Ħejji Għal Ħelsien Ġewwa Dinja Ġdida
“Ftakar f’mart Lot.”—LUQA 17:32.
1. Liema eżempju storiku taʼ ħelsien divin tenfasizza l-lezzjoni tagħna llum, u kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għalina?
WARA li tkellem dwar il-ħelsien meraviljuż li Jehovah wettaq għan-nom taʼ Noè u l-familja tiegħu, l-appostlu Pietru semma eżempju storiku ieħor. Hu ġibed l-attenzjoni lejn il-preservazzjoni tat-twajjeb Lot meta Sodom u Gomorra nġabu rmied, kif naqraw fit-2 Pietru 2:6-8. Id-dettalji ġew ippreservati għall-benefiċċju tagħna. (Rumani 15:4) Li ndaħħlu f’qalbna dak li ġara f’konnessjoni maʼ dak il-ħelsien jistaʼ jgħin biex aħna niġu ppreservati għal ġod-dinja ġdida t’Alla.
Kif Nirreaġixxu għall-Mod taʼ Ħajja tad-Dinja
2. Liema kondotta f’Sodom u Gomorra wasslet għall-qerda tagħhom minn Alla?
2 Dawk l-ibliet u l-abitanti tagħhom għala ġew meqrudin? L-appostlu Pietru jsemmi waqgħa f’“kondotta laxka.” (2 Pietru 2:7) Kif indikat mill-użu tat-termini Griega li minnha tiġi tradotta dik l-espressjoni, in-nies taʼ Sodom u Gomorra ħadu sehem f’atti taʼ ħażen f’manjiera li wriet nuqqas sfaċċat taʼ rispett, saħansitra stmerrija, lejn il-liġi u lejn l-awtorità. Ġuda 7 igħid li huma “żnew b’mod eċċessiv u telqu wara l-laħam għal użu mhux naturali.” Il-ħażen kbir tal-kondotta tagħhom intwera meta l-irġiel taʼ Sodom, “minn tifel sa raġel xiħ, in-nies kollha f’marmalja waħda,” dawru d-dar taʼ Lot u riedu li hu jagħti l-mistednin tiegħu lill-irġiel taʼ Sodom biex dawn ipaxxu l-aptiti perverti tagħhom. U huma għajtu tgħajjir lil Lot għaliex hu rreżista għax-xewqat baxxi tagħhom.—Ġenesi 13:13; 19:4, 5, 9.
3. (a) Lot u l-familja tiegħu kif spiċċaw igħixu f’ambjent daqstant korrott bħal Sodom? (b) X’kienet ir-reazzjoni taʼ Lot għall-kondotta laxka tan-nies f’Sodom?
3 Lot kien oriġinalment mar igħix fl-inħawi taʼ ħdejn Sodom minħabba l-potenzjal tagħhom għal prosperità materjali. Maż-żmien, hu mar igħix fil-belt infisha. (Ġenesi 13:8-12; 14:12; 19:1) Imma hu ma kienx jaqbel mal-prattiċi oxxeni tal-irġiel tal-belt, u dawk l-irġiel ma kinux iqisuh bħala wieħed minnhom, milli jidher għaliex Lot u l-familja tiegħu ma kinux jieħdu seħem magħhom fil-ħajja soċjali tagħhom. Kif igħid it-2 Pietru 2:7, 8: “Lot . . . kien imnikket ferm bit-tfigħ bla rażan tan-nies li jisfidaw il-liġi f’kondotta laxka—għax dak ir-raġel twajjeb b’dak li ra u samaʼ waqt li għammar fosthom minn jum għal jum kien qed jitturmenta lir-ruħ twajba tiegħu minħabba l-egħmejjel taʼ bla liġi tagħhom.” Dawk il-kundizzjonijiet iffurmaw prova ħarxa għal Lot għaliex, bħala raġel twajjeb, hu kien jistmerr kondotta bħal dik.
4. (a) B’liema mod il-kundizzjonijiet illum huma bħal dawk f’Sodom tal-qedem? (b) Jekk aħna bħat-twajjeb Lot, kif nirreaġixxu għall-kundizzjonijiet korrotti preżenti?
