Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
2-8 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 22-23
“Alla Għadda lil Abraham minn Prova”
Alla Għala Talab lil Abraham Biex Jissagrifika lil Ibnu?
Ikkunsidra l-kliem li Ġeħova qal lil Abraham: “Jekk jogħġbok, ħu lil ibnek Iżakk, l-uniku iben tiegħek li tant tħobb, u . . . offrih bħala offerta tal-ħruq.” (Ġenesi 22:2) Innota li Ġeħova rrefera għal Iżakk bħala l-iben li Abraham kien ‘tant iħobb.’ Ġeħova kien jaf kemm Iżakk kien prezzjuż għal Abraham. Alla kien jaf ukoll kif hu stess kien iħossu dwar Ibnu, Ġesù. Ġeħova tant kien iħobbu lil Ġesù li tkellem darbtejn mis-sema, u b’mod dirett lil Ġesù qallu: “Ibni, il-maħbub.”—Marku 1:11; 9:7.
Innota wkoll li meta Ġeħova qal lil Abraham biex joffri lil ibnu, hu qallu “jekk jogħġbok.” Studjuż tal-Bibbja jissuġġerixxi li l-użu t’Alla taʼ din il-kelma juri li “l-MULEJ japprezza l-valur taʼ dak li jkun qed jitlob mingħand il-persuna.” Bħalma nistgħu nimmaġinaw, dak li Alla talab lil Abraham kien se jnikktu ferm. B’mod simili, aħna bilkemm nistgħu nimmaġinaw l-uġigħ kbir li ħass Ġeħova waqt li kien qed jara lil Ibnu l-maħbub ibati u jmut. Aktarx li dan kien l-ikbar uġigħ li Ġeħova qatt ħass u li qatt kien se jerġaʼ jħoss.
Forsi nsibuha diffiċli naċċettaw dak li Ġeħova talab lil Abraham biex jagħmel. Imma aħna nkunu għaqlin jekk niftakru li Ġeħova ma ħalliex lill-qaddej leali tiegħu jagħmel is-sagrifiċċju. Hu ħeles lil Abraham mill-agħar telfa li jistaʼ qatt jgħaddi minnha ġenitur. Ukoll, hu pproteġa lil Iżakk mill-mewt. Madankollu, Ġeħova ma pproteġiex ‘lil Ibnu stess imma tah għalina lkoll.’ (Rumani 8:32) Ġeħova għala għadda lilu nnifsu minn xi ħaġa daqshekk kerha? Għamel dan biex aħna nkunu nistgħu “niksbu l-ħajja.” (1 Ġwanni 4:9) Dan ifakkarna kemm iħobbna Alla! B’hekk aħna niġu mmotivati biex inħobbuh lura.
16-22 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 25-26
“Għesaw Ibigħ id-Dritt Tiegħu bħala l-Ewwel Imwieled”
it-1 835
L-Ewwel Imwieled, l-Ewwel Ferħ t’Annimal
Fiż-żmien tal-qedem, l-ewwel iben imwieled kellu pożizzjoni taʼ unur fil-familja u kien il-wieħed li kien imissu jkun il-kap tad-dar wara missieru. Kien jiret żewġ partijiet tal-propjetà taʼ missieru. (Dt 21:17) Ruben kien bilqiegħda ħdejn Ġużeppi waqt ikla skont id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled. (Ġen 43:33) Imma fil-Bibbja mhux dejjem jingħata unur lill-ewwel imwieled billi jissemma l-ewwel meta jissemmew it-tfal subien wara xulxin. Ħafna drabi, l-ewwel jissemma dak li kien l-iktar importanti jew leali minflok l-ewwel imwieled.—Ġen 6:10; 1Kr 1:28; qabbel Ġen 11:26, 32; 12:4.
it-2 245 ¶6
Gidba
Waqt li l-gideb b’intenzjoni ħażina żgur li hu kkundannat fil-Bibbja, ma jfissirx li persuna bilfors trid tagħti informazzjoni vera lil nies li m’għandhomx id-dritt għaliha. Ġesù Kristu ta dan il-parir: “Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, lanqas tixħtu l-perli tagħkom quddiem il-ħnieżer, li ma jgħaffġuhomx taħt saqajhom u jduru għalikom u jqattgħukom.” (Mt 7:6) Hu għalhekk li f’ċerti okkażjonijiet, Ġesù żamm lura milli jagħti l-informazzjoni kollha jew iwieġeb b’mod dirett ċerti mistoqsijiet. Kieku m’għamilx hekk setaʼ kkawża ħsara bla bżonn. (Mt 15:1-6; 21:23-27; Ġw 7:3-10) Milli jidher, għandu jitqies bl-istess mod il-fatt li Abraham, Iżakk, Raħab, u Eliżew qarrqu b’dawk li ma jaqdux lil Ġeħova jew ma tawhomx informazzjoni eżatta.—Ġen 12:10-19; kapitlu 20; 26:1-10; Ġoż 2:1-6; Ġk 2:25; 2Sl 6:11-23.
