KAPITLU 35
Kif Tistaʼ Ssir Ħabib t’Alla?
Wara li għadda minn esperjenza kerha, Jeremy tgħallem kemm hu importanti li tkun ħabib t’Alla. Hu qal: “Meta kelli 12-il sena, missieri telaq il-familja. Darba minnhom billejl, tlabt lil Ġeħova biex iġiegħel lil missieri jiġi lura.”
Jeremy kien imdejjaq ħafna u beda jaqra l-Bibbja. Meta qara Salm 10:14, dan vera messlu qalbu. Dwar Ġeħova dan il-vers jgħid: “L-isfortunat, it-tifel bla missier, jafda ruħu f’idejk. Int sirt l-għajnuna tiegħu.” Jeremy qal: “Jien ħassejt li Ġeħova kien qed ikellimni u kien qed jgħidli li hu se jgħinni. Hu kien bħal missier għalija. Ma jistax ikolli missier aħjar minnu.”
KEMM jekk qiegħed f’sitwazzjoni bħal taʼ Jeremy u anki jekk le, il-Bibbja turi li Ġeħova jridek tkun il-ħabib tiegħu. Il-Bibbja tgħidlek: ‘Ersaq qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejk.’ (Ġakbu 4:8) Aħseb ftit dwar xi jfisser dan. Għalkemm ma tistax tarah, mhux tamparek, u ma jagħmilx l-istess affarijiet bħalek, Alla Ġeħova xorta qed jistiednek biex tkun ħabib tiegħu!
Imma biex tkun ħabib t’Alla hemm bżonn tagħmel sforz. Pereżempju, jekk għandek pjanta d-dar, taf li ma tistax tikber waħedha. Biex tikber trid tpoġġiha f’post tajjeb u ssaqqiha b’mod regulari. B’mod simili, irridu nagħmlu xi ħaġa min-naħa tagħna biex inkunu ħbieb t’Alla. Allura x’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek m’Alla?
Li Tistudja l-Bibbja Hu Importanti
Fi ħbiberija tajba trid tismaʼ u titkellem. Dan hu l-istess biex tkun ħabib tajjeb t’Alla. Li taqra u tistudja l-Bibbja huwa l-mod kif tismaʼ x’jixtieq jgħidlek Alla.—Salm 1:2, 3.
Forsi int ma tiħux pjaċir tistudja. Ħafna żgħażagħ jippreferu jaraw it-televixin, jilagħbu xi logħba, jew ikunu maʼ sħabhom. Imma ma tistax issir ħabib t’Alla mil-lum għall-għada. Int trid tismaʼ x’jixtieq jgħidlek billi tistudja l-Kelma tiegħu.
Tinkwetax. Tistaʼ titgħallem kif tieħu pjaċir tistudja l-Bibbja, anki jekk inti persuna li ma tiħux pjaċir tistudja. L-ewwel ħaġa li trid tagħmel hi li tippjana meta ħa taqra l-Bibbja. Tfajla jisimha Lais tgħid: “Jien għamilt skeda biex naqra kapitlu mill-Bibbja l-ewwel ħaġa filgħodu.” Maria, taʼ 15-il sena, għandha rutina differenti. Hi tgħid: “Jien naqra ftit mill-Bibbja kuljum qabel norqod.”
Biex tippjana kif se tibda taqra l-Bibbja inti, ara l-kaxxa f’paġna 292. Imbagħad, hawn taħt ikteb meta hu l-aħjar għalik biex tagħmel madwar nofs siegħa taqra u tistudja l-Kelma t’Alla.
․․․․․
Li tkun taf meta se taqraha huwa l-bidu. Meta tibda tistudjaha jaf tinduna li l-Bibbja mhux dejjem faċli biex taqraha. Forsi tħossok l-istess bħal Jezreel, li għandu 11-il sena. Hu qal: “Hemm xi partijiet tal-Bibbja li huma diffiċli ħafna. Ma tantx nieħu pjaċir naqrahom.” Taqtax qalbek jekk tħossok hekk. Dejjem ftakar li meta tistudja l-Bibbja, tkun qed tismaʼ lill-ħabib tiegħek, Ġeħova. Meta tagħmel l-aħjar tiegħek biex tistudja l-Bibbja, iżjed se tieħu pjaċir tistudjaha u iżjed se titgħallem minnha!
