Għandek Int Ruħ Immortali?
Aħna sempliċement bnedmin tad-demm u l-laħam? Jew nikkonsistu f’xi ħaġa oħra minbarra l-elementi li aħna maħluqin bihom? Hija l-ħajja tagħna temporanja? Jew hemm xi parti inviżibbli minna li tibqaʼ tgħix wara l-mewt?
GĦALKEMM ir-reliġjonijiet tad-dinja żviluppaw ħafna twemmin differenti dwar il-ħajja wara l-mewt, ħafna minnhom jaqblu fuq idea bażika waħda: Xi ħaġa ġewwa persuna hija immortali u tibqaʼ tgħix wara l-mewt. Ħafna nies jemmnu li din il-“ħaġa” hija r-ruħ. Int x’temmen? Għandna aħna ġisem fiżiku u wkoll ruħ? X’inhi r-ruħ? Għandhom il-bnedmin ruħ immortali? Kemm hu vitali li nkunu nafu l-verità dwar x’aħna!
“Il-Bniedem Sar Ruħ Ħajja”
Hija r-“ruħ” parti mill-bniedem li tinfired mill-ġisem fil-mewt u tibqaʼ tgħix? Skond il-Holman Illustrated Bible Dictionary, “spiss ir-ruħ tiġi meqjusa bħala l-persuna kollha kemm hi.” Per eżempju, Ġenesi 2:7 (Karm Żammit) jgħid: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem bit-trab taʼ l-art, u nefaħ f’imnifsejh nifs il-ħajja; u l-bniedem sar ruħ ħajja.” L-ewwel bniedem, Adam, kien ruħ.
Il-fehma li l-kelma “ruħ” tistaʼ tfisser il-persuna kollha kemm hi hija appoġġata minn skritturi oħrajn. Per eżempju, il-Bibbja titkellem dwar ir-ruħ li tkun qed taħdem. (Levitiku 23:30, NW) Ir-ruħ tiġi deskritta bħala li qed turi nuqqas taʼ paċenzja, qed tiġi turmentata, qed tinfena, qed tibżaʼ, u hi dipressa. (Mħallfin 16:16, NW; Ġob 19:2, KŻ; Salm 119:28, KŻ; Atti 2:43; 1 Tessalonikin 5:14) Billi jirreferi għar-ruħ bħala persuna, Rumani 13:1 jgħid: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri.” U fl-1 Pietru 3:20, naqraw: “Fi żmien Noè, . . . ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarrew mill-ilma u ġew salvati.” Xejn f’dawn l-iskritturi ma jindika li r-ruħ hija xi entità f’għamla taʼ spirtu li tibqaʼ tgħix wara l-mewt.
Xi ngħidu dwar l-annimali u l-pjanti? Huma dawn erwieħ? Ikkunsidra kif il-Bibbja tiddeskrivi l-ħolqien taʼ l-annimali. “Ħa jkunu miżgħuda l-ilmijiet b’kotra t’erwieħ ħajjin,” ikkmanda Alla. Fil-jum taʼ ħolqien taʼ wara, Alla qal: “Ħa tnissel l-art erwieħ ħajjin skond ġenshom, l-annimali domestiċi u l-annimali li jitkaxkru u l-bhejjem salvaġġi taʼ l-art skond ġenshom.” (Ġenesi 1:20, 24, NW) Għalhekk, il-ħlejjaq ħajjin kollha—umani jew annimali—huma erwieħ. Fil-Bibbja, il-pjanti m’humiex imsejħin erwieħ.
Il-kelma “ruħ” tintuża wkoll b’mod ieħor. F’Ġob 33:22 naqraw: “Toqrob ruħu lejn il-qabar, u ħajtu lejn dar il-mejtin.” Hawnhekk, it-termini “ruħu” u “ħajtu” jintużaw bħala sinonimi, waħda tenfasizza t-tifsira taʼ l-oħra. Allura, “ruħ” tistaʼ tirreferi wkoll għall-ħajja li wieħed igawdi bħala ruħ ħajja, jew persuna. Għalhekk, l-Iskrittura tirreferi għall-għedewwa taʼ Mosè li kienu qed ifittxu biex joqtluh bħala ‘l-irġiel kollha li kienu qed ifittxu lil ruħu.’ (Eżodu 4:19, NW) U rigward Ġesù Kristu, il-Bibbja tgħid: ‘Bin il-bniedem ġie biex jagħti ruħu [ħajtu] b’fidwa għal ħafna.’—Mattew 20:28.
