Eżekjel
6 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ħares lejn il-muntanji t’Iżrael u pprofetizza kontrihom. 3 Għandek tgħid, ‘Muntanji t’Iżrael, isimgħu dak li jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lill-muntanji, lill-għoljiet, lix-xmajjar, u lill-widien: “Jien se nibgħat suldati bix-xabla kontrikom, u se jeqirdu l-postijiet għoljin tagħkom. 4 L-artali tagħkom se jitwaqqgħu, l-artali tal-inċens tagħkom se jitkissru, u n-nies tagħkom li se jinqatlu se nitfagħhom quddiem l-idoli moqżieża* tagħkom. 5 Se nitfaʼ l-iġsma mejtin tal-poplu t’Iżrael quddiem l-idoli moqżieża tagħhom, u se nxerred l-għadam tagħkom madwar l-artali tagħkom kollha. 6 Fil-postijiet kollha li toqogħdu, il-bliet se jsiru ħerba u l-postijiet għoljin se jitwaqqgħu u jitħallew ħerba. L-artali tagħkom se jitwaqqgħu u jitkissru, l-idoli moqżieża tagħkom se jispiċċaw fix-xejn, l-artali tagħkom tal-inċens se jitkissru, u x-xogħol kollu tagħkom se jinqered. 7 U dawk li jinqatlu se jaqgħu f’nofskom, u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.
8 “‘“Imma jien se nħalli fdal minnkom, għax ftit minnkom mhux se jmutu bix-xabla fost il-popli meta tinxterdu f’pajjiżi oħra. 9 U dawk li jibqgħu ħajjin se jiftakruni fost il-popli fejn se jittieħdu lsiera. Huma se jirrealizzaw li jien kelli qalbi maqsuma minħabba li ma kinux leali* u li abbandunawni. Huma kienu jixxennqu biex jaraw l-idoli diżgustanti tagħhom. Huma se jistħu mill-affarijiet ħżiena u moqżieża kollha li għamlu u se jobogħduhom. 10 Se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova u li meta heddidthom li se nġib dan id-diżastru fuqhom ma kienx paroli fil-vojt.”’
11 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Ċapċap idejk bil-biżaʼ, sabbat saqajk biex turi kemm int imdejjaq, u ħa jiddispjaċik għall-ħażen u l-affarijiet moqżieża kollha li għamel il-poplu t’Iżrael, għax huma se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* 12 Dak li se jkun ’il bogħod se jmut bil-mard, dak li se jkun qrib se jmut bix-xabla, u min jibqaʼ ħaj minn dawn l-affarijiet se jmut bil-ġuħ. Jien se nisfoga r-rabja tiegħi kontrihom. 13 U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta l-maqtulin tagħhom ikunu fost l-idoli moqżieża tagħhom, madwar l-artali kollha tagħhom, fuq kull għolja kbira, fuq il-qċaċet kollha tal-muntanji, taħt kull siġra b’saħħitha, u taħt il-friegħi tas-siġar kbar fejn għamlu offerti li jfuħu biex jikkalmaw lill-idoli moqżieża kollha tagħhom. 14 Jien se nuri l-qawwa tiegħi kontrihom u nagħmel lill-pajjiż art abbandunata, u l-postijiet fejn joqogħdu nagħmilhom iktar abbandunati mid-deżert qrib Dibla. U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”