X’Jiġrilha r-Ruħ mal-Mewt?
“Id-duttrina li r-ruħ umana hija immortali u tkompli teżisti wara li l-bniedem imut u ġismu jitmermer, hija waħda mill-pedamenti tal-filosofija u t-teoloġija Kristjani.”—“NEW CATHOLIC ENCYCLOPEDIA.”
1. In-New Catholic Encyclopedia x’tammetti rigward li r-ruħ tibqaʼ ħajja wara l-mewt?
IX-XOGĦOL taʼ referenza kkwotat hawn fuq, madankollu, jammetti li “l-idea li r-ruħ tibqaʼ ħajja wara l-mewt m’hijiex xi ħaġa li wieħed jinduna biha malajr fil-Bibbja.” Allura, il-Bibbja x’tgħallem verament dwar x’jiġrilha r-ruħ mal-mewt?
Il-Mejtin M’huma Konxji taʼ Xejn
2, 3. X’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin, u liema skritturi jirrivelaw dan?
2 Il-kundizzjoni tal-mejtin tintgħamel ċara f’Koħèlet 9:5, 10, fejn naqraw: “[I]l-mejtin ma jafu xejn . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet fejn inti sejjer.” Il-mewt, għalhekk, hija stat taʼ ineżistenza. Is-salmista kiteb li meta bniedem imut, “lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.”—Salm 146:4.
3 Mela l-mejtin m’huma konxji taʼ xejn, huma inattivi. Meta ppronunzja s-sentenza fuq Adam, Alla stqarr: “Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Qabel ma Alla fformah mit-trab taʼ l-art u tah il-ħajja, Adam ma kienx jeżisti. Meta miet, Adam irritorna lejn dak l-istat. Il-kastig tiegħu kien il-mewt—mhux trasferiment għal ġo xi qasam ieħor.
Ir-Ruħ Tistaʼ Tmut
4, 5. Agħti eżempji mill-Bibbja li juru li r-ruħ tistaʼ tmut.
4 Meta miet Adam, xi ġralha ruħu? Sewwa, ftakar li fil-Bibbja l-kelma “ruħ” taʼ spiss sempliċement tirreferi għal persuna. Għalhekk, meta ngħidu li Adam miet, qegħdin ngħidu li r-ruħ bl-isem taʼ Adam mietet. Dan għandu mnejn jinstemaʼ stramb għal xi ħadd li jemmen fl-immortalità tar-ruħ. Madankollu, il-Bibbja tistqarr: “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, KŻ) Levitiku 21:1 jitkellem dwar “mejjet” (“ruħ mejta,” NW). U lin-Nażrin intqalilhom biex ma jersqu qrib taʼ “ebda mejjet” (“ebda ruħ mejta,” NW).—Numri 6:6.
5 Referenza simili għar-ruħ tinsab fl-1 Slaten 19:4, NW. Elija li kien imnikket għall-aħħar “beda jitlob biex ruħu tkun tistaʼ tmut.” Bl-istess mod, Ġona “baqaʼ jitlob li ruħu tmut, u qal kemm-il darba: ‘Li mmut għalkollox huwa aħjar milli nkun ħaj.’” (Ġona 4:8, NW) U Ġesù uża l-frażi “li toqtol ruħ,” li The Bible in Basic English tittraduċi “tagħti l-mewt.” (Mark 3:4, NW) Mela l-mewt tar-ruħ sempliċement tfisser il-mewt tal-persuna.
‘Toħroġ’ u ‘Terġaʼ lura’
