Eżekjel
13 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ipprofetizza kontra l-profeti t’Iżrael, u għid lil dawk li qed jivvintaw il-profeziji tagħhom stess,* ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova. 3 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Ħażin għall-profeti stupidi li jipprofetizzaw dak li jaħsbu huma meta ma jkunu rċivew l-ebda viżjoni! 4 Iżrael, il-profeti tiegħek saru bħal volpijiet li jgħixu f’postijiet li huma ħerba. 5 Intom il-profeti m’intomx se tmorru ħdejn is-swar imkissrin biex terġgħu tibnuhom għall-poplu t’Iżrael. Minħabba f’hekk, Iżrael mhux se jibqaʼ ħaj fil-jum tal-battalja taʼ Ġeħova.” 6 “Dawk li qed jgħidu, ‘Ġeħova hekk jgħid,’ raw viżjonijiet foloz u bassru l-gideb, għax mhux Ġeħova bagħathom, imma huma stennew li jwettaq dak li jgħidu huma. 7 Intom rajtu viżjoni falza u bassartu l-gideb meta għedtu, ‘Ġeħova hekk jgħid,’ meta jien m’għedt xejn.”’
8 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “‘Peress li intom għedtu dak li mhux vera u l-viżjonijiet tagħkom huma gidba, jien kontrikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.” 9 Se nuża l-qawwa tiegħi kontra l-profeti li l-viżjonijiet tagħhom huma foloz u li jbassru l-gideb. Huma mhux se jkunu fost in-nies li jien nafda, mhux se jkollhom isimhom miktub fir-reġistru tal-poplu t’Iżrael, u lanqas mhu se jerġgħu lura fl-art t’Iżrael; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 10 Dan għax huma qarrqu bil-poplu tiegħi meta qalulhom, “Hemm il-paċi!” meta m’hemmx paċi. Meta jinbena ħajt dgħajjef, huma jiksuh bil-ġibs.’*
11 “Lil dawk li qed jiksu l-ħajt bil-ġibs għidilhom li se jaqaʼ. Se tinżel xita bil-qliel, silġ, u jkun hemm irjieħ qawwijin li se jwaqqgħuh. 12 U meta l-ħajt jaqaʼ, se jistaqsukom, ‘Issa mbilli ksejtuh?’
13 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Se nqajjem irjieħ qawwijin u nitfaʼ xita bil-qliel għax jien irrabjat, u se nibgħat is-silġ biex neqred il-ħajt għax jien irrabjat ħafna. 14 Se nwaqqaʼ l-ħajt li ksejtu bil-ġibs u nitfgħu mal-art, u nikxef il-pedament tiegħu. Meta l-belt taqaʼ, intom se tispiċċaw magħha; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’
15 “‘Meta nisfoga r-rabja kbira tiegħi fuq il-ħajt u fuq dawk li ksewh bil-ġibs, jien se ngħidilkom: “Il-ħajt m’għadux iktar, u lanqas dawk li ksewh. 16 M’għadx hemm iktar il-profeti t’Iżrael, dawk li kienu jipprofetizzaw lil Ġerusalemm u jaraw viżjonijiet taʼ paċi għaliha meta ma kienx hemm paċi,”’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
17 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn in-nisa tal-poplu tiegħek li qed jivvintaw il-profeziji tagħhom stess, u pprofetizza kontrihom. 18 Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Ħażin għan-nisa li qed iħitu faxex għall-idejn* u jagħmlu l-velijiet taʼ kull daqs biex jipprovaw iġiegħlu lin-nies jagħmlu dak li jridu huma! Qegħdin intom tpoġġu l-ħajja tan-nies fil-periklu u tipprovaw issalvaw il-ħajja* tagħkom stess? 19 Se tiddiżonorawni fost il-poplu tiegħi għal naqra xgħir u għal biċċiet żgħar tal-ħobż billi qed toqtlu lil dawk* li għandhom jibqgħu ħajjin u tħallu ħajjin lil dawk li għandhom imutu? Dan qed tagħmluh billi qed tigdbu lill-poplu tiegħi li qed jismaʼ l-gideb tagħkom.”’
20 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Nisa, jien kontra l-faxex tagħkom li intom qed tużaw biex iġġiegħlu n-nies* jagħmlu dak li tridu intom, u se nċarrathom minn idejkom u neħles lil dawk li intom qed tikkaċċjaw bħal għasafar. 21 U jien se nċarrat il-velijiet tagħkom u neħles lin-nies tiegħi minn taħt idejkom, u huma ma jibqgħux ikunu bħal xi ħaġa li intom taqbdu f’nassa; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 22 Għax intom qtajtu qalb min hu ġust bil-gideb tagħkom meta ma kontx jien li qed inġiegħlu jbati,* u saħħaħtu lill-ħażin ħalli ma jdurx lura mill-affarijiet ħżiena li jkun qed jagħmel u jibqaʼ ħaj. 23 Għalhekk, intom in-nisa mhux se tkomplu taraw viżjonijiet foloz u tipprattikaw it-teħbir; u jien se neħles lill-poplu tiegħi minn taħt idejkom, u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’”