Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
13-19 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 31
“Ġakobb u Laban Jagħmlu Patt taʼ Paċi”
it-1 883 ¶1
Galgħed
Billi rranġaw bil-paċi xi affarijiet li kellhom nuqqas taʼ qbil dwarhom, Ġakobb u Laban għamlu patt bejniethom. B’hekk, Ġakobb waqqaf kolonna u qal “lill-irġiel tiegħu” jagħmlu gozz ġebel, forsi f’forma taʼ mejda, u fuqu kielu l-ikla tal-patt. Imbagħad Laban semma l-post għal dan il-gozz, u tah l-isem Aramajk (Sirjan) “Ġegar-saħaduta,” imma Ġakobb sejjaħlu “Galgħed” bl-Ebrajk. Laban qal: “Illum dan il-gozz hu xiehda bejni u bejnek.” (Ġen 31:44-48) Il-gozz ġebel (u l-kolonna tal-ġebel) serva taʼ xhieda għal kull minn għadda minn hemm. Bħalma jgħid vers 49, kien “It-Torri taʼ l-Għassa,” li ta xhieda li Ġakobb u Laban kienu qablu li jżommu l-paċi bejn u fil-familji rispettivi tagħhom. (Ġen 31:50-53) Iktar tard, f’xi okkażjonijiet intuża l-ġebel b’mod simili bħala xhud silenzjuż.—Ġoż 4:4-7; 24:25-27.
it-2 1172
Torri tal-Għassa
Gozz ġebel tpoġġa minn Ġakobb u ssejjaħ “Galgħed” (jiġifieri “Gozz Xiehda”) u “It-Torri taʼ l-Għassa.” Laban imbagħad qal: “Ħa jibqaʼ għassa Ġeħova bejni u bejnek meta ma nkunux qed naraw lil xulxin.” (Ġen 31:45-49) Dan il-gozz ġebel kellu jagħti xhieda għall-fatt li Ġeħova kien qed iħares biex jara li Ġakobb u Laban żammew il-patt taʼ paċi bejniethom.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-2 1087-1088
Terafim
Is-sejbiet tal-arkeoloġi fil-Mesopotamja u fil-madwar jindikaw li għand min kienu jinstabu l-istatwi tat-terafim kien jeffettwa min jieħu l-wirt tal-familja. Skont kitba li nstabet f’Nuzi, taħt ċerti ċirkustanzi, jekk l-allat tal-familja jkunu għand ir-raġel tat-tifla, dan kellu d-dritt jitlaʼ l-qorti biex jieħu l-propjetà taʼ missier martu li jkun miet. (Ancient Near Eastern Texts, editjat minn J. Pritchard, 1974, pp. 219, 220, u ntt 51) B’dan f’moħħha, forsi Rakele rraġunat li għamlet sew li ħadet it-terafim minħabba li missierha qarraq bir-raġel tagħha Ġakobb. (Qabbel Ġen 31:14-16.) L-importanza tat-terafim rigward drittijiet taʼ wirt tagħtina x’nifhmu wkoll għala Laban kien tant ansjuż biex jerġaʼ jakkwistahom, sal-punt li ħa lill-irġiel tiegħu miegħu biex jilħqu lil Ġakobb, li kien ilu sebat ijiem li telaqhom. (Ġen 31:19-30) M’għandniex xi ngħidu, Ġakobb ma kienx jaf b’dak li għamlet Rakele, u m’hemm ebda indikazzjoni li hu xi darba pprova juża t-terafim biex jikseb il-wirt mingħand l-ulied subien taʼ Laban. (Ġen 31:32) Ġakobb ma kellu xejn x’jaqsam mal-idoli. Jistaʼ jkun li t-terafim ma baqgħux għandu meta Ġakobb ħeba l-allat barranin kollha li tawh familtu taħt is-siġra kbira viċin Sikem.—Ġen 35:1-4.