6. Xi trid tfisser il-Bibbja meta tgħid li ruħ Rakel kienet “ħierġa”?
6 Imma xi ngħidu għall-mewt traġika taʼ Rakel, li seħħet waqt li welldet lit-tieni iben? F’Ġenesi 35:18, naqraw: “Hi u ħierġa ruħha—għax kienet qiegħda tmut—sejjħet ismu Benoni, iżda missieru semmieh Benjamin.” Timplika din is-silta li Rakel kellha xi esseri ġewwieni li telaq meta hi mietet? Xejn affattu. Ftakar, il-kelma “ruħ” tistaʼ wkoll tirreferi għall-ħajja li persuna tippossiedi. Mela f’dan il-każ “ruħ” Rakel kienet sempliċement tfisser ‘ħajjitha.’ Huwa għalhekk li Bibbji oħrajn jittraduċu l-frażi “ħierġa ruħha” bħala “ħajjitha kienet qiegħda tmajna” (Knox), “ħadet l-aħħar nifs tagħha” (Jerusalem Bible), u “ħajjitha ħallietha” (Bible in Basic English). M’hemm ebda indikazzjoni li xi parti misterjuża taʼ Rakel baqgħet ħajja wara mewtha.
7. Ruħ l-iben irxoxtat taʼ l-armla b’liema mod “reġgħet lura fih”?
7 Huwa simili dwar l-irxoxt taʼ bin waħda armla, iddokumentat fl-1 Slaten kapitlu 17. F’vers 22, naqraw li waqt li Elija kien qed jitlob fuq it-tfajjel, “[i]l-Mulej samaʼ leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja.” Għal darb’oħra, il-kelma “ruħ” tfisser “ħajja.” B’hekk, in-New American Standard Bible tinqara: “Il-ħajja tat-tifel reġgħet ġiet għandu u stejqer.” Iva, kienet il-ħajja, mhux xi ħaġa bħal ombra, li reġgħet ġiet għand it-tifel. Dan huwa f’armonija maʼ dak li Elija qal lil omm it-tifel: “Ara, ibnek [il-persuna kollha kemm hi] ħaj.”—1 Slaten 17:23.
Id-Dilemma taʼ l-“Istat Intermedju”
8. Ħafna li jgħidu li huma Kristjani x’jemmnu li se jiġri matul l-irxoxt?
8 Ħafna li jgħidu li huma Kristjani jemmnu li se jkun hemm irxoxt fil-futur meta l-iġsma se jingħaqdu maʼ erwieħ immortali. Imbagħad, l-irxoxtati jingħataw dak li hemm miktub għalihom—jew premju għal dawk li għexu ħajja tajba jew kastig għal dawk mill-agħar.
9. X’ifisser it-terminu “stat intermedju,” u xi wħud x’jgħidu li jiġrilha r-ruħ matul dan il-perijodu?
9 Dan il-konċett jinstemaʼ sempliċi. Imma dawk li jemmnu fl-immortalità tar-ruħ għandhom problema biex jispjegaw x’jiġri lir-ruħ bejn iż-żmien tal-mewt u ż-żmien taʼ l-irxoxt. Tabilħaqq, dan l-“istat intermedju,” bħalma taʼ spiss jissejjaħ, ilu jqajjem spekulazzjoni għal sekli sħaħ. Xi wħud jgħidu li matul dan il-perijodu r-ruħ tmur il-purgatorju, fejn tistaʼ tiġi ppurifikata mid-dnubiet venjali sabiex issir denja għas-sema.a
10. Għala m’huwiex skritturali li temmen li l-erwieħ joqogħdu jistennew fil-purgatorju wara l-mewt, u l-esperjenza taʼ Lazzru kif tikkonfermah dan?
10 Madankollu, bħalma rajna, ir-ruħ hija sempliċement il-persuna. Meta l-persuna tmut, ir-ruħ tmut. Għalhekk, m’hemm ebda eżistenza konxja wara l-mewt. Tabilħaqq, meta miet Lazzru, Ġesù Kristu ma qalx li kien fil-purgatorju, fil-Limbu, jew f’xi “stat intermedju” ieħor. Minflok, Ġesù sempliċement qal: “Lazzru rieqed.” (Ġwann 11:11) Jidher ċar li Ġesù, li kien jaf il-verità dwar x’jiġrilha r-ruħ mal-mewt, kien jemmen li Lazzru ma kien konxju taʼ xejn, kien ineżistenti.
X’Inhu l-Ispirtu?
