Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
4-10 taʼ Mejju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 36-37
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 678
Edom
[Aħmar], Edomin.
Edom kien it-tieni isem taʼ Għesaw, il-ħu tewmi taʼ Ġakobb. (Ġen 36:1) Ingħata dan l-isem għax hu biegħ id-dritt tiegħu tal-ewwel imwieled għal soppa ħamra. (Ġen 25:30-34) Kumbinazzjoni, meta twieled Għesaw, hu kellu kulur ħamrani, u fil-partijiet tal-art fejn hu u d-dixxendenti tiegħu iktar tard kienu jgħixu, ukoll kien hemm kulur simili.—Ġen 25:25.
it-1 561-562
Li Wieħed Jieħu Ħsieb
Meta ragħaj kien jgħid li kien se jżomm jew jgħasses merħla, hu kien juri li b’mod legali kien il-wieħed li se jieħu ħsieb dawn l-annimali. Hu kien jagħti garanzija lis-sid li kien se jagħlifhom u li ma kinux se jiġu misruqin, għax inkella kien ikollu jħallas għalihom. Madankollu, hu ma kienx responsabbli għalkollox, għax jekk kienet tiġri xi ħaġa li ma kellux kontroll fuqha, bħal xi attakk minn annimal salvaġġ, hu kien ikun meħlus mil-liġi. Imma biex ma jibqax responsabbli bħala l-wieħed li jieħu ħsieb, kellu juri evidenza lis-sid, bħal pereżempju, il-ġisem mejjet tal-annimal. Meta s-sid kien jeżamina evidenza bħal din, kellu jgħid li dak li kien jieħu ħsieb kien innoċenti.
B’mod ġenerali, l-istess prinċipju japplika għal propjetà li jieħu ħsiebha xi ħadd ieħor, anke fil-familji. Pereżempju, il-kbir mill-aħwa kien ikkunsidrat bħala l-wieħed responsabbli b’mod legali għal ħutu iżgħar minnu. Għalhekk, nistgħu nifhmu għala Ruben, bħala l-ħu l-kbir, kien inkwetat meta ħutu bdew jitkellmu dwar li joqtlu lil Ġużeppi, bħalma naqraw f’Ġenesi 37:18-30. Ruben qalilhom: “‘Ħa ma naħbtux għalih u nneħħulu ħajtu.’ . . . ‘Ixxerrdux demm. . . . tmiddux idejkom fuqu.’ L-iskop tiegħu kien li jeħilsu minn idejhom sabiex iroddu lura lil missieru.” Meta Ruben sar jaf li Ġużeppi ma kienx għadu hemm, hu tant kien inkwetat li “ċarrat ħwejġu,” u qal: “It-tifel m’għadux hemm! U issa jien—fejn se naqbad immur?” Hu kien jaf li għax ħutu biegħu lil Ġużeppi, hu setaʼ kien il-wieħed li jinżamm responsabbli għat-telfa taʼ Ġużeppi. U biex ineħħu r-responsabbiltà, ħutu bil-makakkerija vvintaw l-evidenza biex juru li Ġużeppi kien ġie maqtul minn annimal salvaġġ. Huma għamlu dan billi xarrbu l-libsa taʼ Ġużeppi fid-demm taʼ bodbod. Imbagħad huma taw din l-evidenza lil Ġakobb, missierhom u l-imħallef tal-familja tagħhom. Dan ħeles lil Ruben minn kwalunkwe responsabbiltà għax Ġakobb kien ra l-libsa taʼ Ġużeppi mċappsa bid-demm li l-aħwa kienu ppreżentawlu bħala evidenza. Ġakobb għalhekk ikkonkluda li Ġużeppi kien ġie maqtul.—Ġen 37:31-33.
18-24 taʼ Mejju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 40-41
“Ġeħova Jeħles lil Ġużeppi”
“Mhux f’Idejn Alla l-Interpretazzjonijiet?”