4 Fi żmienna wkoll, il-livell morali tas-soċjetà umana therra. F’ħafna artijiet, iktar u iktar nies jieħdu sehem f’sess qabel jew barra miż-żwieġ. Saħansitra ħafna żgħażagħ fl-iskola huma involuti fil-fond f’dan il-mod taʼ ħajja, u huma jirredikolaw lil dawk li ma jingħaqdux magħhom. L-omossesswali bla tlaqliq jidentifikaw lilhom infushom u jimmarċjaw mat-toroq taʼ bliet kbar biex jiġu rikonoxxoti. Il-kleru ngħaqad fix-xalar. Uffiċċjalment, mhux ħafna knejjes jordnaw omosesswali u żienja magħrufin. Madankollu, fil-fatt, kif urew ripetutament rapporti tal-gazzetti, m’hu xejn diffiċli biex issib omosesswali, żienja, u adulteri fost il-kleru. Fil-fatt, xi mexxejja reliġjużi ġew ittrasferiti lejn bliet oħra jew ġew saħansitra mġegħlin jirriżenjaw minħabba skandli taʼ sess. Dawk li jħobbu t-tjieba ma jissimpatizzawx maʼ ħażen bħal dan; huma ‘abborrew dak li hu ħażin.’ (Rumani 12:9) Huma jitnikktu b’mod speċjali meta l-kondotta taʼ nies li jgħidu li qed jaqdu ’l Alla ġġib tmaqdir fuq ismu u ġġiegħel lil nies li m’humiex infurmati tajjeb li jitbiegħdu ddiżgustati minn kull reliġjon.—Rumani 2:24.
5. Il-qerda taʼ Sodom u Gomorra mingħand Jehovah x’mistoqsija twieġeb għalina?
5 Sena wara sena s-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Se jkun hemm tmiem għal dan? Iva, se jkun hemm! Dak li Jehovah għamel lil Sodom u Gomorra tal-qedem juri b’mod ċar li, fiż-żmien maħtur tiegħu, hu se jesegwixxi ġudizzju. Hu se jeqred għalkollox lill-ħżiena, imma se jeħles lill-qaddejja lejali tiegħu.
Min jew Liema Ħaġa Tiġi l-Ewwel fil-Ħajja?
6. (a) X’lezzjoni f’waqtha hemm fir-rakkont dwar l-irġiel żgħażagħ li kellhom jiżżewġu lill-bniet taʼ Lot? (b) L-attitudni tal-imseħbin prospettivi tagħhom kif ippruvat lill-bniet taʼ Lot?
6 Dawk biss li juru devozzjoni vera lejn Alla se jiġu meħlusin. F’dan ir-rigward, ikkunsidra x’qalu l-anġli taʼ Jehovah lil Lot qabel Sodom u Gomorra ġew meqrudin. “Għandek lil xi ħadd ieħor hawn? Ħaten u wliedek subien u bniet u dawk kollha li huma tiegħek fil-belt, oħroġhom mill-post! Għax se nġibu l-post f’rovina.” Mela Lot kellem lill-irġiel żgħażagħ li kellhom jiżżewġu lill-bniet tiegħu. Heġġiġhom b’mod ripetut: “Qumu! Oħorġu minn dan il-post, għaliex Jehovah se jġib il-belt rovina!” Ir-relazzjoni tagħhom man-nies tad-dar taʼ Lot ipprovditilhom opportunità speċjali għall-ħelsien, imma huma personalment riedu jieħdu azzjoni. Riedu jagħtu prova konkreta taʼ ubbidjenza lejn Jehovah. Minflok, f’għajnejhom Lot “deher qisu raġel li kien qed jiċċajta.” (Ġenesi 19:12-14) Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom il-bniet taʼ Lot meta saru jafu x’kien ġara. Dan poġġa l-lejaltà tagħhom lejn Alla taħt prova.
7, 8. (a) Meta l-anġli ħeġġew lil Lot biex jieħu l-familja tiegħu u jaħrab, hu kif irreaġixxa, u dan għala ma kienx għaqli? (b) Biex jinħelsu, x’kien vitali għal Lot u l-familja tiegħu?
7 L-għada fil-għodu fi tlugħ ix-xemx, l-anġli bdew ikunu urġenti maʼ Lot. Qalu: “Qum! Ħu lil martek u lill-ulied bniet tiegħek li jinsabu hawn, minħabba l-biżaʼ li int tiġi miknus fl-iżball tal-belt!” Imma “hu qagħad jitnikker.” (Ġenesi 19:15, 16) Għala? X’kien qed iżommu? Forsi l-interessi materjali li kellu hemm f’Sodom—l-istess ħaġa li kienet ħajritu biex imur f’dawn l-inħawi fil-bidu? Jekk se jibqaʼ mqabbad maʼ dawn, kien se jiġi meqrud maʼ Sodom.