It-Talb Hu Importanti
It-talb hu l-mod kif aħna nkellmu lil Alla. Aħseb kemm it-talb hu rigal sabiħ! Tistaʼ tkellem lil Alla Ġeħova fi x’ħin trid int, kemm matul il-ġurnata u anki billejl. Hu dejjem se jkun lest biex jisimgħek. Mhux hekk biss, imma jrid jismaʼ dak li trid tgħidlu. Huwa għalhekk li l-Bibbja tgħidlek: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”—Filippin 4:6.
Bħalma turi din l-iskrittura, lil Ġeħova tistaʼ tkellmu dwar ħafna affarijiet. Dawn jistgħu jinkludu l-problemi u l-anzjetajiet tiegħek. Tistaʼ tkellmu wkoll dwar affarijiet li tixtieq tirringrazzjah għalihom. Bħalma tistaʼ tirringrazzja lill-ħbieb għall-affarijiet tajbin li jagħmlu miegħek, tistaʼ tirringrazzja lil Ġeħova. Hu għamel miegħek iżjed minn kull ħabib ieħor.—Salm 106:1.
Hawn taħt ikteb xi affarijiet li tixtieq tirringrazzja lil Ġeħova għalihom.
․․․․․
Żgur li xi kultant tħossok qed tibżaʼ u tkun anzjuż. Imma Salm 55:22 jgħid: ‘Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jgħinek. Hu qatt ma jħalli lill-ġust jogħtor.’
Hawn taħt ikteb dwar l-affarijiet li qed jinkwetawk u li tixtieq titlob dwarhom.
․․․․․
Esperjenzah Int Stess
Hemm xi ħaġ’oħra li ma tridx tinsa li hija importanti fil-ħbiberija tiegħek m’Alla. Is-salmista David kiteb: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.” (Salm 34:8) David kien għadu kif għadda minn esperjenza kerha meta kiteb dan is-salm. Hu kien qed jipprova jaħrab mis-Sultan Sawl li kien qed jipprova joqtlu. Din l-esperjenza vera stressjatu lil David. Imma mbagħad kellu jmur jistaħba għand il-Filistin li kienu l-għedewwa tiegħu. Huma żgur kienu se jipprovaw joqtluh, imma peress li għamilha taʼ miġnun, irnexxielu jaħrab.—1 Samwel 21:10-15.
David ma ħasibx li rnexxielu jaħrab minħabba l-kapaċità tiegħu. Minflok, hu faħħar lil Ġeħova. Fil-bidu tas-salm li semmejna qabel, hu kiteb: “Jien staqsejt lil Ġeħova, u hu wiġibni, u mill-biżaʼ kollu tiegħi ħelisni.” (Salm 34:4) David għala setaʼ jgħid lil oħrajn biex ‘iduqu u jaraw li Ġeħova hu tajjeb’?a Kien minħabba li esperjenzah hu stess.
Tistaʼ taħseb f’esperjenza li Ġeħova wriek li jimpurtah minnek? Jekk iva, iktibha hawn taħt. L-esperjenza m’għandhiex għalfejn tkun taʼ barra minn hawn. Ipprova aħseb f’barkiet li faċli niħduhom for granted fil-ħajja taʼ kuljum.
․․․․․
Forsi l-ġenituri għallmuk dwar il-Bibbja. Jekk iva, din hi barka. Imma xorta waħda, int irid ikollok ħbiberija persunali m’Alla. Biex jgħinek tibda din il-ħbiberija, tistaʼ tuża l-informazzjoni f’dan il-kapitlu. Ġeħova se jbierek l-isforzi kollha tiegħek. Il-Bibbja tgħid: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu.”—Mattew 7:7.
AQRA IŻJED DWAR DAN IS-SUĠĠETT FL-EWWEL VOLUM, KAPITLI 38 U 39
FIL-KAPITLU LI JMISS
Issibha diffiċli biex tkellem lil oħrajn dwar Alla? Tgħallem kif tistaʼ tispjega dak li temmen.
