Eżekjel
19 “Għandek tkanta għanja taʼ swied il-qalb dwar il-kapijiet t’Iżrael, 2 u tgħid,
‘Ommok kienet bħal iljuna qalb l-iljuni.
Hi kienet timtedd qalb l-iljuni żgħar u b’saħħithom u hemm rabbiet il-frieħ tagħha.
3 Wieħed mill-frieħ tagħha sar iljun b’saħħtu.
Hu tgħallem ibiċċer il-priża li jaqbad,
U saħansitra kien jiblaʼ lill-bnedmin.
4 Il-popli semgħu bih u qabduh fil-ħofra li għamlulu,
U ħaduh fl-art tal-Eġittu bil-ganċijiet.
5 Hi stennietu, imma meta qatgħet qalbha li mhux se jerġaʼ jiġi lura,
Hi ħadet ieħor mill-frieħ tagħha u ttrennjatu biex isir iljun b’saħħtu.
6 Hu wkoll kien jimxi fost l-iljuni u sar iljun b’saħħtu.
Hu tgħallem ibiċċer il-priża li jaqbad, u saħansitra kien jiblaʼ lill-bnedmin.
7 Hu kien imur idur qalb it-torrijiet iffortifikati tagħhom u qered il-bliet tagħhom,
U l-għajta tiegħu setgħet tinstemaʼ fil-pajjiż abbandunat kollu.
8 Il-popli mid-distretti tal-madwar ġew għalih biex jitfgħu x-xibka tagħhom fuqu,
U hu nqabad fil-ħofra tagħhom.
9 Huma daħħluh f’gaġġa permezz tal-ganċijiet u ħaduh għand ir-re taʼ Babilonja.
Hemmhekk qegħduh f’post magħluq biex ma jinstemax iżjed jgħajjat fuq il-muntanji t’Iżrael.
10 Ommok kienet bħal dielja* mħawla ħdejn l-ilmijiet.
Hi kellha l-frott u kienet mimlija friegħi minħabba l-abbundanza tal-ilma.
11 Il-friegħi tagħha saru b’saħħithom, tajbin biex jintużaw bħala xettri tal-mexxejja.
Din kibret u għoliet fuq is-siġar l-oħra,
U bdiet tidher minħabba l-għoli tagħha u minħabba l-ħafna weraq tagħha.
12 Imma hi ġiet maqlugħa mill-għeruq u mwaddba mal-art b’rabja kbira,
U riħ mil-Lvant nixxef il-frott tagħha.
Il-friegħi b’saħħithom tagħha ġew imqaċċtin u nixfu, u ħaraqhom in-nar.
13 Issa hi mħawla fid-deżert,
F’art niexfa u bla ilma.
14 In-nar infirex mill-friegħi b’saħħithom tagħha għall-friegħi żgħar u għall-frott u ħaraqhom,
U ma kien fadal l-ebda fergħa b’saħħitha, l-ebda xettru għall-mexxejja.
“‘Din hi għanja taʼ swied il-qalb li se ssir popolari.’”