8 B’mogħdrija, l-anġli ħatfu lil dawk tal-familja tiegħu minn idhom u għaġġluhom ’il barra mill-belt. Fit-tarf tal-belt, l-anġlu taʼ Jehovah ikkmanda: “Aħrab għal ruħek! Tħarisx warajk u tiqafx fid-Distrett kollu! Aħrab lejn ir-reġjun muntanjuż minħabba l-biżaʼ li tiġi miknus!” Lot baqaʼ jaħsibha. Fl-aħħar, wara li ftehmu li hu setaʼ jmur f’post li ma kienx daqshekk ’il bogħod, hu u l-familja tiegħu ħarbu. (Ġenesi 19:17-22) Ma setax ikun hemm iktar dewmien; l-ubbidjenza kienet vitali.
9, 10. (a) Li kienet maʼ żewġha għala ma kienx suffiċjenti biex jiżżgura l-ħelsien għall-mara taʼ Lot? (b) Meta nqatlet il-mara taʼ Lot, liema prova oħra ġiet fuq Lot u l-bniet tiegħu?
9 Madankollu, il-ħelsien kien għadu mhux komplet meta telqu minn Sodom. Ġenesi 19:23-25 igħidilna: “Ix-xemx kienet telgħet fuq l-art meta Lot wasal Żoar. Imbagħad Jehovah għamel xita taʼ kubrit u nar mingħand Jehovah, mis-smewwiet, fuq Sodom u fuq Gomorra. Mela mar ’il quddiem jegħleb lil dawn l-ibliet, saħansitra d-Distrett kollu kemm hu u lill-abitanti kollha tal-ibliet u lill-pjanti tal-art.” Imma fejn kienet mart Lot?
10 Hi kienet ħarbet maʼ żewġha. Madankollu, kienet fi qbil għalkollox maʼ dak li kien qed jagħmel? M’hemm xejn li jindika li hi b’xi mod approvat l-immoralità taʼ Sodom. Imma kienet l-imħabba tagħha lejn Alla iżjed qawwija mir-rabta tagħha maʼ darha u mal-affarijiet materjali li kellha hemm? (Qabbel Luqa 17:31, 32.) Taħt pressjoni, dak li kien hemm f’qalbha ħareġ fil-beraħ. Milli jidher kienu diġà waslu ħdejn Żoar, forsi fil-punt li jidħlu ġewwa l-belt, meta hi b’mod diżubbidjenti daret u ħarset lura. U r-rakkont tal-Bibbja jgħid, “saret pilastru tal-melħ.” (Ġenesi 19:26) Issa prova oħra taʼ lejaltà iffaċċjat lil Lot u lill-bniet tiegħu. Kienet il-ġibda taʼ Lot lejn martu li ġiet nieqsa jew is-sentiment tat-tfajliet għal ommhom li mietet iktar qawwija mill-imħabba tagħhom lejn Jehovah, li kien ikkaġuna dan il-gwaj? Kienu se jibqgħu jobdu lil Alla avolja xi ħadd qrib ħafna tagħhom wera nuqqas taʼ lejaltà lejh? B’fiduċja sħiħa f’Jehovah, huma ma ħarsux lura.
11. X’tgħallimna hawn dwar il-ħelsien li jipprovdi Jehovah?
11 Iva, Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla mit-tiġrib. Hu jaf kif jeħles familji sħaħ li huma magħqudin fil-qima vera; hu jaf ukoll kif jeħles individwi. Meta huma verament iħobbuh, hu juri konsiderazzjoni kbira fil-mod kif jittratta magħhom. “Hu nnifsu jaf tajjeb it-tiswir tagħna, billi jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:13, 14) Imma l-ħelsien tiegħu hu biss għal dawk li huma nies taʼ devozzjoni lejn Alla, dawk li d-devozzjoni tagħhom hija ġenwina, dawk li l-ubbidjenza tagħhom hija espressjoni taʼ lejaltà.