[Nota taʼ taħt]
a F’Bibbji oħra tistaʼ ssib din il-frażi “duqu u araw” bħala “ppruvaw u taraw” u “bl-esperjenza se tara.”—Għaqda Biblika Maltija u The Bible in Basic English.
SKRITTURA PRINĊIPALI
‘Ferħanin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.’—Mattew 5:3.
SUĠĠERIMENT
Jekk taqra erbaʼ paġni kuljum mill-Bibbja, tlestiha kollha f’madwar sena.
KONT TAF . . .
Il-fatt li qed taqra dan il-ktieb u taċċetta l-pariri mill-Bibbja, juri li Ġeħova jimpurtah minnek.—Ġwanni 6:44.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Biex nitgħallem iżjed meta nistudja l-Bibbja, se ․․․․․
Biex nitlob iżjed, se ․․․․․
X’nixtieq insaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett? ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Kif tistaʼ tieħu iżjed pjaċir meta tistudja l-Bibbja?
● Ġeħova għala jrid jismaʼ t-talb taʼ nies imperfetti?
● Kif tistaʼ titlob aħjar?.
[Kumment]
Meta kont iżgħar, kont nirrepeti l-istess affarijiet fit-talb. Issa nitlob dwar l-affarijiet tajbin u ħżiena li jiġru matul il-ġurnata. Peress li kull ġurnata hi differenti, dan jgħinni biex ma nirrepetix l-istess affarijiet.”—Eve
[Kaxxa/Stampa]
Sir Af il-Bibbja
1. Agħżel storja mill-Bibbja li tixtieq taqra. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem li qed taqra.
2. Idħol fl-istorja. Tgħaġġilx biex taqra u uża l-immaġinazzjoni tiegħek. Ipprova idħol kemm jistaʼ jkun fl-istorja. Pereżempju, immaġina x’qed jiġri, ismaʼ x’qed jgħidu l-karattri, xomm l-arja u duq l-ikel.
3. Aħseb fuq dak li qrajt. Saqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal:
● Ġeħova għala kiteb din l-istorja fil-Bibbja?
● Liema eżempji rrid nimita u liema le?
● X’lezzjonijiet importanti nistaʼ nitgħallem minn din l-istorja?
● Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova u kif jaħseb?
4. Għid talba żgħira lil Ġeħova. Għidlu x’tgħallimt minn din l-istorja u kif tixtieq tuża dak li tgħallimt. Dejjem irringrazzja lil Ġeħova għar-rigal li tak, il-Bibbja!
[Stampa]
“Kelmtek musbieħ għal sieqi, u dawl għal triqti.”—Salm 119:105.
[Kaxxa/Stampa]
X’Inhu l-Izjed Importanti?
Tħoss li m’għandekx ħin biex titlob u tistudja l-Bibbja? Dan jistaʼ jkun minħabba kif tiddeċiedi li tagħmel l-affarijiet.
Ipprova dan: Ħu barmil u fih poġġi ġebel kbir. Imbagħad imla l-barmil sa fuq bir-ramel. Issa għandek barmil mimli bil-ġebel u r-ramel.
Issa battal il-barmil u żomm l-istess ġebel u ramel. Erġaʼ agħmel l-istess ħaġa imma bil-kontra. Imla l-barmil bir-ramel imbagħad ipprova daħħal il-ġebel. M’għandekx post għall-ġebel, hux? Dan għax issa daħħalt ir-ramel l-ewwel fil-barmil.
X’nitgħallmu? Il-Bibbja tgħid: ‘Kunu ċerti minn dak li hu iktar importanti.’ (Filippin 1:10) Jekk tpoġġi affarijiet żgħar bħad-divertiment l-ewwel post, mhux se jkollok biżżejjed ħin għall-affarijiet iktar importanti, jiġifieri taqdi lil Ġeħova. Imma jekk tismaʼ mill-parir tal-Bibbja, se jkollok biżżejjed ħin għal Ġeħova u biex tieħu pjaċir. Kollox jiddependi minn x’titfaʼ l-ewwel fil-barmil!
[Stampa]
Bħal pjanta, il-ħbiberija m’Alla trid tieħu ħsiebha biex tikber