L-Aħbar Tajba Skont Marku
4 Ġesù reġaʼ beda jgħallem ħdejn il-baħar, u kien hemm folla kbira ħdejh. Għalhekk, telaʼ fuq dgħajsa u ħareġ ftit ’il barra, waqt li n-nies kienu max-xatt. 2 Hu beda jgħallimhom ħafna affarijiet bl-eżempji u qalilhom: 3 “Isimgħu dan. Kien hemm raġel li ħareġ jiżraʼ. 4 Waqt li kien qed jiżraʼ, xi żrieragħ waqgħu fil-ġenb tat-triq, u l-għasafar kiluhom. 5 Xi żrieragħ oħra waqgħu fuq il-blat fejn ma kienx hemm ħafna ħamrija, u għalhekk mill-ewwel bdew jinbtu. 6 Imma meta ħarġet ix-xemx, dawn inħarqu u nixfu għax ma kellhomx għeruq. 7 Xi żrieragħ oħra waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber, għattiehom, u ma ħallihomx jikbru. B’hekk m’għamlux frott. 8 Imma kien hemm xi żrieragħ li waqgħu f’ħamrija tajba, u bdew jikbru. Kien hemm minnhom għamlu 30, 60, jew 100 frotta.” 9 Imbagħad żied: “Kull min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.”
10 Waqt li kien qiegħed waħdu, dawk taʼ madwaru flimkien mat-Tnax bdew jistaqsuh dwar dawn l-eżempji. 11 Hu qalilhom: “Intom ġejtu fdati bis-sigriet qaddis tas-Saltna t’Alla,* imma l-oħrajn ma jifhmuhomx l-eżempji. 12 B’hekk, għalkemm iħarsu, ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, ma jifhmux. Minħabba dan, huma ma jiqfux minn dak li qed jagħmlu u d-dnubiet tagħhom ma jinħafrux.” 13 Hu kompla jgħidilhom: “Jekk ma fhimtux dan l-eżempju, kif se tifhmu l-oħrajn?
14 “Ir-raġel żeraʼ l-messaġġ.* 15 In-nies li huma mqabblin mal-ġenb tat-triq huma dawk li tinżeraʼ ż-żerriegħa f’qalbhom imma jiġi malajr Satana u jiħodhielhom. 16 Bl-istess mod, in-nies li huma mqabblin mal-blat jisimgħu l-messaġġ u jaċċettawh bil-ferħ mill-ewwel. 17 Għalkemm jaċċettawh għal xi żmien, dan ma jrabbix għeruq f’qalbhom. Għalhekk, malli jinqalgħu l-problemi jew il-persekuzzjoni, jitfixklu. 18 Imbagħad hemm oħrajn imqabblin mal-post mimli xewk. Dawn jisimgħu l-messaġġ, 19 imma ma jħalluhx jikber għax jinkwetaw fuq il-ħajja,* jaħsbu li bil-flus jistgħu jagħmlu kollox,* u jkunu jixtiequ ħafna affarijiet. B’hekk ma jagħmlux frott. 20 Fl-aħħar, hemm dawk li jitqabblu maʼ ħamrija tajba. Dawn jisimgħu l-messaġġ, jaċċettawh mill-qalb, u jagħmlu l-frott. Min jagħmel 30, min 60, u min 100.”
21 Hu qalilhom ukoll: “Hu għalxejn li ġġib lampa u tqegħedha taħt qoffa jew taħt sodda, hux hekk? L-iskop tagħha hu li titpoġġa fuq gandlier. 22 Għax m’hemm xejn moħbi li mhux se jinkixef u m’hemm xejn mgħotti sew li mhux se jsiru jafu bih in-nies. 23 Kull min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.”
24 Hu kompla jgħidilhom: “Oqogħdu attenti għal dak li qed tisimgħu. Jekk tagħtu ħafna, se tirċievu daqskemm tajtu u saħansitra iktar. 25 Għax min għandu se jingħatalu iktar, imma min m’għandux, anki l-ftit li għandu se jittiħidlu.”
26 Għalhekk kompla jgħid: “Is-Saltna t’Alla hi bħal meta raġel jitfaʼ ż-żerriegħa fil-ħamrija. 27 Jum wara jum, ir-raġel imur jorqod u jqum. Sadanittant iż-żerriegħa tinbet u tikber, imma ma jafx kif. 28 Il-pjanta tikber bil-mod il-mod, imbagħad tagħmel il-frott, u l-frott isir. 29 Hekk kif il-prodott ikun lest, hu jmur jaħsdu għax ikun wasal iż-żmien.
30 Hu kompla jgħid: “Maʼ xiex nistgħu nqabbluha s-Saltna t’Alla, jew liema eżempju nistgħu nużaw biex nispjegawha? 31 Din hija bħal żerriegħa tal-mustarda, li qabel ma tinżeraʼ tkun l-iżgħar żerriegħa fid-dinja. 32 Imma meta tinżeraʼ, din issir ħafna akbar mill-ħxejjex li jittieklu u jkollha friegħi kbar li l-għasafar ikunu jistgħu jistkennu taħthom.”
33 Hu għallimhom il-kelma t’Alla b’ħafna eżempji bħal dawn, skont kemm setgħu jifhmu. 34 Fil-fatt, hu ma kienx ikellimhom mingħajr ma juża xi eżempju. Imma lid-dixxipli tiegħu kien jispjegalhom kollox meta jkun waħdu magħhom.
35 Dakinhar filgħaxija, qalilhom: “Ejja naqsmu lejn ix-xatt l-ieħor.” 36 Għalhekk, wara li bagħtu lill-folla, huma telqu maʼ Ġesù bid-dgħajsa, u magħhom kien hemm xi dgħajjes oħra. 37 Imma qam ħafna riħ qawwi u l-mewġ beda jħabbat mad-dgħajsa. Fil-fatt kienet kważi mtliet bl-ilma. 38 Imma hu kien rieqed fuq imħadda n-naħa taʼ wara tad-dgħajsa. Għalhekk qajmuh u qalulu: “Għalliem, ma jimpurtakx li se negħrqu?” 39 Għalhekk hu qam u kkmanda lir-riħ biex jieqaf u qal lill-baħar: “Ieqaf! Ikkalma!” U r-riħ batta u waqgħet kalma kbira. 40 Għalhekk qalilhom: “Għala qed tibżgħu daqshekk? Mela għadkom bla fidi?” 41 Imma huma ħassew biżaʼ mhux tas-soltu, u qalu lil xulxin: “Dan min hu, biex anki r-riħ u l-baħar jobduh?”