Tħejjijiet taʼ Mħabba Għal Ħelsien Akbar
12. Xi tħejjijiet taʼ mħabba kien se jagħmel Jehovah qabel iġib il-ħelsien li aħna tant nantiċipaw bil-ħerqa?
12 B’dak li kkaġuna fi żmien Noè u fi żmien Lot, Jehovah ma neħħiex il-ħżiena kollha għal dejjem. Kif tgħid l-Iskrittura, sempliċement stabbilixxa mudell tal-affarijiet li jridu jiġu. Qabel kellhom jaslu dawk l-affarijiet, Jehovah kellu ppjanat bil-wisq iżjed li kellu f’moħħu x’jagħmel biex jibbenefikaw nies li jħobbuh. Hu kien se jibgħat l-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu, fuq l-art. Hawn, Ġesù kien se jnaddaf l-isem t’Alla mit-tmaqdir billi juri t-tip taʼ devozzjoni li Adam bħala uman perfett setaʼ u kien imissu jagħti lil Alla; imma Ġesù kien se jagħmel dan taħt ċirkostanzi bil-wisq iżjed diffiċli. Ġesù kien se jagħti l-ħajja umana u perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju sabiex in-nisel taʼ Adam li jeżerċitaw fidi setgħu jkollhom dak li tilef Adam. Imbagħad, “merħla ċkejkna” taʼ bnedmin lejali kienu se jintgħażlu minn Alla biex jieħdu seħem maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema, u “folla kbira” kienet se tinġabar mill-ġnus kollha biex tifforma l-pedament għal soċjetà umana ġdida. (Luqa 12:32; Rivelazzjoni 7:9) B’dak imwettaq, Alla kien se jwettaq ħelsien grandjuż iffigurat bil-quddiem mill-ġrajjiet assoċjati mad-Dulluvju u mal-qerda taʼ Sodom u Gomorra.
Għala Azzjoni Deċiżiva Hija Urġenti Issa
13, 14. X’nistgħu nitgħallmu mill-fatt li Pietru uża l-qerda taʼ nies mingħajr Alla fi żmien Lot u fi żmien Noè bħala eżempji?
13 Studenti tal-Kelma t’Alla jafu li Jehovah f’ħafna okkażjonijiet wettaq atti taʼ ħelsien għall-qaddejja tiegħu. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każi l-Bibbja ma tgħidx, ‘Bħalma kien f’dak iż-żmien, hekk se tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.’ L-appostlu Pietru, imnebbaħ mill-ispirtu qaddis, għala semma apparti żewġ eżempji biss? X’kien differenti dwar dak li ġara fi żmien Lot u fi żmien Noè?
14 Indikazzjoni ċara tinsab f’Ġuda 7, fejn naqraw li “Sodom u Gomorra u l-ibliet taʼ madwarhom . . . huma mqiegħda quddiemna bħala eżempju taʼ twissija billi għaddew mill-kastig ġudizzjarju tan-nar taʼ dejjem.” Iva, il-qerda tal-midinbin ħorox f’dawk l-ibliet kienet eterna, kif se tkun il-qerda tal-ħżiena fit-tmiem tas-sistema preżenti taʼ affarijiet. (Mattew 25:46) Il-Għarqa taʼ żmien Noè hija bl-istess mod irreferuta f’kuntesti li jiddiskutu ġudizzji eterni. (2 Pietru 2:4, 5, 9-12; 3:5-7) Mela bil-qerda taʼ nies taʼ mingħajr Alla fi żmien Lot u fi żmien Noè, Jehovah wera li hu se jeħles lill-qaddejja tiegħu billi jeqred għal dejjem lil dawk li jipprattikaw in-nuqqas taʼ tjieba.—2 Tessalonkin 1:6-10.
15. (a) Liema twissija urġenti tingħata lil dawk li jieħdu sehem fi prattiċi mill-agħar? (b) Għala se tiġi esegwita l-ġustizzja fuq dawk kollha li jippersistu fin-nuqqas taʼ tjieba?
15 Il-qerda tal-ħżiena ma ġġib l-ebda pjaċir lil Jehovah, lanqas ma ġġib pjaċir lill-qaddejja tiegħu. Permezz tax-Xhieda tiegħu, Jehovah iħeġġeġ lin-nies: “Duru lura, duru lura mill-mogħdijiet ħżiena tagħkom, għax għala għandkom tmutu?” (Eżekjel 33:11) Madankollu, meta n-nies ma juru l-ebda xewqa li jagħtu kas taʼ dan l-appell taʼ mħabba imma jippersistu fil-mod taʼ ħajja egoistika tagħhom stess, ir-rispett taʼ Jehovah lejn l-isem qaddis tiegħu stess u l-imħabba tiegħu lejn il-qaddejja lejali tiegħu li jġarrbu abbuż minn idejn bnedmin taʼ mingħajr Alla jirrikjedu li hu jesegwixxi ġustizzja.
