Eżekjel
2 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem,* qum fuq saqajk ħalli nkellmek.” 2 Meta kellimni Alla, l-ispirtu tiegħu daħal fija u qajjimni fuq saqajja biex inkun nistaʼ nisimgħu jkellimni.
3 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qed nibagħtek għand il-poplu t’Iżrael, għand popli ribellużi* li rribellaw kontrija. Huma u missirijiethom ma waqfux jidinbu kontrija sal-lum. 4 Qed nibagħtek għand nies li huma insolenti u rashom iebsa, u għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’* 5 U huma żgur se jkunu jafu li kien hemm profeta fosthom, sew jekk jisimgħu u sew jekk ma jkunux iridu jisimgħu, għax huma nies ribellużi.
6 “Imma int, bin il-bniedem, tibżax minnhom, u tibżax minn dak li jgħidu, għalkemm int imdawwar bil-għollieq u x-xewk,* u tgħix qalb l-iskorpjuni. Tibżax minn dak li jgħidu u tibżax minnhom, għax huma nies ribellużi. 7 Għandek tgħidilhom dak li se ngħidlek, kemm jekk jisimgħuk u kemm jekk le, għax huma ribellużi.
8 “Bin il-bniedem, ismaʼ dak li se ngħidlek. Issirx ribelluż bħal dawn in-nies ribellużi. Iftaħ ħalqek u kul dak li se nagħtik.”
9 Meta ħarist, rajt lil xi ħadd ġej b’idu lejja, u f’idu kellu skroll miktub. 10 Meta fetħu quddiemi, kien miktub miż-żewġ naħat. Fuqu kellu għanjiet taʼ swied il-qalb, u kliem taʼ dwejjaq u taʼ biki.