Eżekjel
12 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, int qed tgħix fost nies ribellużi. Għandhom għajnejn, imma ma jarawx, għandhom widnejn, imma ma jisimgħux, għax huma nies ribellużi. 3 Bin il-bniedem, ipprepara l-ħwejjeġ għall-eżilju. Imbagħad matul il-ġurnata, waqt li jkunu qed jarawk, għandek tmur fl-eżilju. Mur fl-eżilju mid-dar tiegħek għal post ieħor waqt li jkunu qed jarawk. Forsi jifhmu xi jfisser dan, avolja huma nies ribellużi. 4 Oħroġ il-ħwejjeġ għall-eżilju matul il-ġurnata waqt li jkunu qed jarawk. Imbagħad filgħaxija, meta jkunu qed jarawk, għandek titlaq bħal xi ħadd li qed jittieħed għall-eżilju.
5 “Waqt li qed jarawk, ħaffer toqba fil-ħajt u għaddi l-affarijiet tiegħek minn hemm. 6 Waqt li jkunu qed jarawk, poġġi l-affarijiet tiegħek fuq spalltek u ġorrhom fid-dlam. Għatti wiċċek biex ma tkunx tistaʼ tara l-art, għax jien qed nagħmlek bħala sinjal għall-poplu t’Iżrael.”
7 Jien għamilt eżatt kif ġejt ikkmandat. Matul il-ġurnata, ħriġt il-ħwejjeġ li kont se nieħu fl-eżilju, u filgħaxija ħaffirt toqba fil-ħajt b’idejja. U meta dalam, ħadt l-affarijiet u ġarrejthom fuq spallti quddiem għajnejhom.
8 Filgħodu rġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 9 “Bin il-bniedem, il-poplu ribelluż t’Iżrael staqsewk x’qed tagħmel, hux vera? 10 Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Dan il-messaġġ hu għall-kap f’Ġerusalemm u għall-poplu kollu t’Iżrael f’din il-belt.”’
11 “Għidilhom, ‘Jien sinjal għalikom. Hekk se jiġrilhom. Huma se jmorru fl-eżilju u se jkunu lsiera. 12 Il-kap li qiegħed fosthom se jġorr l-affarijiet tiegħu fuq spalltu u jitlaq fid-dlam. Hu se jħaffer toqba fil-ħajt u jgħaddi l-affarijiet tiegħu minn hemm. Hu se jgħatti wiċċu biex ma jkunx jistaʼ jara l-art.’ 13 Jien se nitfa’ x-xibka tiegħi fuqu, u hu jinqabad fiha. Imbagħad se nieħdu f’Babilonja, fl-art tal-Kaldin, imma mhux se jaraha. U hu se jmut hemm. 14 U se nxerred f’kull direzzjoni lil dawk kollha taʼ madwaru, jiġifieri lil dawk li jgħinuh u lis-suldati tiegħu, u se nibgħat xabla għal warajhom. 15 Huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nferrixhom fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi. 16 Imma jien se neħlisha lil xi wħud mix-xabla, mill-ġuħ, u mill-mard,* biex ikunu jistgħu jgħidu fost il-popli fejn se jmorru l-affarijiet moqżieża kollha li kienu jagħmlu; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”
17 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 18 “Bin il-bniedem, int għandek tiekol il-ħobż waqt li titriegħed bil-biżaʼ u tixrob l-ilma bil-biżaʼ u bl-ansjetà. 19 Għid lin-nies tal-pajjiż, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lin-nies taʼ Ġerusalemm fil-pajjiż t’Iżrael: “Huma se jieklu l-ħobż tagħhom bl-ansjetà u jixorbu l-ilma tagħhom bil-biżaʼ, għax il-pajjiż tagħhom se jiġi abbandunat għalkollox minħabba l-vjolenza tan-nies kollha li jgħixu hemm. 20 Il-bliet li jgħixu n-nies fihom se jinqerdu, u l-pajjiż se jsir mitluq; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.”’”
21 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 22 “Bin il-bniedem, f’Iżrael għandkom proverbju li jgħid, ‘Il-ġranet jgħaddu, u kull viżjoni tiġi fix-xejn.’ 23 Allura għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Se nwaqqaf dan il-kliem, u mhux se jibqgħu jużawh iktar bħala proverbju f’Iżrael.”’ Imma għidilhom, ‘Il-ġranet huma viċin, u kull viżjoni se ssir.’ 24 Għax mhux se jkun hemm iktar viżjonijiet foloz jew tbassir li jieħdu pjaċir jisimgħu* fost il-poplu t’Iżrael. 25 ‘“Għax jien, Ġeħova, se nitkellem. Kulma ngħid se jsir mingħajr dewmien. Nies ribellużi, dak li ngħid se jiġri fi żmienkom,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”
26 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 27 “Bin il-bniedem, hekk qed jgħid il-poplu t’Iżrael, ‘Il-viżjoni li qed tara għad fadlilha, u qed tipprofetizza dwar il-futur.’ 28 Allura għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “‘Xejn minn dak li ngħid mhu se jdum. Kulma ngħid se jsir,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’”