L-Aħbar Tajba Skont Marku
16 Meta kien għadda s-Sabat, Marija l-Maddalena, Marija omm Ġakbu, u Salomè xtraw ħwawar biex iħalltuhom maż-żejt u jferrgħuhom fuq il-ġisem taʼ Ġesù meta jmorru ħdejn il-qabar.* 2 Fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* huma marru ħdejn il-qabar kmieni filgħodu meta telgħet ix-xemx. 3 Huma kienu qed jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbeb il-ġebla biex inkunu nistgħu nidħlu fil-qabar?” 4 Imma meta ħarsu, huma raw li l-ġebla kienet ġiet imressqa, għalkemm kienet kbira ħafna. 5 Meta daħlu fil-qabar, raw żagħżugħ bilqiegħda fuq il-lemin liebes ħwejjeġ bojod, u huma baqgħu mbellhin. 6 Hu qalilhom: “Tibqgħux sorpriżi. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu li ġie msammar maʼ zokk, hux hekk? Hu ġie mqajjem. Mhux qiegħed hawn. Ara, dan hu l-post fejn poġġewh. 7 Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru, ‘Hu sejjer qabilkom fil-Galilija u se tarawh hemmhekk bħalma kien qalilkom.’” 8 Għalhekk ħarġu jiġru mill-qabar jirtogħdu u mbellhin. Huma ma qalu xejn lil ħadd, għax kienu mbeżżgħin.*