KAPITLU 10
Il-Qawwa taʼ Ġesù fuq id-Demonji
TIFTAKAR għala wieħed mill-anġli t’Alla sar Satana x-Xitan?— Dan kien egoist u xtaq li jingħata qima, u b’hekk dar kontra Alla. Kien hemm anġli oħrajn li marru maʼ Satana?— Iva, kien hemm. Il-Bibbja ssejħilhom l-‘anġli taʼ Satana,’ jew demonji.—Rivelazzjoni 12:9.
Jemmnu f’Alla dawn l-anġli, jew demonji, ħżiena?— ‘Id-demonji jemmnu li Alla jeżisti,’ tgħid il-Bibbja. (Ġakbu 2:19) Imma issa dawn qed jibżgħu. Ir-raġuni hi li huma jafu li Alla se jagħtihom kastig talli għamlu affarijiet ħżiena. X’għamlu ħażin?—
Il-Bibbja tgħid li dawn l-anġli telqu mid-dar tagħhom fis-sema fejn suppost jgħixu u niżlu fuq l-art biex jgħixu bħala bnedmin. Huma għamlu dan għax xtaqu jkollhom relazzjonijiet sesswali man-nisa sbieħ fuq l-art. (Ġenesi 6:1, 2; Ġuda 6) Int x’taf dwar ir-relazzjonijiet sesswali?—
Ir-relazzjonijiet sesswali huma meta raġel u mara jersqu qrib xulxin b’mod speċjali ħafna. Wara, tarbija tkun tistaʼ tikber ġewwa ommha. Imma hu ħażin li l-anġli jkollhom relazzjonijiet sesswali. Alla jrid li raġel u mara biss li jiżżewġu lil xulxin ikollhom relazzjonijiet sesswali. B’hekk, jekk titwieled tarbija, ir-raġel u l-mara jkunu jistgħu jieħdu ħsiebha.
Dawn l-anġli x’għamlu ħażin?
Meta l-anġli għamlu ġisem taʼ bniedem għalihom u għamlu s-sess man-nisa fuq l-art, it-trabi tagħhom kibru u saru ġganti. Dawn kienu kattivi ħafna, u kienu jweġġgħu lin-nies. Għalhekk, Alla għamel dilluvju kbir biex jeqred lill-ġganti u lin-nies ħżiena kollha. Imma hu qabbad lil Noè jibni arka, jew dgħajsa kbira, biex isalva lil dawk il-ftit nies li għamlu dak li kien tajjeb. L-Għalliem il-Kbir qal li huwa importanti li niftakru x’ġara fid-Dilluvju.—Ġenesi 6:3, 4, 13, 14; Luqa 17:26, 27.
Meta ġie d-Dilluvju, taf xi ġralhom l-anġli ħżiena?— Huma ma baqgħux jużaw il-ġisem taʼ bniedem li kienu għamlu, u marru lura fis-sema. Imma ma setgħux ikunu iktar anġli t’Alla, u għalhekk saru anġli taʼ Satana, jew demonji. U xi ġralhom it-tfal tagħhom, il-ġganti?— Dawn mietu fid-Dilluvju. U l-istess ġralhom in-nies l-oħra kollha li m’obdewx lil Alla.
Għala hawn ħafna iktar inkwiet issa fuq l-art minn qatt qabel?
Minn dakinhar tad-Dilluvju, Alla ma ħalliex lid-demonji jsiru bħall-bnedmin iktar. Imma għalkemm ma nistgħux narawhom, id-demonji xorta għadhom jipprovaw iġagħlu lin-nies jagħmlu affarijiet ħżiena ħafna. Huma qed jaqilgħu ħafna iktar inkwiet minn qatt qabel. Dan għaliex huma tkeċċew mis-sema ’l isfel lejn l-art.
Taf għala ma nistgħux narawhom lid-demonji?— Għax huma spirti, jiġifieri m’għandhomx ġisem bħal tal-bnedmin. Imma nistgħu nkunu ċerti li huma ħajjin. Il-Bibbja tgħid li Satana qiegħed ‘iqarraq bin-nies fid-dinja kollha,’ u d-demonji tiegħu qed jgħinuh.—Rivelazzjoni 12:9, 12.
Jistgħu x-Xitan u d-demonji tiegħu iqarrqu, jew jidħqu, bina wkoll?— Iva, jistgħu jekk ma noqogħdux attenti. Imma m’għandniex għalfejn nibżgħu. L-Għalliem il-Kbir qal: ‘Ix-Xitan m’għandu ebda setgħa fuqi.’ Jekk nibqgħu ħbieb t’Alla, hu se jipproteġina mix-Xitan u d-demonji tiegħu.—Ġwanni 14:30.