11. Il-kelma “spirtu” għala ma tistax tirreferi għal xi parti bla ġisem minn persuna li tibqaʼ ħajja wara l-mewt?
11 Il-Bibbja tgħid li meta bniedem imut, “l-ispirtu tiegħu joħroġ, hu jerġaʼ lura lejn l-art tiegħu.” (Salm 146:4, NW) Ifisser dan li spirtu bla ġisem litteralment jitlaq u jibqaʼ jgħix wara l-mewt tal-persuna? Dak ma jistax ikun, għax is-salmista jissokta jgħid: “F’dak il-jum ħsibijietu tassew jgħibu [“ħsibijietu jintemmu,” KŻ]”. X’inhu, mela, l-ispirtu, u dan kif “joħroġ” minn ġo persuna mal-mewt?
12. X’inhu implikat mill-kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg tradotti “spirtu” fil-Bibbja?
12 Fil-Bibbja l-kelmiet tradotti “spirtu” (Ebrajk, ruʹach; Grieg, pneuʹma) bażikament ifissru “nifs.” B’hekk, minflok “l-ispirtu tiegħu joħroġ,” it-traduzzjoni taʼ R. A. Knox tuża l-frażi “n-nifs jitlaq minn ġismu.” (Salm 145:4, Knox) Imma l-kelma “spirtu” timplika ferm iżjed milli wieħed jieħu n-nifs. Per eżempju, meta jiddeskrivi l-qerda tal-ħajja tal-bnedmin u taʼ l-annimali fi żmien l-Għarqa globali, Ġenesi 7:22 (NW) jgħid: “Kull ħaġa li ġo fiha n-nifs tal-forza [jew spirtu; Ebrajk, ruʹach] tal-ħajja kien attiv f’imnifsejha, jiġifieri, dawk kollha li kienu fuq l-art niexfa, mietet.” Mela, “spirtu” jistaʼ jirreferi għall-forza tal-ħajja li hija attiva fil-ħlejjaq ħajjin kollha, kemm bnedmin u kemm annimali, u li hija sostnuta bin-nifs.
13. B’liema mod jistaʼ l-ispirtu jixxebbah mal-kurrent elettriku?
13 Biex nagħtu eżempju: Il-kurrent elettriku jagħti l-enerġija lil biċċa makkinarju. Jekk jieqaf il-kurrent, il-makkinarju ma jibqax jiffunzjona. Il-kurrent ma jibdiex jaħdem bħala makkinarju sseparat. B’mod simili, meta bniedem imut, l-ispirtu tiegħu ma jibqax jagħti l-ħajja liċ-ċelloli taʼ ġismu. Ma joħroġx mill-ġisem u jmur f’xi qasam ieħor.—Salm 104:29.
14, 15. L-ispirtu kif jirritorna lejn Alla mal-mewt?
14 Mela, Koħèlet 12:7 għala jgħid li meta bniedem imut, “[i]n-nifs tal-ħajja [“l-ispirtu,” NW] jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie”? Ifisser dan li l-ispirtu jivvjaġġa litteralment minn ġo l-ispazju għal quddiem il-preżenza t’Alla? Xejn minn dan m’hu implikat. Ftakar, l-ispirtu huwa l-forza tal-ħajja. Ladarba dik il-forza tal-ħajja tispiċċa, Alla biss għandu l-abbiltà li jirrestawraha. Għalhekk, l-ispirtu “jitlaq lejn Alla” fis-sens li kwalunkwe tama taʼ ħajja futura għal dik il-persuna issa tiddependi totalment minn Alla.
15 Alla biss jistaʼ jirrestawra l-ispirtu, jew forza tal-ħajja, billi jġiegħel lil persuna terġaʼ tieħu l-ħajja. (Salm 104:30) Imma hija l-intenzjoni t’Alla li jagħmel dan?
[Nota taʼ taħt]
a Skond in-New Catholic Encyclopedia, “il-Missirijiet [tal-Knisja] in ġenerali jagħmluha ċara li jaqblu maʼ l-eżistenza tal-purgatorju.” Iżda, dan il-ktieb taʼ referenza jammetti wkoll li “d-duttrina Kattolika dwar il-purgatorju hija bbażata fuq it-tradizzjoni, u mhux fuq l-Iskrittura Mqaddsa.”