16. (a) Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-ħelsien imbassar hu fil-qrib ħafna? (b) Minn liema ħaġa u għal liema ħaġa se jkun il-ħelsien?
16 Il-waqt għal Alla biex iġib ħelsien hu qrib ħafna! L-attitudnijiet u l-ġrajjiet li Ġesù bassar bħala s-sinjal tal-preżenza tiegħu u tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet jidhru b’mod ċar. Il-fatturi taʼ dak is-sinjal l-ewwel bdew jidhru ’l fuq minn 75 sena ilu, u Ġesù qal li “din il-ġenerazzjoni” bl-ebda mod ma kellha tgħaddi qabel ma sseħħ l-esekuzzjoni tal-ġudizzju t’Alla fuq din id-dinja taʼ mingħajr Alla. Meta Jehovah jiddeċiedi li l-messaġġ tas-Saltna ġie mxandar sal-punt suffiċjenti fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha, imbagħad se jiġi t-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar, u maʼ dak se jiġi ħelsien għal nies taʼ devozzjoni lejn Alla. (Mattew 24:3-34; Luqa 21:28-33) Ħelsien minn xiex? Mill-provi li huma kellhom igħaddu minnhom minn idejn il-ħżiena, u minn ċirkostanzi li kienu taʼ kuljum sors taʼ niket għalihom bħala nies li jħobbu t-tjieba. Se jkun ukoll ħelsien f’dinja ġdida fejn il-mard u l-mewt se jkunu affarijiet tal-passat.
Għajnuna Divina bil-Ħelsien Quddiemna
17. (a) Liema mistoqsija li ġġibna f’sensina għandna nistaqsu lilna nfusna? (b) Kif nistgħu nagħtu evidenza li, bħal Noè, aħna mqanqlin minn “biżaʼ t’Alla”?
17 Il-mistoqsija li aħna individwalment għandna bżonn nikkunsidraw hi, ‘Jien lest għal dak l-att t’Alla?’ Jekk qed nafdaw fina nfusna jew fil-kunċett tagħna nfusna taʼ tjieba, m’aħniex lesti. Imma jekk, bħal Noè, aħna mqanqlin minn “biżaʼ t’Alla,” allura aħna qed inwieġbu bil-fidi għad-direzzjoni li Jehovah jagħtina, u dan se jwassal għall-ħelsien tagħna.—Ebrej 11:7.
18. Li nitgħallmu rispett ġenwin lejn awtorità teokratika għala hu parti importanti mit-tħejjija tagħna għal ħelsien fid-dinja ġdida?
18 Billi jiddeskrivi b’mod sabiħ lil dawk li jgawdu l-protezzjoni li jagħti Jehovah saħansitra issa, Salm 91:1, 2 igħid: “Kulmin igħammar fil-post sigriet tal-Iktar Għoli se jikseb għalih innifsu post fejn joqgħod taħt id-dell taʼ Dak li Jistaʼ Kollox. Jien se ngħid lil Jehovah: ‘Inti l-kenn tiegħi u l-fortizza tiegħi, Alla tiegħi, li fih se nafda.’” Hawn hu grupp taʼ nies li huma ssalvagwardjati minn Alla bħal frieħ taħt il-ġwienaħ setgħana taʼ tajra. Il-fiduċja sħiħa tagħhom hi f’Jehovah. Huma jirrikonoxxu li hu l-Iktar Għoli, Dak li Jistaʼ Kollox. Bħala riżultat, huma jirrispettaw lill-awtorità teokratika u jissottomettu lilhom infushom lejha, kemm jekk hi eżerċitata mill-ġenituri jew mill-“irsir fidil u għaqli.” (Mattew 24:45-47) Huwa dak veru dwarna individwalment? Bħal Noè, qegħdin nitgħallmu nagħmlu ‘kulma jikkmanda Jehovah’ u qed nagħmlu l-affarijiet kif irid hu? (Ġenesi 6:22) Jekk iva, qed inwieġbu għat-tħejjija li Jehovah qed jagħtina għall-ħelsien fid-dinja ġdida tiegħu taʼ tjieba.