20-26 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 32-33
“Qiegħed Int Taħdem Iebes Biex Tikseb il-Barka t’Alla?”
it-2 190
Zopp
Ġakobb Izappap. Meta Ġakobb kellu madwar 97 sena, hu ssara l-lejl kollu m’anġlu t’Alla f’sura taʼ bniedem. Hu baqaʼ jissara mal-anġlu sakemm l-anġlu tah barka. Waqt li kienu qed jissaraw, l-anġlu mess il-ġog tal-koxxa taʼ Ġakobb u ħariġhulu minn postu. Minħabba f’hekk, Ġakobb beda jzappap. (Ġen 32:24-32; Ħo 12:2-4) Din serviet bħala tfakkira għal Ġakobb li għalkemm bħalma qal l-anġlu kien ‘issara m’Alla [m’anġlu t’Alla] u mal-bnedmin sakemm sa fl-aħħar ħareġ rebbieħ,’ hu ma kienx fil-verità rebaħ lill-anġlu b’saħħtu t’Alla. Ġakobb tħalla jissara mal-anġlu għax hekk kien l-iskop t’Alla. Dan sar biex Ġakobb setaʼ juri li kien jaf li kellu bżonn il-barka t’Alla.
it-1 1228
Iżrael
1. L-isem li Alla ta lil Ġakobb meta kellu madwar 97 sena. Ġakobb beda jissara maʼ dak li iktar tard sar jaf li kien anġlu matul il-lejl li kien qasam il-wied tal-Ġabbok. Hu kien fi triqtu biex jiltaqaʼ maʼ ħuh Għesaw. Minħabba l-persistenza taʼ Ġakobb, ismu tbiddel għal Iżrael bħala sinjal tal-barka t’Alla. B’tifkira taʼ dawn il-ġrajjiet, Ġakobb semma l-post Penijel u Penwel. (Ġen 32:22-31) Iktar tard, f’Betel, Alla kkonferma l-bidla taʼ ismu. Minn dakinhar sa meta miet, lil Ġakobb spiss kienu jsejħulu Iżrael. (Ġen 35:10, 15; 50:2; 1Kr 1:34) L-isem Iżrael jintuża iktar minn 2,500 darba fil-Bibbja. Madankollu, ħafna drabi dan jintuża biex jirreferi għad-dixxendenti taʼ Ġakobb bħala ġens.—Eżo 5:1, 2.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 980
Alla l-Alla taʼ Iżrael
Minħabba li ltaqaʼ mal-anġlu taʼ Ġeħova f’Penijel, Ġakobb ingħata l-isem Iżrael. Wara li ltaqaʼ maʼ ħuh Għesaw bil-paċi, hu għex f’Sukkot u mbagħad f’Sikem. Hemm, hu akkwista biċċa art mingħand ulied Ħamor u għamel it-tinda tiegħu fiha. (Ġen 32:24-30; 33:1-4, 17-19) “Hemmhekk bena artal u semmieh Alla l-Alla taʼ Israel.” (Ġen 33:20) Billi semma l-artal bl-isem ġdid tiegħu Iżrael, Ġakobb wera li aċċetta u apprezza dak l-isem u li Alla pproteġieh waqt li ggwidah lura fl-Art Imwiegħda. Din il-frażi tidher darba biss fil-Bibbja.
27 t’April–3 taʼ Mejju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 34-35
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 600 ¶4
Debora
1. Il-mara li kienet treddaʼ lil Rebekka. Meta Rebekka telqet mid-dar taʼ missierha Betwel biex tmur il-Palestina u tiżżewweġ lil Iżakk, Debora marret magħha. (Ġen 24:59) Wara snin taqdi fid-dar taʼ Iżakk, Debora spiċċat fid-dar taʼ Ġakobb. Dan jistaʼ jkun li ġara wara li mietet Rebekka. Milli jidher, Debora mietet madwar 125 sena wara li Rebekka żżewġet lil Iżakk, u ġiet midfuna taħt siġra kbira f’Betel. L-isem li ngħata lis-siġra (Allon-bakut, li jfisser “Siġra Kbira Ħafna tal-Biki”) juri kemm Ġakobb u l-familja tiegħu kienu jħobbuha.—Ġen 35:8.