Eżekjel
10 Hekk kif kont qed inħares fuq dik li kienet qisha ħġieġa li kienet fuq ras il-kerubini, jien rajt bħal ħaġra taż-żaffir li kienet tidher bħal tron. 2 Imbagħad Alla qal lir-raġel li kien liebes l-għażel: “Idħol bejn ir-roti taħt il-kerubini u imla jdejk it-tnejn b’ġamar jaqbad minn bejn il-kerubini u itfgħu fuq il-belt.” Għalhekk, hu daħal waqt li jien kont qed inħares.
3 Il-kerubini kienu weqfin fuq in-naħa tal-lemin tat-tempju meta daħal ir-raġel, u s-sħaba mliet il-bitħa taʼ ġewwa. 4 U l-glorja taʼ Ġeħova għoliet minn fuq il-kerubini lejn l-għatba tal-bieb tat-tempju, u bil-mod il-mod it-tempju mtela bis-sħaba, u l-bitħa kienet mimlija bid-dija tal-glorja taʼ Ġeħova. 5 U mill-bitħa taʼ barra setaʼ jinstemaʼ l-ħoss tal-ġwienaħ tal-kerubini, bħall-ħoss taʼ meta jitkellem l-Alla li Jistaʼ Kollox.
6 Imbagħad ikkmanda lir-raġel li kien liebes l-għażel: “Ħu n-nar minn bejn ir-roti, minn bejn il-kerubini,” u hu daħal u qagħad ħdejn ir-rota. 7 Imbagħad wieħed mill-kerubini ħareġ idu lejn in-nar li kien hemm bejn il-kerubini. Hu ħa ftit minnu u poġġieh f’idejn it-tnejn taʼ dak li kien liebes l-għażel. Imbagħad dan ħadu u ħareġ. 8 Il-kerubini kellhom qishom idejn taʼ bniedem taħt ġwinħajhom.
9 Hekk kif kont qed inħares, rajt erbaʼ roti ħdejn il-kerubini, rota ħdejn kull kerubin. U r-roti kienu jleqqu bħal ħaġra tal-krisolitu. 10 L-erbgħa li huma kienu jidhru l-istess, bħal rota msallba f’rota oħra. 11 Meta kienu jiċċaqalqu, huma setgħu jmorru lejn l-erbaʼ direzzjonijiet mingħajr il-bżonn li jduru, għax kienu jmorru lejn il-post fejn kien iħares wiċċhom mingħajr ma kienu jduru. 12 Ġisimhom kollu, daharhom, idejhom, ġwinħajhom, u r-roti, ir-roti tal-erbgħa li huma, kienu mimlijin bl-għajnejn mad-dawra. 13 Rigward ir-roti, smajt leħen jgħajtilhom, “Roti!”
14 Kull kerubin kellu erbaʼ wċuħ. L-ewwel wiċċ kien wiċċ taʼ kerubin, it-tieni kien wiċċ taʼ bniedem, it-tielet kien wiċċ taʼ ljun, u r-rabaʼ kien wiċċ t’ajkla.
15 U l-kerubini kienu jogħlew. Dawn kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li jien kont rajt ħdejn ix-Xmara Kebar. 16 Meta l-kerubini kienu jiċċaqalqu, ir-roti kienu jiċċaqalqu magħhom; u meta l-kerubini kienu jiftħu ġwinħajhom biex jogħlew ’il fuq mill-art, ir-roti ma kinux iduru jew jersqu minn ħdejhom. 17 Meta dawn kienu jkunu weqfin, huma kienu jkunu weqfin; meta kienu jogħlew, dawn kienu jogħlew magħhom, għax kien jidderiġihom l-ispirtu li kien jidderieġi l-ħlejjaq ħajjin.*
18 Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova telqet minn fuq l-għatba tal-bieb tat-tempju u qagħdet fuq il-kerubini. 19 Hekk kif kont qed inħares, il-kerubini fetħu ġwinħajhom u għolew mill-art. Ir-roti wkoll kienu ħdejhom meta telqu. Huma waqfu fid-daħla tal-bieb tal-Lvant tat-tempju taʼ Ġeħova, u l-glorja tal-Alla t’Iżrael kienet fuqhom.
20 Dawn kienu l-ħlejjaq ħajjin li jien kont rajt taħt it-tron tal-Alla t’Iżrael ħdejn ix-Xmara Kebar, għalhekk irrealizzajt li dawn kienu kerubini. 21 L-erbgħa li huma kellhom erbaʼ wċuħ, erbaʼ ġwienaħ, u qishom idejn taʼ bniedem taħt ġwinħajhom. 22 U l-uċuħ tagħhom kienu bħall-uċuħ li rajt ħdejn ix-Xmara Kebar. L-erbgħa li huma kienu jmorru dritt ’il quddiem.