KAPITLU 32
Kif Ġesù Ġie Protett
ĠEĦOVA xi kultant jagħmel affarijiet kbar biex jipproteġi lil dawk li għadhom żgħar u li ma jistgħux jipproteġu lilhom infushom. Jekk tmur passiġġata fil-kampanja, tistaʼ forsi tara mod wieħed kif Ġeħova jagħmel dan. Imma għall-ewwel forsi ma tindunax x’qed jiġri eżattament.
Jistaʼ jkun li tara għasfur jinżel fl-art ħdejk. Jidher imweġġaʼ. Qed ikaxkar ġewnaħ u jitlaq jiġri malli tipprova tmur ħdejh. Iktar ma tipprova tmur warajh, l-għasfur iktar jitlaq ’l hemm. Imbagħad, f’daqqa waħda, l-għasfur itir. Mela mhux veru li kellu ġewnaħ ferut! Taf x’kien qed jagħmel dak l-għasfur?—
Ftit ’il bogħod minfejn niżel l-għasfur ħdejk, kien hemm il-frieħ tiegħu moħbijin fil-ħaxix. L-għasfura omm beżgħet li int issibhom u tweġġagħhom. Għalhekk bdiet timxi fl-art taparsi weġġgħet u ħaditek ’il bogħod minnhom. Taf min jistaʼ jipproteġina bħalma għasfura omm tipproteġi lill-frieħ tagħha?— Fil-Bibbja, Ġeħova jitqabbel maʼ l-ajkla, għasfur li jgħin liż-żgħar tiegħu.—Dewteronomju 32:11, 12.
Din l-għasfura omm kif qed tipproteġi liż-żgħar tagħha?
L-iktar tifel prezzjuż taʼ Ġeħova hu Ibnu l-għażiż, Ġesù. Meta Ġesù kien fis-sema, hu kien persuna spirtu mimli qawwa bħal Missieru. Hu setaʼ jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Imma meta Ġesù twieled fuq l-art bħala tarbija, ma kellux qawwa. Ried lil xi ħadd biex jipproteġih.
Biex ikun jistaʼ jagħmel dak li ried Alla fuq l-art, Ġesù kellu jikber u jsir raġel adult u perfett. Madankollu, Satana pprova joqtol lil Ġesù qabel ma setaʼ jiġri dan. L-istorja taʼ kif Satana pprova joqtol lil Ġesù meta kien għadu tifel u kif Ġeħova pproteġieh hija eċċitanti ħafna. Tixtieq tismagħha?—
Ftit żmien wara li Ġesù jitwieled, Satana jagħmel xi ħaġa tidher qisha stilla tiddi fis-sema, fin-naħa tal-Lvant. Xi astroloġi, irġiel li jistudjaw l-istilel, jivvjaġġaw ’il bogħod ħafna fejn tiħodhom l-istilla sakemm jaslu Ġerusalemm. Hemmhekk jistaqsu fejn kien se jitwieled dak li kellu jkun is-sultan tal-Lhud. Meta xi ħadd jistaqsi lil xi rġiel li jafu x’tgħid il-Bibbja, dawn iwieġbu: “F’Betlehem.”—Mattew 2:1-6.
Wara li l-astroloġi jżuru lil Ġesù, Alla liema twissija jagħtihom li ssalva lil Ġesù?
Erodi, is-sultan ħażin f’Ġerusalemm, jismaʼ dwar dan is-sultan ġdid li twieled ftit taż-żmien ilu fil-belt taʼ Betlehem li kienet qrib. Hu jgħid lill-astroloġi: ‘Fittxu u sibu lit-tifel, u mbagħad ejjew għiduli.’ Taf għala Erodi jrid ikun jaf fejn jistaʼ jsib lil Ġesù?— Għax Erodi qed jgħir u jrid joqtlu!
Alla kif jipproteġi lil Ibnu?— Sewwa, meta l-astroloġi jsibu lil Ġesù, dawn jagħtuh ir-rigali. Wara, Alla jwissi lill-astroloġi permezz taʼ ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi. Għalhekk huma jmorru d-dar minn triq oħra u ma jgħaddux minn Ġerusalemm. Meta Erodi jsir jaf li l-astroloġi telqu, hu jirrabja ħafna. Biex jipprova joqtol lil Ġesù, Erodi jordna li jinqatlu t-tfal subien kollha f’Betlehem li għandhom inqas minn sentejn! Imma sa dakinhar, Ġesù jkun laħaq telaq minn hemm.
Taf kif jaħrab Ġesù?— Wara li l-astroloġi jitilqu biex imorru lura d-dar, Ġeħova jwissi lil Ġużeppi, ir-raġel taʼ Marija, biex iqum u jaħrab bil-familja ’l bogħod lejn l-Eġittu. Hemmhekk, Erodi l-ħażin ma jistaʼ jagħmillu xejn lil Ġesù. Snin wara, meta Marija u Ġużeppi jitilqu b’Ġesù mill-Eġittu, Alla jerġaʼ jwissi lil Ġużeppi. Hu jgħidlu f’ħolma biex imur joqgħod f’Nazaret, fejn Ġesù jkun protett.—Mattew 2:7-23.
