Għobadija
Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* dwar Edom:*
“Smajna aħbar mingħand Ġeħova,
Intbagħat xi ħadd fost il-popli:
‘Ejja nippreparaw biex niġġieldu kontrih.’”
2 “Ġibtek ma tiswa xejn fost il-popli;
Int immaqdar għalkollox.
3 Il-kburija taʼ qalbek qarrqet bik,
Int li tgħix fil-kenn tal-blat,
Li tgħix fl-għoli, u li qed tgħid f’qalbek,
‘Min jistaʼ jniżżilni fl-art?’
4 Anki jekk tmur tgħix fl-għoli* bħall-ajkla,
Jew jekk tqiegħed il-bejta tiegħek fost l-istilel,
Jien minn hemmhekk inniżżlek,” jiddikjara Ġeħova.
5 “Jekk jidħlulek il-ħallelin, jekk jidħlu billejl dawk li jridu jisirquk,
Mhux dak li jridu biss jisirqu?
Jew jekk jidħlulek dawk li jaqtgħu l-għeneb,
Ma jħallux huma xi tilqit?
Imma int se tinqered għalkollox mill-għedewwa tiegħek!*
6 Kemm ġew imfittxin dawk t’Għesaw!
Kemm fittxew għat-teżori moħbijin tiegħu!
7 Huma keċċewk ’il barra minn arthom.
Dawk kollha li qegħdin f’patt miegħek qarrqu bik.
L-irġiel li qegħdin fil-paċi miegħek għelbuk.
Dawk li qed jieklu l-ħobż miegħek jagħmlulek nassa,
Imma int ma tindunax biha.
8 Dakinhar,” jiddikjara Ġeħova,
“Jien żgur li neqred l-għorrief minn Edom,
U neqred lil dawk li għandhom l-għaqal mir-reġjun muntanjuż t’Għesaw.
9 Teman,* il-gwerriera tiegħek jitwerwru,
Għax kull wieħed fir-reġjun muntanjuż t’Għesaw se jinqered.
11 Dakinhar li int qgħadt fil-ġenb tħares,
Dakinhar meta l-istranġieri ħadu l-armata tiegħu bħala skjavi,
Meta l-barranin daħlu fil-belt* tiegħu u tefgħu x-xorti għal Ġerusalemm,
Int għamilt bħalhom.
12 M’għandekx titgħaxxaq b’dak li tara f’jum l-inkwiet taʼ ħuk,
M’għandekx tifraħ dakinhar li jmutu n-nies taʼ Ġuda,
U m’għandekx titkellem b’tant arroganza f’jum id-dwejjaq tagħhom.
13 M’għandekx tidħol minn bieb il-poplu tiegħi f’jum id-diżastru tiegħu,
M’għandekx titgħaxxaq bil-gwaj tiegħu f’jum id-diżastru tiegħu,
U m’għandekx tmidd idek fuq ġidu f’jum id-diżastru tiegħu.
14 M’għandekx tieqaf f’salib it-toroq sabiex toqtol il-maħrubin tiegħu,
U lil dawk li jibqgħu ħajjin f’jum id-dwejjaq, tagħtihomx f’idejn l-għedewwa tagħhom.
15 Għax qrib hu l-jum li Ġeħova se jiħodha kontra l-popli kollha.
Kif għamilt, jagħmlulek.
Se tiġi ttrattat kif ittrattajt lil oħrajn.
16 Għax kif intom xrobtu fuq il-muntanja qaddisa tiegħi,
Hekk il-popli kollha se jibqgħu jixorbu l-ħin kollu.
Huma jixorbu u jlegilgu,
U se jsiru bħallikieku qatt m’eżistew.
17 Imma dawk li jaħarbu se jkunu fuq il-Muntanja Sijon,
U din tkun qaddisa;
U dar Ġakobb tieħu lura l-affarijiet li kienu tagħha.
18 Dar Ġakobb tkun bħal nar,
Dar Ġużeppi bħal fjamma,
U dar Għesaw bħal tiben,
Li għandha tinħaraq u tinqered minnhom.
Ħadd ma jibqaʼ ħaj f’dar Għesaw,
Għax Ġeħova nnifsu tkellem.
19 Huma jieħdu f’idejhom in-Negeb u r-reġjun muntanjuż t’Għesaw,
Is-Sefela u l-art tal-Filistin.
Huma jieħdu f’idejhom it-territorju t’Efrajm u t-territorju tas-Samarija,
U Benjamin jieħu f’idejh Gilegħad.
U l-eżiljati taʼ Ġerusalemm, li kienu f’Sefarad, jieħdu f’idejhom il-bliet tan-Negeb.
21 U l-meħlusin jitilgħu fuq il-Muntanja Sijon
Sabiex jiġġudikaw ir-reġjun muntanjuż t’Għesaw,
U s-saltna ssir taʼ Ġeħova.”