LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 Ġunju pp. 14-19
  • Għala Għandna Nirrispettaw Ħafna lil Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Għandna Nirrispettaw Ħafna lil Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’JIĠIFIERI LI TIBŻAʼ MINN ALLA?
  • NITGĦALLMU NIRRISPETTAW ĦAFNA LIL ALLA
  • KUN KURAĠĠUŻ BĦAL GĦOBADIJA
  • KUN LEALI BĦALL-QASSIS IL-KBIR ĠEĦOJADA
  • TKUNX BĦAR-RE ĠEĦOGĦAS
  • Ġeħogħas Telaq lil Ġeħova Minħabba Kumpanija Ħażina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Il-kuraġġ li wera Ġeħojada
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Ġeħova Jberikna Meta Nkunu Kuraġġużi
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Żgħażagħ​—⁠X’Tip taʼ Ħajja Tixtiequ?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 Ġunju pp. 14-19

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 27

Għala Għandna Nirrispettaw Ħafna lil Ġeħova?

“Dawk li jibżgħu minn Ġeħova se jkollhom ħbiberija mill-qrib miegħu.”—SALM 25:14, ntt.

GĦANJA 8 Ġeħova hu l-kenn tagħna

ĦARSA BIL-QUDDIEMa

1-2. Skont Salm 25:14, xi rridu nagħmlu jekk irridu li jkollna ħbiberija mill-qrib ma’ Ġeħova?

JEKK tixtieq tkun ħabib kbir taʼ xi ħadd, liema kwalitajiet importanti jrid ikollok? Forsi tgħid li ħbieb taʼ veru jħobbu u jgħinu lil xulxin. Imma x’aktarx m’intix se tgħid li l-biżaʼ hi kwalità importanti. Però, l-iskrittura prinċipali turina li dawk li jrid ikollhom ħbiberija tajba ma’ Ġeħova jridu “jibżgħu minnu.”—Aqra Salm 25:14, ntt.

2 Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, kollha kemm aħna rridu nkomplu nibżgħu minn Ġeħova. Imma x’jiġifieri li nibżgħu minn Alla? Kif nistgħu nitgħallmu nibżgħu minn Ġeħova? U x’nistgħu nitgħallmu minn Għobadija, il-Qassis il-Kbir Ġeħojada, u r-Re Ġeħogħas?

X’JIĠIFIERI LI TIBŻAʼ MINN ALLA?

3. Spjega kif il-biżaʼ tistaʼ tipproteġina.

3 Jekk inkunu se nagħmlu xi ħaġa u naħsbu li nistgħu nweġġgħu, jistaʼ jkun li nibżgħu. Din it-tip taʼ biżaʼ hi tajba għax tistaʼ tgħinna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Pereżempju, il-biżaʼ li naqgħu tistaʼ żżommna lura milli nersqu fit-tarf taʼ xi rdum. Il-biżaʼ li nweġġgħu se tgħinna biex nevitaw il-periklu. Il-biżaʼ li nweġġgħu lil dawk li nħobbu se żżommna lura milli ngħidu jew nagħmlu affarijiet li jistgħu jweġġgħuhom.

4. Satana liema tip taʼ biżaʼ jrid li jkollna minn Ġeħova?

4 Satana jrid li n-nies ikunu mbeżżgħin minn Ġeħova. Satana jridna nemmnu li Ġeħova dejjem irrabjat għalina, irid jikkastigana, u li aħna qatt ma nistgħu nagħmluh ferħan. (Ġob 4:18, 19) Hu jrid li tant nibżgħu minn Ġeħova li nieqfu naqduh. Imma aħna qatt m’għandna nibżgħu minn Ġeħova b’dan il-mod. Minflok, irridu nitgħallmu nirrispettawh ħafna u nibżgħu li nweġġgħuh.

5. X’jiġifieri li nibżgħu minn Alla?

5 Persuna li tibżaʼ minn Alla, jiġifieri li tirrispettah ħafna, tħobbu u mhu se tagħmel xejn li se jagħmel il-ħsara lill-ħbiberija taʼ bejniethom. Ġesù kellu din it-tip taʼ biżaʼ. (Ebr. 5:7) Imma ma jfissirx li kien jitwerwer minn Ġeħova. (Is. 11:2, 3) Anzi hu kien iħobbu ħafna u ried jobdih. (Ġw. 14:21, 31) Bħal Ġesù, aħna nirrispettawh ħafna lil Ġeħova għax hu mħabba, għaref, ġust, u għandu ħafna qawwa. Aħna nafu wkoll li Ġeħova jħobbna ħafna u jimpurtah minn kif naġixxu għat-tagħlim tiegħu. B’dak li nagħmlu nistgħu nferrħu lil Ġeħova jew inweġġgħuh.—Salm 78:41; Prov. 27:11.

