Eżekjel
1 Fil-ħames jum tar-rabaʼ xahar tas-sena 30,* meta kont fost il-poplu eżiljat ħdejn ix-Xmara Kebar, is-sema nfetħet u bdejt nara viżjonijiet mingħand Alla. 2 Fil-ħames jum tax-xahar, jiġifieri fil-ħames sena li r-Re Ġeħojakin kien eżiljat, 3 jien, Eżekjel,* irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova ħdejn ix-Xmara Kebar fl-art tal-Kaldin. Jien it-tifel tal-qassis Bużi. Hemmhekk irċivejt l-ispirtu* taʼ Ġeħova.
4 Jien u nħares, rajt riefnu qawwi ġej mit-Tramuntana, u kien hemm sħaba enormi u sajjetti li kienu mdawrin* b’dawl qawwi. F’nofs is-sajjetti kien hemm xi ħaġa li tixbah lill-metall imħallat bid-deheb u l-fidda. 5 Fihom kien hemm bħal erbaʼ ħlejjaq ħajjin,* u kull waħda kienet tidher bħal bniedem. 6 Kull ħliqa kellha erbaʼ wċuħ u erbaʼ ġwienaħ. 7 Saqajhom kienu dritti, u l-qiegħ taʼ saqajhom kien bħal taʼ barri żgħir,* u huma kienu qed ileqqu bħar-ram illostrat. 8 Dawn kellhom idejn bħal tan-nies taħt il-ġwienaħ tagħhom fuq l-erbaʼ naħat, u l-erbgħa li huma kellhom uċuħ u ġwienaħ. 9 Il-ġwienaħ tagħhom kienu jmissu maʼ xulxin. Ma kellhomx bżonn iduru meta jitilqu; l-erbgħa li huma kienu jmorru dritt ’il quddiem.
10 Wiċċhom kien jidher b’dan il-mod: Kull ħliqa kellha wiċċ taʼ bniedem, wiċċ taʼ ljun fuq il-lemin, wiċċ taʼ barri fuq ix-xellug, u wiċċ t’ajkla fuq wara. 11 Hekk kien jidher wiċċhom. Il-ġwienaħ tagħhom kienu miftuħin ’il fuq. Kull ħliqa kellha żewġt iġwienaħ li kienu jmissu maʼ xulxin u żewġt iġwienaħ li jgħattu ġisimhom.
12 L-erbgħa li huma kienu jmorru dritt ’il quddiem, kull fejn jidderiġihom l-ispirtu. Huma ma kellhomx bżonn iduru meta jitilqu. 13 Il-ħlejjaq ħajjin kienu jidhru bħal ġamar tan-nar jaqbad. Bejn kull ħliqa kien hemm xi ħaġa li tixbah lil torċi mixgħulin bin-nar u li kienet tiċċaqlaq ’il quddiem u lura. Min-nar kienu ħerġin is-sajjetti. 14 Meta l-ħlejjaq ħajjin kienu jmorru u jiġu, tant kienu jgħaġġlu li kienu jidhru bħal sajjetta.
15 Jien u nħares lejn il-ħlejjaq ħajjin, rajt rota mal-art ħdejn kull ħliqa ħajja b’erbaʼ wċuħ. 16 Ir-roti kienu jleqqu bħall-ħaġar tal-krisolitu, u l-erbgħa li huma kienu jidhru l-istess. Dawn kienu bħal rota msallba f’rota oħra. 17 Meta kienu jiċċaqalqu, huma setgħu jmorru lejn l-erbaʼ direzzjonijiet mingħajr il-bżonn li jduru. 18 Dawn ir-roti tant kienu għoljin li kienu xi ħaġa tal-għaġeb, u d-dawra taʼ barra taʼ kull rota kienet mimlija għajnejn. 19 Kull meta l-ħlejjaq kienu jiċċaqalqu, ir-roti kienu jiċċaqalqu magħhom, u meta l-ħlejjaq kienu jitilgħu ’l fuq mill-art, ir-roti wkoll kienu jitilgħu ’l fuq. 20 Huma kienu jmorru fejn jidderiġihom l-ispirtu t’Alla, kull fejn imur l-ispirtu. Ir-roti kienu jitilgħu ’l fuq magħhom, għax l-ispirtu li kien jidderieġi l-ħlejjaq ħajjin* kien jidderieġi r-roti wkoll. 21 Meta kienu jiċċaqalqu, dawn kienu jiċċaqalqu magħhom; u meta kienu jkunu weqfin, dawn kienu jkunu weqfin; u meta kienu jitilgħu ’l fuq mill-art, ir-roti kienu jitilgħu ’l fuq magħhom, għax l-ispirtu li kien jidderieġi l-ħlejjaq ħajjin kien jidderieġi r-roti wkoll.
22 Fuq ras il-ħlejjaq ħajjin kien hemm bħal ħġieġa impressjonanti u tleqq bħas-silġ. Din kienet kbira u kienet fuq il-ħlejjaq. 23 Huma kienu taħtha bi ġwinħajhom dritti, b’waħda tmiss mal-oħra. Il-ħlejjaq kollha kellhom żewġt iġwienaħ biex jgħattu naħa waħda taʼ ġisimhom u tnejn biex jgħattu n-naħa l-oħra. 24 Meta smajt il-ħoss taʼ ġwinħajhom, kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilma, bħall-ħoss taʼ Dak li Jistaʼ Kollox. Meta kienu jiċċaqalqu, il-ħoss kien ikun bħal dik t’armata. Meta kienu jkunu weqfin, kienu jniżżlu ġwinħajhom.
25 Kien hemm leħen fuq il-ħġieġa taʼ fuq rashom. (Meta kienu jkunu weqfin, huma kienu jniżżlu ġwinħajhom.) 26 Fuq il-ħġieġa taʼ fuq rashom kien hemm xi ħaġa bħal ħaġra taż-żaffir, u din kienet tixbah lil tron. Bilqiegħda fuq it-tron kien hemm xi ħadd li jixbah lil bniedem. 27 U jien rajt kif kien jidher minn qaddu ’l fuq. Hu kien jidher ileqq bħall-metall imħallat bid-deheb u l-fidda, bħar-raġġi tan-nar. Minn qaddu ’l isfel kien jidher bħal nar. Madwaru kellu dija 28 bħal dik taʼ qawsalla fi sħaba f’ġurnata bix-xita. Hekk kienet tidher id-dija taʼ madwaru. Din kienet tixbah il-glorja taʼ Ġeħova. Meta rajtha, inżilt wiċċi mal-art u bdejt nismaʼ lil xi ħadd jitkellem.