Il-kuppier jistaʼ jkun li nesa lil Ġużeppi, imma Ġeħova qatt ma nesieh. Lejl minnhom Hu bagħat lill-Fargħun żewġ ħolmiet li qatt ma setaʼ jinsiehom. Fl-ewwel ħolma, is-sultan ra sebaʼ baqriet sbieħ u ħoxnin ħerġin mix-Xmara Nil, u warajhom ħarġu sebaʼ baqriet koroh u magħlubin. Il-magħlubin bdew jieklu lil dawk ħoxnin. Imbagħad, il-Fargħun reġaʼ ħolom u ra zokk b’sebaʼ sbuliet tajbin ħerġin minnu. Imma wara bdew ħerġin sebaʼ sbuliet oħra li kienu magħlubin u maħruqin bir-riħ, u dawn bdew jibilgħu lil dawk tajbin. Filgħodu, il-Fargħun qam u kien inkwetat ħafna dwar il-ħolm, allura sejjaħ lill-għorrief u lill-qassisin kollha li jipprattikaw il-maġija biex jipprovaw jinterpretawh, imma ħadd minnhom ma rnexxielu. (Ġenesi 41:1-8) Ma nafux jekk dan kienx minħabba li huma baqgħu mistagħġbin jew forsi għax kollha ħarġu b’ideat li kienu totalment differenti. Imma li nafu hu li l-Fargħun baqaʼ mingħajr tweġiba, allura kien iddisprat iktar minn qatt qabel biex isib it-tweġiba taʼ x’kien ifisser il-ħolm.
Fl-aħħar, il-kuppier ftakar f’Ġużeppi! Il-kuxjenza tiegħu niggżitu u qal lill-Fargħun dwar iż-żagħżugħ tal-għaġeb li kien fil-ħabs u li sentejn qabel kien interpreta l-ħolma tiegħu u tal-furnar b’mod eżatt. Il-Fargħun mill-ewwel bagħat għal Ġużeppi mill-ħabs.—Ġenesi 41:9-13.
“Mhux f’Idejn Alla l-Interpretazzjonijiet?”
Il-Fargħun żamm kelmtu. Fi ftit żmien, Ġużeppi ngħata lbies tal-għażel fin. Il-Fargħun tah ġiżirana tad-deheb, ċurkett tas-siġill, rikkbu fuq karru rjali, u tah l-awtorità kollha biex jivvjaġġa fil-pajjiż. Ukoll, hu rranġa l-affarijiet skont il-pjan taʼ Ġużeppi. (Ġenesi 41:42-44) Għalhekk f’temp taʼ ġurnata, mill-ħabs Ġużeppi spiċċa ġol-palazz. Filli kien ħabsi mhux importanti u filli spiċċa t-tieni mexxej wara l-Fargħun. Kemm hu ċar li Ġużeppi kellu fidi f’Alla Ġeħova! Ġeħova ra l-inġustizzji kollha li għadda minnhom il-qaddej tiegħu matul is-snin. Hu rranġa l-affarijiet f’waqthom u bil-mod eżatt. Ġeħova mhux biss kellu f’moħħu li jirranġa l-affarijiet ħżiena li ġraw lil Ġużeppi, imma wkoll li jipproteġi lill-poplu futur taʼ Iżrael.
25-31 taʼ Mejju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 42-43
“Ġużeppi Kkontrolla Lilu Nnifsu”
it-2 108 ¶4
Ġużeppi
Minħabba l-mod kif żviluppaw l-affarijiet, ħut Ġużeppi mill-missier bdew iħossu li Alla kien qed jikkastigahom talli kienu bigħuh bħala skjav snin qabel. Xħin kienu quddiem ħuhom, li kienu għadhom m’għarfuhx, bdew jgħidu bejniethom li kienu ħatjin. Meta beda jismagħhom jitkellmu u nduna li kien iddispjaċiehom, Ġużeppi tant ħassu emozzjonat li kellu jitlaq minn quddiemhom biex jibki. Meta mar lura ħdejhom, hu rabat lil Simegħon sa meta kienu se jġibu lura lil ħuhom iż-żgħir.—Ġen 42:21-24.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-2 795
Ruben
Ftit mill-kwalitajiet tajbin taʼ Ruben setgħu jidhru meta kkonvinċa lid-disaʼ ħutu biex jitfgħu lil Ġużeppi f’bir vojt minflok ma joqtluh. Ruben kellu l-ħsieb li jerġaʼ jmur bil-moħbi biex itellaʼ lil Ġużeppi mill-bir. (Ġen 37:18-30) Iktar minn 20 sena wara, meta ħut Ġużeppi ġew akkużati li kienu spiji fl-Eġittu, huma rraġunaw li dan kien għax kienu ttrattaw ħażin lil Ġużeppi. Imbagħad, Ruben fakkarhom li hu ma kienx qabel magħhom biex joqtlu lil Ġużeppi. (Ġen 42:9-14, 21, 22) Ukoll, meta Ġakobb ma riedx iħalli lil Benjamin imur maʼ ħutu t-tieni darba li marru l-Eġittu, kien Ruben li offra liż-żewġ uliedu subien bħala garanzija, meta qallu: ‘Oqtolhom jekk ma nġiblekx lura [lil Benjamin].’—Ġen 42:37.