Iċ-ċkejken Ġesù kif jerġaʼ jiġi salvat?
Qed tara kif Ġeħova pproteġa lil Ibnu?— Min taħseb li hu bħal dawk l-għasafar żgħar li ommhom ħbiethom fil-ħaxix jew bħal Ġesù meta kien għadu tifel żgħir? Int qisek bħalhom, hux veru?— Hemm uħud li jixtiequ jweġġgħu lilek ukoll. Taf min?—
Il-Bibbja tgħid li Satana hu bħal iljun jgħajjat li jrid jikolna. U l-istess bħalma l-iljuni spiss jattakkaw lil annimali żgħar, Satana u d-demonji tiegħu spiss jattakkaw lit-tfal. (1 Pietru 5:8) Imma Ġeħova hu iktar b’saħħtu minn Satana. Ġeħova jistaʼ jipproteġi lit-tfal tiegħu jew ineħħilhom il-ħsara li jagħmlilhom Satana.
Tiftakar minn Kapitlu 10 taʼ dan il-ktieb x’jipprovaw iġagħluna nagħmlu x-Xitan u d-demonji tiegħu?— Iva, huma jipprovaw iġagħluna jkollna ċerti relazzjonijiet sesswali. Alla jgħid li mhux ir-relazzjonijiet sesswali kollha huma tajbin. Min biss jistaʼ jkollu relazzjonijiet sesswali?— Iva, raġel u mara li huma miżżewġin lil xulxin.
Madankollu, b’dispjaċir, xi nies kbar jieħdu pjaċir jagħmlu s-sess mat-tfal. Meta jagħmlu hekk, is-subien u l-bniet jistgħu jibdew jagħmlu affarijiet ħżiena li jkunu tgħallmu mingħand il-kbar. Huma jibdew ukoll jużaw l-organi sesswali tagħhom b’mod ħażin. Hekk ġara ħafna żmien ilu fil-belt taʼ Sodoma. Il-Bibbja tgħid li n-nies t’hemmhekk, “miż-żgħir sal-kbir,” ipprovaw jagħmlu s-sess maʼ xi rġiel li kienu marru jaraw lil Lot.—Korsiv tagħna; Ġenesi 19:4, 5.
Mela bħalma Ġesù kellu bżonn il-protezzjoni, int ukoll trid tiġi protett mill-kbar—u anki minn tfal oħra—li forsi jipprovaw jagħmlu s-sess miegħek. Ġeneralment, dawn in-nies taparsi jkunu l-ħbieb tiegħek. Forsi anki jagħtuk xi ħaġa jekk twegħedhom li ma tgħid lil ħadd dwar dak li jridu jagħmlu miegħek. Imma dawn in-nies huma egoisti, bħal Satana u d-demonji tiegħu. Huma jridu biss li jieħdu pjaċir, u għalhekk jipprovaw jieħdu dan il-pjaċir billi jagħmlu s-sess mat-tfal. Dan hu ħażin ħafna!
Taf x’jistgħu jagħmlu biex jieħdu pjaċir?— Forsi jistgħu jipprovaw jilagħbu bl-organi sesswali tiegħek. Jew jistgħu anki jmissu l-organi sesswali tagħhom maʼ tiegħek. Imma int m’għandek qatt tħalli lil xi ħadd jilgħab bl-organi sesswali tiegħek. Lanqas lil ħuk jew oħtok jew lil ommok jew missierek. Dawn il-partijiet taʼ ġismek huma persunali.
X’għandek tgħid u tagħmel jekk xi ħadd jipprova jmissek b’mod ħażin?
Kif tistaʼ tipproteġi lil ġismek minn nies li jagħmlu affarijiet ħżiena bħal dawn?— L-ewwelnett, tħalli lil ħadd jilgħab bl-organi sesswali tiegħek. Jekk xi ħadd jipprova jagħmel hekk, għidlu b’leħen sod u jgħajjat: “Ieqaf! Se nugżak!” U jekk dan il-bniedem jgħidlek li dak li ġara huwa t-tort tiegħek, temmnux. Dan mhux veru. Aqbad u mur ugżah, ikun min ikun! Għandek tagħmel hekk anki jekk dan jgħidlek li dak li qegħdin tagħmlu flimkien huwa sigriet bejnek u bejnu biss. Anki jekk dan il-bniedem iwiegħdek rigali sbieħ jew ibeżżgħek għax jgħidlek li se jagħmillek xi ħaġa kerha, għandek titlaq minn ħdejh u tugżah xorta.
M’għandikx għalfejn tibżaʼ, imma trid toqgħod attent. Meta l-ġenituri tiegħek iwissuk dwar nies jew postijiet li jistgħu jkunu taʼ periklu għalik, int trid tismaʼ minnhom. Jekk tagħmel hekk, in-nies ħżiena mhux se jkollhom iċ-ċans li jweġġgħuk.
Aqra dwar kif tipproteġi lilek innifsek minn atti sesswali ħżiena, f’Ġenesi 39:7-12; Proverbji 4:14-16; 14:15, 16; l-1 Korintin 6:18; u t-2 Pietru 2:14.