Huwa importanti li nkunu nafu x’inhuma l-affarijiet ħżiena li d-demonji jipprovaw iġagħluna nagħmlu. Mela aħseb ftit. Id-demonji x’affarijiet ħżiena għamlu meta ġew fuq l-art?— Qabel id-Dilluvju, huma kellhom relazzjonijiet sesswali man-nisa, xi ħaġa li ma kinitx sew li l-anġli jagħmluha. Illum id-demonji jieħdu pjaċir meta n-nies ma jobdux il-liġi t’Alla dwar ir-relazzjonijiet sesswali. Ħalli nistaqsik, Min biss jistaʼ jkollu relazzjonijiet sesswali?— Sewwa weġibt, il-miżżewġin biss.
Illum xi subien u bniet żgħar ikollhom relazzjonijiet sesswali, imma dan hu ħażin għalihom. Il-Bibbja turi li Alla għamel l-organi, jew il-partijiet, ġenitali tar-raġel (penis) u tal-mara (vulva). Ġeħova ħalaq dawn il-partijiet tal-ġisem għal skop speċjali li għandhom igawduh biss il-miżżewġin. Id-demonji jifirħu meta n-nies jagħmlu affarijiet li Ġeħova ma jridhomx jagħmlu. Per eżempju, id-demonji jieħdu pjaċir meta tifel u tifla joqogħdu jmissu l-partijiet ġenitali taʼ xulxin. Aħna ma rridux inferrħu lid-demonji, hux tassew?—
Hemm xi ħaġa oħra li d-demonji jħobbu imma li Ġeħova jobgħod. Taf x’inhi?— Il-vjolenza. (Salm 11:5) Il-vjolenza ssir meta n-nies ikunu kattivi u jweġġgħu lil oħrajn. Ftakar, il-ġganti, jew it-tfal tad-demonji, hekk kienu għamlu.
Id-demonji jieħdu pjaċir ukoll ibeżżgħu lin-nies. Xi kultant huma taparsi jsiru nies li diġà mietu. Jistgħu anki jimitaw il-leħen taʼ dawk li mietu. B’dan il-mod, id-demonji jidħqu b’ħafna nies u jġagħluhom jemmnu li n-nies mejtin huma ħajjin u jistgħu jitkellmu maʼ min għadu ħaj. Iva, id-demonji jġagħlu lil ħafna nies jemmnu bil-fatati.
Mela aħna rridu noqogħdu attenti li Satana u d-demonji tiegħu ma jidħqux bina. Il-Bibbja twissi: ‘Satana jipprova jagħmel lilu nnifsu jidher anġlu tajjeb, u l-qaddejja tiegħu jagħmlu l-istess.’ (2 Korintin 11:14, 15) Imma, fil-fatt, id-demonji huma ħżiena. Ejja naraw kif huma jistgħu jipprovaw iġagħluna nkunu bħalhom.
In-nies minfejn jitgħallmu ħafna dwar il-vjolenza u s-sess ħażin u lispirti u l-fatati?— Mhux billi jaraw ċerti programmi u films tat-televixin, jilagħbu logħob tal-kompjuter, jidħlu fl-Internet, u jaqraw kotba tal-komiks? Jekk nagħmlu dawn l-affarijiet se nersqu eqreb lejn Alla jew eqreb lejn ix-Xitan u d-demonji tiegħu? Int x’taħseb?—
X’jistaʼ jiġri jekk naraw il-vjolenza?
Min taħseb li jixtieqna nisimgħu u naraw affarijiet ħżiena?— Iva, Satana u d-demonji tiegħu jixtiequ hekk. Mela, jien u int xi rridu nagħmlu?— Irridu naqraw, nisimgħu, u naraw affarijiet li huma tajbin għalina u li se jgħinuna naqdu lil Ġeħova. Tistaʼ taħseb f’xi ftit minn dawn l-affarijiet tajbin li nistgħu nagħmlu?—
X’inhu tajjeb għalina li nagħmlu?
Jekk nagħmlu t-tajjeb, m’hemmx għalfejn nibżgħu mid-demonji. Ġesù hu b’saħħtu iktar minnhom, u huma jibżgħu minnu. Darba waħda d-demonji għajtu lil Ġesù: “Ġejt biex teqridna?” (Marku 1:24) M’aħniex se nieħdu pjaċir meta jiġi ż-żmien biex Ġesù jeqred lil Satana u d-demonji tiegħu?— Sakemm jiġi dak iż-żmien, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġesù se jipproteġina mid-demonji jekk aħna nibqgħu ħbieb tiegħu u taʼ Missieru tas-sema.
Ejja naqraw x’għandna nagħmlu, fl-1 Pietru 5:8, 9 u Ġakbu 4:7, 8.