23-29 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 27-28
“Ġakobb Jikseb il-Barka Li bi Dritt Hi Tiegħu”
it-1 341 ¶6
Barka
F’soċjetà fejn l-irġiel kienu iktar importanti, il-missier ħafna drabi kien ibierek lit-tfal tiegħu subien ftit qabel ma jmut. Din kienet xi ħaġa importanti ħafna. Għalhekk, Iżakk bierek lil Ġakobb għax ħaseb li kien l-ewwel imwieled tiegħu, Għesaw. Iżakk qal li Ġakobb kien se jkun l-iktar importanti u kien se jkollu suċċess iktar minn ħuh Għesaw. Bla dubju kien qed iħalli f’idejn Ġeħova biex jagħmel il-barka ssir realtà għax hu kien nieqes mid-dawl u mdaħħal sew fiż-żmien. (Ġen 27:1-4, 23-29; 28:1, 6; Eb 11:20; 12:16, 17) Iktar tard, meta Iżakk sar jaf li kien Ġakobb li ġie mbierek, hu reġaʼ kkonferma l-barka u żied magħha. (Ġen 28:1-4) Qabel ma miet Ġakobb, hu l-ewwel bierek liż-żewġ ulied subien taʼ Ġużeppi, u mbagħad lil uliedu stess. (Ġen 48:9, 20; 49:1-28; Eb 11:21) B’mod simili qabel ma miet, Mosè bierek lill-poplu kollu t’Iżrael. (Dt 33:1) F’dawn il-każi kollha, dak li ġara wara ż-żmien juri li huma kienu qed jgħidu profeziji. Xi drabi, meta kienu jsiru barkiet bħal dawn, dak li jbierek kien ipoġġi idu fuq ras il-wieħed li kien jirċievi l-barka.—Ġen 48:13, 14.
30 taʼ Marzu–5 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 29-30
“Ġakobb Jiżżewweġ”
it-2 341 ¶3
Żwieġ
Ċelebrazzjoni. Waqt li fit-tieġ ma kienet issir l-ebda ċerimonja formali, xorta kienet issir ċelebrazzjoni taʼ ferħ kbir fit-tiġijiet f’Iżrael. Fil-ġurnata tat-tieġ, l-għarusa kienet tagħmel preparamenti elaborati f’darha stess. L-ewwel kienet tinħasel u wara kienet tindilek b’żejt ifuħ. (Qabbel Rt 3:3; Eże 23:40.) Ġieli megħjuna minn nisa oħra, kienet iddawwar drapp maʼ sidirha u tilbes ilbies abjad, ħafna drabi bir-rakkmu skont l-istat finanzjarju tagħha. (Ġer 2:32; Ri 19:7, 8; Sa 45:13, 14) Kienet tiżżejjen b’ornamenti u ġojjelli, jekk kienet taffordja tagħmel dan, u mbagħad kienet tgħatti lilha nfisha bi lbies ħafif, forma taʼ velu li kien jibda mir-ras u jinżel sal-pali tas-saqajn. (Is 3:19, 23; 49:18; 61:10; Ri 21:2) B’dan nistgħu nifhmu kif Laban setaʼ b’mod faċli jqarraq b’Ġakobb u jtih lil Lea minflok lil Rakele. (Ġen 29:23, 25) Rebekka għattiet rasha meta kienet ħa tiltaqaʼ maʼ Iżakk. (Ġen 24:65) L-għata tar-ras kien jissimbolizza s-sottomissjoni tal-għarusa lejn l-awtorità tal-għarus.—1Ko 11:5, 10.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 50
Adozzjoni
Rakele u Lea t-tnejn kienu jqisu t-tfal li twieldu lil Ġakobb mill-qaddejja tagħhom bħala wliedhom għax ‘twieldu fuq irkopptejhom.’ (Ġen 30:3-8, 12, 13, 24) Dawn it-tfal kellhom wirt flimkien mat-tfal li twieldu min-nisa legali taʼ Ġakobb. Huma kienu wlied naturali tal-missier u ladarba l-qaddejja kienu l-propjetà tan-nisa, Rakele u Lea kellhom id-dritt li jqisu lil dawn it-tfal bħala tagħhom.