiżonoraw l-isem qaddis tiegħi bl-affarijiet moqżieża li għamlu. Għalhekk, jien irrabjajt u qridthom għalkollox. 9 Issa ħalli ma jibqgħux ikunu żleali lejja* u jneħħu* l-idoli li jqimu bħala r-rejiet tagħhom, u jien ngħix fosthom għal dejjem.
10 “U int, bin il-bniedem, iddeskrivi t-tempju lill-poplu t’Iżrael ħalli b’hekk jistħu minħabba d-dnubiet tagħhom, u huma għandhom jistudjaw* il-pjanta tiegħu. 11 U jekk huma jistħu minħabba dak kollu li għamlu, penġi pjanta t’isfel tat-tempju quddiem għajnejhom. Urihom l-arranġament, il-ħruġ, id-dħul, u l-pjanti kollha t’isfel tiegħu. Informahom dwar il-liġijiet u r-regoli ħalli huma jieħdu nota tal-pjanta t’isfel tiegħu u jobduhom. 12 Din hi l-liġi tat-tempju. It-territorju kollu mad-dawra taʼ fuq tal-muntanja hu l-Iktar Qaddis. Din hi l-liġi tat-tempju.
13 “Dawn huma l-qisien tal-artal bil-kubiti (maʼ kull kubitu ġiet miżjuda wisaʼ taʼ id).* Il-bażi tiegħu hi kubitu u l-wisaʼ tiegħu kubitu. L-artal għandu bordura mad-dawra kollha tax-xifer li hi wiesgħa xiber.* Dan hu l-bażi tal-artal. 14 Mill-bażi li hemm mal-art sal-wiċċ tal-ewwel parti l-baxxa hemm żewġ kubiti u wisaʼ taʼ kubitu. Mill-parti ż-żgħira l-baxxa sal-wiċċ tal-parti l-kbira hemm erbaʼ kubiti u wiesgħa kubitu. It-tielet parti hi għolja erbaʼ kubiti. 15 Din il-parti taʼ fuq nett tal-artal hi fejn iqabbdu n-nar u għandha erbat iqrun mal-kantunieri. 16 Il-parti tal-artal fejn iqabbdu n-nar hi kwadra, twila 12-il kubitu u wiesgħa 12-il kubitu. 17 L-erbaʼ naħat tal-parti l-kbira huma twal 14-il kubitu u wiesgħa 14-il kubitu; mad-dawra għandha bordura li hi nofs kubitu u l-bażi tal-artal hi kubitu mad-dawra kollha.
“U t-taraġ tiegħu jħares lejn il-Lvant.”
18 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Dawn huma d-direzzjonijiet li għandek issegwi meta jsir l-artal, ħalli jkunu jistgħu jiġu offruti l-offerti sħaħ tal-ħruq u jiġi mraxxax id-demm fuqu.’
19 “‘Għandek tagħti barri żgħir mill-merħla bħala offerta għad-dnub lill-qassisin Leviti li jiġu mill-familja taʼ Sadok, li jersqu lejja biex jaqduni,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 20 Għandek tieħu ftit mid-demm tiegħu u tqiegħdu fuq l-erbat iqrun tal-artal, fuq l-erbaʼ kantunieri tal-parti l-kbira, u fuq il-bordura t’isfel mad-dawra kollha, ħalli tippurifikah mid-dnub u tagħmel tpattija għalih. 21 Imbagħad ħu l-barri ż-żgħir li hu l-offerta għad-dnub ħalli taħarqu fil-post magħżul tat-tempju, barra s-santwarju. 22 Fit-tieni jum, se toffri gidi bla difett bħala offerta għad-dnub; u l-qassisin se jippurifikaw l-artal mid-dnub bħalma ppurifikawh mid-dnub bil-barri żgħir.’
23 “‘Meta tkun lestejt tippurifikah mid-dnub, int se toffri barri żgħir bla difett u muntun bla difett mill-merħla. 24 Għandek tippreżentahom lil Ġeħova, u l-qassisin għandhom jitfgħu l-melħ fuqhom u joffruhom bħala offerta tal-ħruq sħiħa lil Ġeħova. 25 Bħala offerta għad-dnub taʼ kuljum għandek toffri għal sebat ijiem gidi, barri żgħir, u muntun mill-merħla; int se toffri annimali bla difett.* 26 Għal sebat ijiem, il-qassisin għandhom jagħmlu tpattija għall-artal, u għandhom inaddfuh u jinawgurawh. 27 Meta jgħaddu dawn il-ġranet, fit-tmien jum u wara, il-qassisin għandhom joffru l-offerti sħaħ tal-ħruq tagħkom* u s-sagrifiċċji tal-paċi fuq l-artal; u jien nieħu pjaċir bikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”