Eżekjel
47 Imbagħad ġabni lura fid-daħla tat-tempju, u hemmhekk rajt l-ilma ħiereġ lejn il-Lvant minn taħt l-għatba tat-tempju, għax in-naħa taʼ quddiem tat-tempju kienet tħares lejn il-Lvant. L-ilma kien ħiereġ minn taħt il-lemin tat-tempju, lejn in-Nofsinhar tal-artal.
2 Imbagħad ħadni barra mill-bieb tat-Tramuntana u ħariġni barra u dawwarni lejn il-bieb taʼ barra li jħares lejn il-Lvant, u rajt ilma nieżel min-naħa tal-lemin.
3 Meta r-raġel mar lejn il-Lvant b’ħabel tal-kejl f’idu, hu kejjel 1,000 kubitu* u għaddieni mill-ilma li kien jasal sal-għaksa.
4 Imbagħad kejjel 1,000 kubitu ieħor u għaddieni mill-ilma li kien jasal sa rkopptejja.
Wara kejjel 1,000 kubitu ieħor u għaddieni minnu, u l-ilma kien jasal sa ġenbejja.
5 Meta kejjel 1,000 kubitu ieħor, ma stajtx naqsam ix-xmara bil-mixi. L-ilma tant kien fond li wieħed kellu jgħum. Kienet xmara li wieħed ma setax jgħaddi minnha bil-mixi.
6 Hu staqsieni: “Rajtu dan, bin il-bniedem?”
Imbagħad mexxieni u ħadni lura fix-xatt tax-xmara. 7 Meta mort lura, jien rajt ammont kbir taʼ siġar fuq iż-żewġ naħat tax-xatt tax-xmara. 8 Imbagħad qalli: “Dan l-ilma sejjer lejn ir-reġjun tal-Lvant u se jibqaʼ għaddej mill-Għaraba* u jispiċċa fil-baħar. Meta jispiċċa fil-baħar, l-ilma jsir ħelu. 9 Qtajjaʼ taʼ ħlejjaq ħajjin se jkunu jistgħu jgħixu minn kull fejn jgħaddu l-ilmijiet.* Se jkun hemm abbundanza taʼ ħut, għax dan l-ilma jgħaddi minn hemmhekk. L-ilma baħar se jsir ħelu u se jkun hemm il-ħajja kull fejn tgħaddi x-xmara.
10 “Is-sajjieda se joqogħdu ħdejha minn Għajn-gedi sa Għajn-għeġlajm, u hemm se jkun hemm post fejn inixxfu x-xbieki fih. Se jkun hemm abbundanza kbira taʼ ħut differenti, bħall-ħut tal-Baħar il-Kbir.*
11 “Il-postijiet li fihom l-ilma qiegħed u l-għadajjar se jibqgħu kif inhuma. Dawn se jibqgħu bil-melħ.
12 “Kull tip taʼ siġra tal-frott se tikber fuq iż-żewġ naħat tax-xatt tax-xmara. Il-weraq tagħhom mhux se jinxef u l-frott tagħhom mhux se jaqaʼ. Huma jagħmlu l-frott kull xahar, għax ikollhom l-ilma li jiġi mis-santwarju. Il-frott tagħhom se jkun għall-ikel, u l-weraq tagħhom biex ifejjaq in-nies.”
13 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Dan hu t-territorju tal-pajjiżi li intom se tqassmu bħala wirt lit-12-il tribù t’Iżrael, u Ġużeppi se jkollu żewġ porzjonijiet. 14 Intom se tirtuhom u l-artijiet se jkunu ndaqs.* Jien ħlift li nagħti din l-art lil missirijietkom, u issa qed nagħtiha lilkom bħala wirt.
15 “Il-fruntiera tal-pajjiż li qiegħda fuq in-naħa tat-Tramuntana hija din: Din tibda mill-Baħar il-Kbir mit-triq li tagħti għal Ħetlon u tibqaʼ sejra Sedad, 16 Ħamat, Berota, Sibrajm, li hemm bejn it-territorju taʼ Damasku u t-territorju taʼ Ħamat, u tibqaʼ sejra sa Ħaser-ħattikon, li qiegħed ħdejn il-fruntiera taʼ Ħawran. 17 Allura l-fruntiera se tibda mill-baħar lejn Ħasar-għenon, tul il-fruntiera taʼ Damasku lejn it-Tramuntana, u l-fruntiera taʼ Ħamat. Din hi l-fruntiera tat-Tramuntana.
18 “In-naħa tal-Lvant qiegħda bejn Ħawran u Damasku u t-tul tal-Ġordan bejn Gilegħad u l-art t’Iżrael. Intom għandkom tkejlu mill-fruntiera sal-baħar tal-Lvant.* Din hi l-fruntiera tal-Lvant.
19 “Il-fruntiera tan-Nofsinhar se tkun minn Tamar sal-ilmijiet taʼ Meribat-kades, imbagħad lejn il-Wied tal-Eġittu u l-Baħar il-Kbir. Din hi l-fruntiera tan-Nofsinhar.
20 “Fuq in-naħa tal-Punent hemm il-Baħar il-Kbir, mill-fruntiera tan-Nofsinhar sa xi mkien fuq in-naħa l-oħra taʼ Lebo-ħamat.* Din hi l-fruntiera tal-Punent.”
21 “Tridu tqassmu din l-art bejnietkom, bejn it-12-il tribù t’Iżrael. 22 U tridu tqassmu l-art bħala wirt bejnietkom u bejn il-barranin li kienu jgħixu magħkom u kellhom it-tfal waqt li kienu jgħixu fostkom. U għalikom dawn se jkunu bħallikieku Iżraelin. Huma se jirċievu wirt fost it-tribujiet t’Iżrael flimkien magħkom. 23 Lill-barranin li joqogħdu magħkom għandkom tagħtuhom wirt mit-territorju tat-tribù fejn kienu qegħdin jgħixu,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.