NITGĦALLMU NIRRISPETTAW ĦAFNA LIL ALLA

6. X’inhu mod wieħed kif nitgħallmu nirrispettaw ħafna lil Ġeħova? (Salm 34:11)

6 Aħna rridu nitgħallmu nirrispettaw ħafna lil Ġeħova għax ma nitwildux biha. (Aqra Salm 34:11.) Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nitgħallmu dwar il-ħolqien. Meta naraw l-għerf, il-qawwa, u l-imħabba li Alla għandu għalina ‘fl-affarijiet li ħalaq,’ aħna se nirrispettawh u nħobbuh iktar. (Rum. 1:20) Oħt jisimha Adrienne tgħid, “Meta nħares lejn l-affarijiet kollha li ħalaq Ġeħova u nara kemm hu għaref, nibqaʼ bla kliem u niftakar li hu jaf x’inhu l-aħjar għalina.” Minħabba li spiss taħseb dwar dan, hi tgħid, “Ma rrid nagħmel xejn li jweġġaʼ lil Ġeħova, il-Wieħed li tani l-ħajja.” Tistaʼ tieħu ftit ħin din il-ġimgħa biex taħseb dwar xi ħaġa li ħalaq Ġeħova? Jekk tagħmel hekk, lil Ġeħova se tirrispettah u tħobbu iktar.—Salm 111:2, 3.

7. It-talb kif jgħinna biex nirrispettaw ħafna lil Ġeħova?

7 Mod ieħor kif nitgħallmu nirrispettaw ħafna lil Ġeħova hu billi nitolbu spiss. Iktar ma nitolbu lil Ġeħova iktar se nsiru nafuh. Kull darba li nitolbuh biex jagħtina s-saħħa ħalli nibqgħu nissaportu, se niftakru kemm għandu qawwa. Meta nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bagħat lil Ġesù biex imut għalina, se niftakru kemm iħobbna. U meta nitolbu lil Ġeħova mill-qalb biex jgħinna f’xi problema li jkollna, se niftakru kemm hu għaref. Talb bħal dan se jgħinna biex nirrispettaw iktar lil Ġeħova, u se nkunu iktar determinati li ma nagħmlu xejn li jistaʼ jagħmel ħsara lill-ħbiberija tagħna miegħu.

8. Xi rridu nagħmlu biex inkomplu nirrispettaw ħafna lil Ġeħova?

8 Aħna nistgħu nkomplu nirrispettaw ħafna lil Ġeħova billi nistudjaw il-Bibbja u nitgħallmu mill-eżempji tajbin u ħżiena li fiha. Ejja naraw eżempju taʼ żewġ qaddejja leali taʼ Ġeħova: Għobadija, li kien jieħu ħsieb il-palazz tar-Re Aħab, u l-Qassis il-Kbir Ġeħojada. Imbagħad se naraw x’nistgħu nitgħallmu mir-re taʼ Ġuda, Ġeħogħas, li għall-ewwel kien leali lejn Ġeħova imma mbagħad ma baqax.

