Eżekjel
17 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid ħaġa moħġaġa u proverbju dwar il-poplu t’Iżrael. 3 Għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “L-ajkla l-kbira, li għandha ġwinħajha kbar u mimlija rix twil ikkulurit, ġiet il-Libanu u ħadet il-biċċa taʼ fuq tas-siġra taċ-ċedri. 4 Hi qaċċtet l-iktar fergħa għolja tagħha, ħaditha fl-art taʼ Kangħan,* u qegħditha f’belt tan-negozjanti. 5 Imbagħad ħadet ftit żerriegħa tal-pajjiż u poġġietha f’ħamrija tajba. Hi ħawlitha bħas-siġra taż-żafżaf ħdejn ħafna ilmijiet. 6 Imbagħad nibtet u saret dielja baxxa u mifruxa. Il-weraq tagħha kien iħares ’il ġewwa u l-għeruq tagħha kienu taħtha. B’hekk saret dielja, u din bdiet tarmi u ħarġet il-friegħi.
7 “‘“Imbagħad ġiet ajkla oħra kbira, li kellha ġwinħajha kbar u rix twil. U l-għeruq taʼ din id-dielja bdew jinfirxu lejha, ’il bogħod mill-ħamrija taʼ taħtha, u l-weraq tagħha dawritu lejn din l-ajkla ħalli tkun tistaʼ ssaqqiha. 8 Din kienet diġà tħawlet f’art tajba ħdejn ħafna ilmijiet biex toħroġ il-friegħi, tagħmel il-frott, u ssir dielja mill-isbaħ.”’
9 “Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Se tmur tajjeb din? Jaqaw mhux se jkun hemm xi ħadd li jqaċċtilha l-għeruq tagħha u b’hekk il-frott tagħha jitħassar u l-friegħi jinxfu? Tant se tinxef li mhux se jkun hemm bżonn xi ħadd b’saħħtu jew ħafna nies biex jaqilgħuha mill-għeruq. 10 Għalkemm ġiet imħawla mill-ġdid, se tmur tajjeb? Meta jkun hemm ir-riħ mil-Lvant, din se tinxef għalkollox. Din se tinxef fejn nibtet.”’”
11 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 12 “Jekk jogħġbok, għid lin-nies ribellużi, ‘M’intomx tindunaw xi jfissru dawn l-affarijiet?’ Għidilhom, ‘Ir-re taʼ Babilonja mar Ġerusalemm u ħa r-re u l-mexxejja tagħha u ġabhom lura miegħu f’Babilonja. 13 Iktar minn hekk, hu ħa wieħed mill-familja tar-re, għamel patt miegħu, u ġiegħlu jaħlef li jkun leali lejh. Imbagħad ħa lill-irġiel importanti tal-pajjiż 14 ħalli s-saltna titbaxxa, ma tkunx tistaʼ terġaʼ ssir b’saħħitha, u tkompli teżisti biss jekk jinżamm dan il-patt. 15 Imma fl-aħħar, ir-re taʼ Ġuda rribella kontra r-re taʼ Babilonja billi bagħat il-messaġġiera tiegħu l-Eġittu biex iġib żwiemel u armata kbira minn hemm. Se jmur tajjeb? Il-wieħed li għamel dawn l-affarijiet, jistaʼ jaħrab il-kastig? Jistaʼ jikser il-patt u xorta jeħlisha?’
16 “‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid, “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li hu żgur se jmut f’Babilonja, fil-post fejn jgħix ir-re* li għamlu re,* għax hu ddisprezza l-ħalfa u kiser il-patt. 17 Meta l-Babiloniżi jibnu r-rampi u s-swar biex idawru l-belt u biex jeqirdu lil ħafna nies, l-armata l-kbira taʼ ħafna suldati tal-Fargħun mhux se jkunu t’għajnuna fil-gwerra. 18 Hu ddisprezza l-ħalfa u kiser il-patt minkejja li kien ta kelmtu.* Hu għamel dawn l-affarijiet u mhux se jeħlisha.”’
19 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li żgur se nġib fuqu l-konsegwenzi talli ddisprezza l-ħalfa tiegħi u kiser il-patt tiegħi. 20 Se nitfaʼ x-xibka tiegħi fuqu, u hu se jinqabad fiha. Se nieħdu Babilonja u niġġudikah hemmhekk minħabba n-nuqqas taʼ lealtà li wera kontrija. 21 U s-suldati kollha tiegħu li jaħarbu se jmutu bix-xabla, u dawk li jifdal se jinxterdu f’kull direzzjoni.* Imbagħad intom se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, tkellimt.”’
22 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Se nieħu fergħa mill-iktar parti għolja tas-siġra taċ-ċedri u nħawwilha, mill-parti taʼ fuq tal-fergħa rqiqa jien se nqaċċat rimja ġdida u nħawwilha jien stess fuq muntanja għolja ħafna. 23 Se nħawwilha fuq muntanja għolja t’Iżrael; u l-friegħi tagħha se jikbru, tagħmel ħafna frott, u ssir siġra taċ-ċedri mill-isbaħ. Taħtha u fid-dell tal-weraq tagħha, se jgħix kull tip t’għasfur. 24 U s-siġar kollha se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova, niżżilt is-siġra l-kbira u għollejt is-siġra l-baxxa; jien nixxift is-siġra ħadra u għamilt is-siġra niexfa tħaddar. Jien, Ġeħova, tkellimt u għamilt dak li għedt.”’”