19. (a) X’inhi l-qalb figurattiva tagħna, u għala huwa vitali li nagħtuha attenzjoni? (Proverbji 4:23) (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju taʼ Lot rigward ir-reazzjoni tagħna lejn ġibdiet dinjin?
19 Dik it-tħejjija tinvolvi wkoll li nagħtu attenzjoni lejn il-qalb figurattiva tagħna. “Jehovah hu l-eżaminatur tal-qlub.” (Proverbji 17:3) Hu jgħinna nirrealizzaw li mhux dak li nidhru li aħna fuq barra li jgħodd imma, minflok, il-persuna taʼ ġewwa, il-qalb. Fil-waqt li ma niħdux sehem fi vjolenza jew immoralità bħad-dinja taʼ madwarna, aħna rridu noqogħdu għassa li ma niġux imħajrin jew nitpaxxew naraw dawn l-affarijiet. Bħal Lot, għandna nħossuna mnikktin bl-istess eżistenza taʼ egħmejjel bla liġi bħal dawn. Dawk li jobogħdu dak li hu ħażin mhux se jfittxu modi biex jieħdu sehem fih; madankollu, nies li ma jobogħduhx jistgħu fiżikament iżommu ’l bogħod minnu fil-waqt li f’moħħhom jixtiequ li jistgħu jieħdu sehem fih. “O maħbubin taʼ Jehovah, obogħdu dak li hu ħażin.”—Salm 97:10.
20. (a) B’liema modi l-Bibbja twissina kontra mod taʼ ħajja materjalistiku? (b) Kif nistgħu nindunaw jekk il-lezzjonijiet vitali tal-Bibbja fuq il-materjaliżmu laħqulniex lil qalbna?
20 Jehovah b’imħabba qed jedukana biex naħarbu mhux biss minn kondotta immorali imma wkoll minn mod taʼ ħajja materjalistika. ‘Kun kuntent b’li għandek x’tiekol u b’li titgħatta,’ twissi l-Kelma tiegħu. (1 Timotew 6:8) Noè u l-ulied subien tiegħu kellhom iħallu djarhom warajhom meta daħlu fl-arka. Lot u l-familja tiegħu, ukoll, kellhom jabbandunaw id-dar u l-ġid li kellhom sabiex isalvaw il-ħajjiet tagħhom. Aħna fejn poġġejna l-ġibdiet tagħna? “Ftakru f’mart Lot.” (Luqa 17:32) Ġesù ħeġġeġ: “Ibqgħu, mela, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu.” (Mattew 6:33) Qegħdin nagħmluh dan? Jekk il-livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah jiggwidawna u jekk ix-xandir tal-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu huma l-ewwel tħassib fil-ħajjiet tagħna, mela aħna, tabilħaqq, qed inwieġbu għat-tħejjija tiegħu taʼ poplu għal ħelsien għal ġod-dinja ġdida tiegħu.
21. Għala nistgħu b’mod xieraq nantiċipaw li l-wegħda taʼ Jehovah taʼ ħelsien dalwaqt se titwettaq?
21 Lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla li kienu se jaraw it-twettieq tas-sinjal tal-preżenza tiegħu fil-qawwa tas-Saltna, Ġesù qal: “Qumu dritti u erfgħu rjuskom ’il fuq, għaliex il-ħelsien tagħkom qed joqrob.” (Luqa 21:28) Rajtu int dak is-sinjal hekk kif żviluppa f’kull dettal? Mela kun fiduċjuż li t-twettieq tal-wegħda taʼ Jehovah taʼ ħelsien huwa qrib ħafna! Kun konvint għalkollox li “Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib.”—2 Pietru 2:9.
X’tgħallimt?
◻ Bħal Lot, kif għanda nirreaġixxu għal mod taʼ ħajja tad-dinja?
◻ Liema provi ffaċċjaw lil Lot u lill-familja tiegħu fil-waqt li kienu qed jaħarbu minn Sodom?
◻ L-eżempji wżati minn Pietru kif jenfasizzaw l-urġenza taʼ li nieħdu waqfa soda fuq in-naħa taʼ Jehovah issa?
◻ F’li jħejji lill-poplu tiegħu għall-ħelsien, liema lezzjonijiet vitali qed igħallem Jehovah?
[Stampa f’paġna 13]
Il-poplu t’Alla huwa ssalvagwardjat minnu bħal frieħ taħt il-ġwienaħ setgħana tal-ġenitur tagħhom