KUN KURAĠĠUŻ BĦAL GĦOBADIJA

9. Ir-rispett li Għobadija kellu lejn Ġeħova kif għenu? (1 Slaten 18:3, 12)

9 L-ewwel darba li l-Bibbja ssemmi lil Għobadijab tgħid: “Għobadija kien jirrispetta ħafna lil Ġeħova.” (Aqra l​-1 Slaten 18:3, 12.) Dan kif għenu? Hu kien onest u taʼ min jafdah, u għalhekk ir-re tah ir-responsabbiltà li jieħu ħsieb id-dar tiegħu. (Ara eżempju ieħor f’​Neħemija 7:2.) Ir-rispett li Għobadija kellu lejn Ġeħova għenu biex ikun kuraġġuż ħafna, kwalità li kellu bżonn. Hu għex fiż-żmien li kien qed imexxi r-Re Aħab, li “f’għajnejn Ġeħova . . . kien agħar [mir-rejiet] kollha taʼ qablu.” (1 Slat. 16:30) Barra minn hekk, il-mara t’Aħab, Ġeżabel, kienet tqim lil Bagħal. Tant kienet tobgħod lil Ġeħova li ppruvat twaqqaf lin-nies kollha li kienu jgħixu fit-territorju tal-għaxar tribujiet taʼ Iżrael milli jaqdu lil Ġeħova. Hi anki qatlet ħafna mill-profeti t’Alla. (1 Slat. 18:4) Bla dubju, Għobadija qeda lil Ġeħova matul żmien diffiċli.

10. Għobadija kif wera ħafna kuraġġ?

10 Għobadija kif wera ħafna kuraġġ? Meta Ġeżabel kienet qed tfittex il-profeti taʼ Ġeħova biex toqtolhom, Għobadija ħeba mija minnhom ‘50 f’kull għar, u baqaʼ jipprovdilhom ħobż u ilma.’ (1 Slat. 18:13, 14) Kieku qabditu, Ġeżabel żgur li kienet toqtlu. Għobadija żgur li beżaʼ u ma riedx imut, imma hu kien iħobb lil Ġeħova u lil dawk li jaqduh iktar milli kien iħobb lilu nnifsu.

Ħu dieħel id-dar taʼ koppja Xhieda. Hu jagħti lir-raġel rivista waqt li l-mara qiegħda attenta tħares barra.

Minkejja li x-xogħol tagħna ma jistax isir, ħu b’kuraġġ qed iqassam il-letteratura lil aħwa oħrajn (Ara paragrafu 11)d

11. Il-qaddejja taʼ Ġeħova llum kif huma bħal Għobadija? (Ara l-istampa.)

11 Illum, ħafna mill-qaddejja taʼ Ġeħova jgħixu f’pajjiżi fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir. Għalkemm huma jibqgħu jirrispettaw lil dawk li għandhom l-awtorità, dawn l-aħwa, bħal Għobadija, ma jaċċettawx li jieqfu jaqdu lil Ġeħova. (Mt. 22:21) Huma juru li jibżgħu minn Alla u li għandhom rispett kbir lejh billi jobdu lilu u mhux lin-nies. (Atti 5:29) Huma jagħmlu dan billi jkomplu jippritkaw u jiltaqgħu għal-laqgħat bil-moħbi. (Mt. 10:16, 28) U jagħmlu dak kollu li jistgħu biex l-aħwa jkollhom l-ikel spiritwali u jibqgħu qrib Ġeħova. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Henri, li jgħix f’post fl-Afrika fejn ix-xogħol tagħna ma setax isir. Matul dak iż-żmien, hu għen biex titqassam il-letteratura lill-aħwa. Hu kiteb: “Jien nistħi ħafna, u ċert li r-rispett kbir li kelli lejn Ġeħova tani l-kuraġġ li kelli bżonn.” Inti kuraġġuż bħal Henri? Tistaʼ tkun, jekk ikollok rispett kbir lejn Alla.

KUN LEALI BĦALL-QASSIS IL-KBIR ĠEĦOJADA

12. Il-Qassis il-Kbir Ġeħojada u l-mara tiegħu kif urew li kienu leali lejn Ġeħova?

12 Il-Qassis il-Kbir Ġeħojada kien jirrispetta ħafna lil Ġeħova, u dan għenu biex jibqaʼ leali lejh u jgħin lil oħrajn jaqdu lil Ġeħova. Dan deher ċar meta t-tifla taʼ Ġeżabel, Għatalija, bdiet tmexxi f’​Ġuda mingħajr ma kellha dritt. In-nies kellhom raġun jibżgħu minnha. Hi tant kienet kattiva u kellha xewqa għall-poter li pprovat toqtol in-neputijiet tagħha kollha biex tkun tistaʼ tmexxi! (2 Kron. 22:10, 11) Wieħed min-neputijiet tagħha, Ġeħogħas, salva minħabba l-mara taʼ Ġeħojada, li kien jisimha Ġeħosabegħat. Hi u r-raġel tagħha ħbew lit-tifel u ħadu ħsiebu. B’hekk, huma għamlu ċert li xi ħadd mill-familja taʼ David isalva u jsir re. Ġeħojada kien leali lejn Ġeħova u ma ħalliex il-biżaʼ minn Għatalija twaqqfu milli jagħmel dak li hu tajjeb.—Prov. 29:25.