It-tifsira Biblika għal “ruħ” hija sempliċi u konsistenti. Il-kelma tistaʼ tirreferi għal bniedem jew annimal jew għall-ħajja li ħlejqa tgawdi bħala ruħ ħajja. Bħalma se naraw, din il-fehma hija fi qbil maʼ dak li l-Bibbja tgħid li jiġri lir-ruħ fil-mewt.
“Ir-Ruħ li Tidneb, Tmut”
Il-Bibbja tgħid: “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, KŻ) Il-profeta mnikket Elija “beda jitlob li ruħu tmut.” (1 Slaten 19:4, NW) Bl-istess mod, Ġona “baqaʼ jitlob li ruħu tmut.” (Ġona 4:8) Iva, ir-ruħ tmut meta l-persuna tmut; m’hijiex immortali. Ladarba persuna hija ruħ, meta tgħid li xi ħadd miet tkun qisek qed tgħid li ruħu mietet.
Imma xi ngħidu dwar versi Bibliċi li jitkellmu dwar il-fatt li r-ruħ toħroġ u terġaʼ lura? Rigward dak li ġralha Rakel meta wildet lil binha, il-Bibbja tgħid: “Hi u ħierġa ruħha—għax kienet qiegħda tmut—sejjħet ismu Benoni, iżda missieru semmieh Benjamin.” (Ġenesi 35:18) U rigward l-irxoxt taʼ bin armla, l-1 Slaten 17:22 jgħid: “Il-Mulej samaʼ leħen Elija [fit-talb], u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja.” Jindikaw dawn il-versi li r-ruħ hija xi parti inviżibbli li tistaʼ taħrab mill-ġisem jew tidħol fih?
Ftakar li tifsira waħda għall-kelma “ruħ” hija “ħajja.” Għalhekk, ruħ Rakel kienet ħierġa minnha fis-sens li ħajjitha kienet qed tintemm. Fil-fatt, xi Bibbji jittraduċu din il-frażi “ħierġa ruħha” bħala “ħajjitha kienet qed tgħib” (Knox) u “hi ħadet l-aħħar nifs tagħha” (Jerusalem Bible). B’mod simili, fil-każ taʼ bin l-armla, it-tifel reġaʼ ħa l-ħajja.—1 Slaten 17:23.
In-Natura tal-Bniedem
B’mod ċar, il-Bibbja turi x’inhu l-bniedem. Hu m’għandux ruħ; hu ruħ. Minħabba dak li hu l-bniedem—in-natura tiegħu—kwalunkwe tama għal ħajja futura għall-mejtin tiddependi minn irxoxt, jew qawmien. Il-Bibbja twiegħed: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu [taʼ Ġesù] u joħorġu, dawk li għamlu t-tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġwanni 5:28, 29) Din il-wegħda ċerta taʼ rxoxt—mhux it-tagħlim taʼ l-immortalità tar-ruħ—hija l-bażi għal tama vera għall-mejtin.
Kemm hu vitali li niksbu għarfien eżatt taʼ x’inhu l-irxoxt u xi jfisser għall-umanità! Għarfien dwar Alla u Kristu wkoll huwa essenzjali, għax f’talba Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-komunità tiegħek se jkunu ferħanin biex jgħinuk tistudja l-Bibbja sabiex tkun tistaʼ tkabbar l-għarfien tiegħek dwar Alla, Ibnu, u l-wegħdi Tiegħu. Aħna nistidnuk tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova jew tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.
[Stampi f’paġna 4]
Huma kollha erwieħ
[Sors]
Mogħża: CNPC—Centro Nacional de Pesquisa de Caprinos (Sobral, CE, Brasil)