Eżekjel
11 U l-ispirtu refagħni u ħadni fejn il-bieb tat-tempju taʼ Ġeħova li jħares lejn il-Lvant. U fid-daħla tal-bieb rajt 25 raġel, li kienu mexxejja tal-poplu, u fosthom kien hemm Ġagħżanija bin Għażżur u Pelatija bin Benaja. 2 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, dawn huma l-irġiel li qed jippjanaw biex jagħmlu l-ħsara u li qed jagħtu pariri ħżiena fil-belt.* 3 Huma qed jgħidu, ‘Jaqaw mhux issa ż-żmien biex nibnu d-djar? Il-belt* hi bħal borma u aħna bħal laħam.’*
4 “Allura pprofetizza kontrihom. Bin il-bniedem, ipprofetizza.”
5 Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuqi, u qalli: “Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Sew qed tgħidu, poplu t’Iżrael, u jien naf x’intom taħsbu. 6 Intom ġegħeltu ħafna jmutu f’din il-belt u mlejtu t-toroq tagħha bil-mejtin.”’” 7 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ‘L-iġsma mejtin li intom ferrixtu fil-belt huma bħal-laħam, u l-belt hi bħall-borma. Imma intom se titneħħew minnha.’”
8 “‘Intom bżajtu mix-xabla, u xabla se nġib kontrikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 9 ‘Se noħroġkom minnha u nagħtikom f’idejn il-barranin u se nġib ġudizzju fuqkom. 10 Intom se tmutu bix-xabla. Jien se niġġudikakom fil-fruntiera t’Iżrael u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 11 Il-belt mhux se tkun bħall-borma għalikom, u intom mhux se tkunu bħal-laħam taʼ ġo fiha. Jien se niġġudikakom fil-fruntiera t’Iżrael, 12 u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. Għax intom m’obdejtux ir-regolamenti tiegħi u ma żammejtux mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, imma aġixxejtu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tal-popli taʼ madwarkom.’”
13 Malli pprofetizzajt, Pelatija bin Benaja miet. Jien inżilt wiċċi mal-art u għajjatt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, se teqred għalkollox lil dawk kollha li fadal minn Iżrael?”
14 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 15 “Bin il-bniedem, in-nies taʼ Ġerusalemm qalu lil ħutek, dawk li jiġu minnek bid-dritt li jixtru l-propjetà tiegħek, u lill-poplu t’Iżrael, ‘Ibqgħu ’l bogħod minn Ġeħova. Il-pajjiż hu tagħna; ingħata lilna.’ 16 Għalhekk għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Għalkemm bgħatthom ’il bogħod biex jgħixu fost il-popli u xerridthom fost il-pajjiżi, għal ftit żmien, jien se nsir santwarju għalihom fil-pajjiżi li marru fihom.”’
17 “Għalhekk għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se niġborkom mill-popli u mill-pajjiżi li nfrixtu fihom, u se nagħtikom l-art t’Iżrael. 18 U se tmorru lura hemmhekk u tneħħu minnha l-affarijiet moqżieża u diżgustanti li jsiru fiha. 19 Jien se nagħtikom qalb waħda u se nbiddel il-mod kif taħsbu.* Jien se nneħħilkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam,* 20 biex timxu mal-liġijiet tiegħi u żżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u tobduhom. U intom tkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun l-Alla tagħkom.”’
21 “‘“Imma dawk li huma determinati li jibqgħu jagħmlu l-affarijiet moqżieża u diżgustanti tagħhom, jien se nġib fuqhom il-konsegwenzi tagħhom stess,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”
22 Il-kerubini fetħu ġwinħajhom, ir-roti kienu maġenbhom, u l-glorja tal-Alla t’Iżrael kienet fuqhom. 23 Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova telgħet mill-belt u waqfet fuq il-muntanja lejn il-Lvant tal-belt. 24 Permezz taʼ viżjoni bl-ispirtu* t’Alla, l-ispirtu għollieni u ġabni għand il-poplu eżiljat fil-Kaldija. Imbagħad spiċċat il-viżjoni li rajt. 25 U jien bdejt ngħid lill-poplu eżiljat dwar l-affarijiet kollha li Ġeħova kien urieni.