13. Meta Ġeħogħas kellu sebaʼ snin, Ġeħojada kif reġaʼ wera li kien leali?

13 Meta Ġeħogħas kellu sebaʼ snin, Ġeħojada reġaʼ wera li hu kien leali lejn Ġeħova. Hu għamel pjan li jekk jirnexxi, Ġeħogħas kien se jsir re kif suppost għax kien jiġi mill-familja taʼ David. Imma jekk ma jirnexxix, x’aktarx Ġeħojada kien se jiġi maqtul. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova l-pjan irnexxa. Il-kapijiet u l-Leviti għenu lil Ġeħojada biex Ġeħogħas isir re, u tinqatel Għatalija. (2 Kron. 23:1-5, 11, 12, 15; 24:1) Imbagħad Ġeħojada “għamel patt bejn Ġeħova, ir-re, u l-poplu, li se jibqgħu l-poplu taʼ Ġeħova.” (2 Slat. 11:17) U “hu qiegħed l-għassiesa tal-bibien ħdejn il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova sabiex ma jidħol ħadd li ma jkunx nadif b’xi mod.”—2 Kron. 23:19.

14. Ġeħova kif ippremja lil Ġeħojada?

14 Iktar qabel, Ġeħova qal: “Nonora lil dawk li jonorawni.” U Ġeħova hekk għamel ma’ Ġeħojada. (1 Sam. 2:30) Pereżempju, hu niżżel ir-rakkont taʼ Ġeħojada fil-Bibbja biex aħna nitgħallmu minnu. (Rum. 15:4) U wara li Ġeħojada miet, kellu l-unur li jindifen “fil-Belt taʼ David flimkien mar-rejiet, għax kien għamel ħafna affarijiet tajbin għall-poplu t’Iżrael, għall-Alla l-veru, u għad-dar t’Alla.”—2 Kron. 24:15, 16.

Bħall-Qassis il-Kbir Ġeħojada, ir-rispett kbir lejn Ġeħova jistaʼ jimmotivana biex ngħinu lill-aħwa (Ara paragrafu 15)e

15. X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont taʼ Ġeħojada? (Ara l-istampa.)

15 Ir-rakkont dwar Ġeħojada jistaʼ jgħinna biex nirrispettaw iktar lil Ġeħova. L-anzjani jistgħu jimitaw lil Ġeħojada billi dejjem ifittxu modi kif jipproteġu l-aħwa fil-kongregazzjoni. (Atti 20:28) Aħwa kbar fl-età jistgħu jitgħallmu li meta jirrispettaw lil Ġeħova u jibqgħu leali, hu jistaʼ jużahom biex iwettaq l-iskop tiegħu. Għalih huma importanti ħafna! Iż-żgħażagħ jistgħu jinnotaw kif Ġeħova ttratta lil Ġeħojada u jimitawh, billi jirrispettaw l-aħwa ikbar minnhom speċjalment lil dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin. (Prov. 16:31) U lkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu mill-kapijiet u l-Leviti li għenu lil Ġeħojada billi ngħinu u nobdu lil “dawk li qed imexxu.”—Ebr. 13:17.

TKUNX BĦAR-RE ĠEĦOGĦAS

16. Kif nafu li r-Re Ġeħogħas ma kienx jirrispetta lil Ġeħova?

16 Il-qassis Ġeħojada għen lir-Re Ġeħogħas biex ikun persuna tajba. Meta kien żgħir, ir-re ried jogħġob lil Ġeħova. (2 Slat. 12:2) Imma meta Ġeħojada miet, Ġeħogħas semaʼ mill-kapijiet taʼ Ġuda, li kienu apostati. Imbagħad x’ġara? Hu u n-nies tiegħu “bdew jaqdu lill-arbli sagri u lill-idoli.” (2 Kron. 24:4, 17, 18) Minkejja li Ġeħova kien imweġġaʼ, hu “baqaʼ jibagħtilhom il-profeti biex jiġbidhom lura lejh . . . , imma ma ridux jisimgħu.” Huma lanqas ma semgħu minn Żakkarija,c it-tifel taʼ Ġeħojada. Dan mhux biss kien il-profeta u l-qassis taʼ Ġeħova imma kien ukoll il-kuġin taʼ Ġeħogħas. Ir-Re Ġeħogħas wasal biex joqtol lil Żakkarija, minkejja li l-familja tiegħu kienet salvatu.—2 Kron. 22:11; 24:19-22.

17. Ir-Re Ġeħogħas xi ġralu?

17 Ġeħogħas ma baqax jirrispetta lil Ġeħova u kellu jbati l-konsegwenzi. Ġeħova qal: “Dawk li jmaqdruni se jiġu ddiżonorati.” (1 Sam. 2:30) Iktar tard armata żgħira taʼ Sirjani rebħet l-“armata kbira” li kellu Ġeħogħas u “weġġgħuh serjament.” Wara li s-Sirjani telqu, Ġeħogħas inqatel mill-qaddejja tiegħu stess talli qatel lil Żakkarija. In-nies tant qisuh ħażin li ma difnuhx “fil-post fejn jindifnu r-rejiet.”—2 Kron. 24:23-25.

18. Skont Ġeremija 17:7, 8, kif nistgħu nevitaw li nkunu bħal Ġeħogħas?

18 X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġeħogħas? Hu kien bħal siġra li l-għeruq tagħha mhumiex fil-fond, u għalhekk għandha bżonn is-sapport. Wara li Ġeħojada, il-wieħed li għenu, miet, Ġeħogħas beda jismaʼ mill-apostati u ma baqax leali lejn Ġeħova. Dan l-eżempju jurina li aħna ma rridux nirrispettaw lil Alla minħabba li naraw lill-aħwa leali fil-kongregazzjoni u tal-familja jagħmlu hekk. Biex nibqgħu leali lejn Ġeħova, aħna rridu nkomplu nkabbru r-rispett u l-imħabba tagħna lejh permezz taʼ studju regulari, il-meditazzjoni, u t-talb.—Aqra Ġeremija 17:7, 8; Kol. 2:6, 7.

19. Ġeħova x’jistenna minna?

19 Ġeħova ma jistenniex iktar milli nistgħu ntuh. F’​Ekkleżjasti 12:13 hu jgħidilna: “Ibżaʼ mill-Alla l-veru u ħares il-kmandamenti tiegħu. Għax dan hu l-obbligu kollu tal-bniedem.” Meta jkollna l-biżaʼ minn Alla, jiġri x’jiġri fil-futur se nkunu nistgħu nibqgħu leali lejh bħalma għamlu Għobadija u Ġeħojada. Mhu se nħallu lil ħadd jagħmel ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova.

TIFTAKAR INT?

  • X’jiġifieri li tibżaʼ minn Ġeħova?

  • X’nitgħallmu minn Għobadija u l-Qassis il-Kbir Ġeħojada?

  • Kif nistgħu nevitaw li nkunu bħar-Re Ġeħogħas?

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

a Il-kelma“biżaʼ” kif tintuża fil-Bibbja għandha iktar minn tifsira waħda. Din tistaʼ tfisser biżaʼ, rispett, jew stagħġib jiddependi mill-kuntest. Dan l-artiklu se jgħinna biex ikollna t-tip taʼ biżaʼ li tistaʼ timmotivana biex inkunu kuraġġużi u nibqgħu leali lejn Missierna tas-sema.

b Dan ir-raġel, Għobadija, mhux il-profeta Għobadija li għex mijiet taʼ snin wara u li kiteb il-ktieb fil-Bibbja.

c Mattew 23:35 jgħid li Żakkarija kien bin Barakija. Hemm min jaħseb li Ġeħojada jistaʼ jkun kellu żewġ ismijiet, bħalma kellhom xi nies oħra fil-Bibbja (qabbel Mt. 9:9 maʼ Mk. 2:14), jew li Barakija kien in-nannu taʼ Żakkarija jew xi antenat ieħor.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: F’din l-istampa naraw ħu qed iqassam il-letteratura f’pajjiż fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir.

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt żagħżugħa titgħallem minn oħt ikbar minnha kif tipprietka bit-telefown; ħu kbir fl-età b’kuraġġ qed jipprietka bit-trolley; ħu tal-esperjenza jittrennja lil oħrajn kif jieħdu ħsieb is-Sala tas-Saltna.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja