Il-Bibbja Tikkontradixxi Lilha Nfisha?
AWTUR Henry Van Dyke darba kiteb: “Imwielda fil-Lvant u mlibbsa forma u xbiha Orjentali, il-Bibbja timxi fil-mogħdijiet tad-dinja kollha b’saqajn familjari u tidħol f’art wara l-oħra biex issib lil dawk li huma tagħha kullimkien. Tgħallmet titkellem b’mijiet taʼ lingwi taʼ qalb il-bniedem. It-tfal jisimgħu l-istejjer tagħha b’għaġeb u b’għaxqa, u rġiel għorrief jaħsbu dwarhom bħala parabboli tal-ħajja. Il-ħżiena u l-imkabbrin jitriegħdu għat-twissijiet tagħha, imma għal uħud milqutin u nidmin għandha leħen taʼ omm. . . . L-ebda bniedem m’hu fqir jew waħdu jekk għandu dan it-teżor għalih innifsu.”
Il-Bibbja tabilħaqq “tgħallmet titkellem b’mijiet taʼ lingwi.” Minn tal-inqas wieħed mis-66 ktieb tagħha ġie tradott f’xi 1,970 ilsien. Miljuni jqisu lill-Bibbja bħala rigal mingħand Alla u jaqrawha bil-ferħ u jibbenefikaw. Madankollu, oħrajn igħidu li fiha kontradizzjonijiet u għalhekk mhix taʼ min joqgħod fuqha. Riċerka bir-reqqa x’tikxef?
Kif indikat mill-qoxra taʼ barra, Alla uża rġiel leali biex jiktbu l-Bibbja. Tabilħaqq, analiżi bir-reqqa tal-Bibbja tirrivela li kienet miktuba minn xi 40 raġel matul perijodu taʼ 16-il seklu. Kienu dawn kittieba professjonali? Le. Fosthom wieħed jistaʼ jsib ragħaj, sajjied, kollettur tat-taxxi, tabib, wieħed li jaħdem it-tined, qassis, profeta, u sultan. Il-kitbiet tagħhom taʼ spiss isemmu nies u drawwiet mhux familjari għalina fis-seklu 20. Fil-fatt, il-kittieba tal-Bibbja nfushom mhux dejjem fehmu t-tifsir taʼ dak li kitbu. (Danjel 12:8-10) Mela m’għandniex nistagħġbu jekk niltaqgħu maʼ ċerti diffikultajiet meta naqraw il-Bibbja.
Jistgħu diffikultajiet bħal dawn jiġu solvuti? Il-Bibbja tikkontradixxi lilha nfisha? Biex niskopru dan, ejjew nikkunsidraw xi eżempji.
Huma Dawn Diffikultajiet Reali?
▪ Kajjin minn fejn ġabha lil martu? (Ġenesi 4:17)
Wieħed jistaʼ jaħseb li wara l-qtil taʼ Abel, ħuh Kajjin il-ħati u l-ġenituri tagħhom, Adam u Eva, biss kien għad baqaʼ fuq l-art. Madankollu, Adam u Eva kellhom familja kbira. Skond Ġenesi 5:3, 4, Adam kellu iben jismu Set. Ir-rakkont iżid: “Il-jiem taʼ Adam wara li wiled lil Set ġew li jkunu tmien mitt sena. Sadanittant hu sar missier għal ulied subien u bniet.” Mela Kajjin iżżewweġ lil oħtu jew forsi lil waħda min-neputijiet tiegħu. Ladarba l-umanità kienet tant qrib il-perfezzjoni umana f’dak iż-żmien, żwieġ bħal dan evidentement ma kien taʼ ebda riskju taʼ saħħa li setaʼ jipperikola n-nisel taʼ għaqda bħal-lum.
▪ Min biegħ lil Ġużeppi għal ġo l-Eġittu?
Ġenesi 37:27 igħid li ħut Ġużeppi ddeċidew li jbigħuh lil xi Ixmaeliti. Imma l-vers taʼ wara jistqarr: “Issa rġiel, merkanti Midjaniti, għaddew minn hemm. Għalhekk huma [ħut Ġużeppi] tellgħu u għollew ’il fuq lil Ġużeppi ’l barra mill-bir u mbagħad biegħu lil Gużeppi lill-Ixmaeliti għal għoxrin biċċa tal-fidda. Eventwalment dawn ġabu lil Ġużeppi fl-Eġittu.” Kien Ġużeppi mibjugħ lill-Ixmaeliti jew lill-Midjaniti? Sewwa, il-Midjaniti jistgħu kienu jissejħu wkoll Ixmaeliti, li kienu jiġu minnhom mill-antenat tagħhom Abraham. Jew negozjanti Midjaniti setgħu kienu qed jivvjaġġaw maʼ karavana Ixmaelita. Kien x’kien, ħut Ġużeppi kienu li bigħuh, u iktar tard setaʼ jgħidilhom: “Jien Ġużeppi ħukom, li intom begħtu fl-Eġittu.”−Ġenesi 45:4.
▪ Kemm mietu Iżraeliti għax kellhom relazzjonijiet immorali maʼ nisa Moabiti u għax ħadu sehem fil-qima taʼ Bagħal taʼ Peor?
Numri 25:9 jistqarr: “Dawk li mietu mill-flaġell [mingħand Alla għall-kondotta mill-agħar tagħhom] ammontaw għal erbgħa u għoxrin elf.” Madankollu, l-appostlu Pawlu qal: “Lanqas ma nipprattikaw iż-żina, bħalma xi wħud minnhom [Iżraeliti fix-xagħri] ikkommettew iż-żina, biss biex jaqgħu, tlieta u għoxrin elf minnhom f’jum wieħed.” (1 Korintin 10:8) Forsi n-numru maqtulin kien bejn it-23,000 u l-24,000, sabiex iż-żewġ figuri jkunu sodisfaċenti. Madankollu, il-ktieb taʼ Numri jindika b’mod speċjali li “l-kapijiet kollha tan-nies” involuti f’dan id-dnub kienu maqtulin minn imħallfin. (Numri 25:4, 5) Setaʼ kien hemm elf minn dawn “il-kapijiet” ħatjin, li jġibu t-total għal 24,000 meta jiġu miżjudin mat-23,000 li semma Pawlu. Fejn 23,000 milli jidher kienu vittmi diretti tal-flaġell mingħand Alla, l-24,000 kollha esperjenzaw il-flaġell għaliex kull wieħed minnhom miet taħt id-digriet taʼ ġudizzju kontra tagħhom.—Dewteronomju 4:3.
▪ Ladarba Agag kien kontemporanju tas-Sultan Iżraelit Sawl, ma kinetx diskrepanza r-referenza li saret ferm iktar qabel minn Balgħam għal ħakkiem Amalekit b’dak l-isem?
Għall-ħabta tas-sena 1473 Q.E.K., Balgħam bassar li sultan taʼ Iżrael kellu jkun “ogħla minn Agag.” (Numri 24:7) L-ebda referenza sussegwenti ma saret għal Agag sar-renju tas-Sultan Sawl (1117-1078 Q.E.K). (1 Samwel 15:8) Din ma kinetx diskrepanza, madankollu, għax “Agag” setaʼ kien titlu rjali bħal dak tal-Farawni tal-Eġittu. Jistaʼ jkun ukoll li Agag kien isem persunali li l-ħakkiema Amalekiti kienu jużaw b’mod ripetut.
▪ Min ġiegħel lil Dauid biex igħodd lill-Iżraeliti?
It-Tieni Samwel 24:1 jistqarr: “Għal darb’oħra r-rabja taʼ Jehovah ġiet li tkun taħraq kontra Iżrael, meta wieħed qanqal lil David [jew, “meta David kien imqanqal,” nota taʼ taħt] kontra tagħhom, billi qal: ‘Mur, ħu għadd taʼ Iżrael u Ġuda.’” Imma ma kienx Jehovah li qanqal lil David biex jidneb, għax l-1 Kronaki 21:1 igħid: “Satana [jew, “wieħed li jirreżisti,” nota taʼ taħt] issokta jqum bil-wieqfa kontra Iżrael u jqanqal lil David biex igħodd lil Iżrael.” Alla ma ħax pjaċir bl-Iżraeliti u għalhekk ħalla lil Satana x-Xitan iġib dan id-dnub fuqhom. Għal din ir-raġuni, it-2 Samwel 24:1 jinqara qisu li Alla nnifsu għamel dan. Interessanti, it-traduzzjoni taʼ Joseph B. Rotherham tinqara: “Ir-rabja taʼ Yahweh tkebbset kontra Iżrael, u b’hekk hu ssaporta lil David li jiġi mqanqal kontra tagħhom billi qal, Mur għodd lil Iżrael u lil Ġuda.”
▪ Wieħed kif jistaʼ jqabbel il-figuri differenti mogħtijin għall-Iżraeliti u l-Ġudeani fil-għadd taʼ David ?
Fit-2 Samwel 24:9 il-figuri huma 800,000 Iżraelit u 500,000 Ġudean, fil-waqt li l-1 Kronaki 21:5 jinnumera l-irġiel tal-ġlied taʼ Iżrael 1,100,000 u taʼ Ġuda 470,000. Ingaġġati regolarment fis-servizz irjali kien hemm 288,000 truppi, imqassmin fi 12-il grupp taʼ 24,000, kull grupp jaqdi xahar matul is-sena. Kien hemm ukoll 12,000 attendent mat-12-il prinċep tat-tribujiet, li jwasslu għal total taʼ 300,000. Milli jidher il-1,100,000 taʼ l-1 Kronaki 21:5 jinkludu lil dawn it-300,000 diġa ngaġġati, fil-waqt li fit-2 Samwel 24:9 m’humiex. (Numri 1:16; Dewteronomju 1:15; 1 Kronaki 27:1-22) Inkwantu għal Ġuda, it-2 Samwel 24:9 milli jidher jinkludi 30,000 raġel fl-armata taʼ osservazzjoni stazzjonata fuq il-fruntieri Filistej imma li ma kinux inklużi fil-figura mogħtija fl-1 Kronaki 21:5. (2 Samwel 6:1) Jekk niftakru li t-2 Samwel u l-1 Kronaki kienu miktubin minn żewġt irġiel b’ħarsiet u oġġettivi differenti, nistgħu faċilment inqabblu l-figuri.
▪ Min kien missier Xealtjel?
Ċerti testi jindikaw li Ġekonija (is-Sultan Ġeħojakin) kien missier Xealtjel. (1 Kronaki 3:16-18; Mattew 1:12) Imma l-kittieb tal-Vanġelu Luqa sejjaħ lil Xealtjel “bin Neri.” (Luqa 3:27) Neri milli jidher ta lil bintu lil Xealtjel bħala martu. Ladarba kien komuni għall-Ebrej li jsejħu lir-raġel taʼ binthom bħala binhom, speċjalment f’listi ġeneoloġiċi, Luqa setaʼ b’mod xieraq isejjaħ lil Xealtjel bin Neri. Bl-istess mod, Luqa rrefera għal Ġużeppi bħala bin Eli, li kien fil-fatt missier Marija l-mara taʼ Ġużeppi.—Luqa 3:23.
Inqabblu t-Testi li Jinvolvu lil Ġesù
▪ Ġesù Kristu minn kemm-il raġel keċċa lid-demonji li ppussessau, merħla kbira taʼ ħnieżer?
Il-kittieb tal-Vanġelu Mattew isemmi żewġt irġiel, imma Mark u Luqa jirreferu għal wieħed biss. (Mattew 8:28; Mark 5:2; Luqa 8:27) Milli jidher, Mark u Luqa ġibdu l-attenzjoni lejn raġel wieħed biss ippussessat mid-demonji għaliex Ġesù kellem lilu u l-każ tiegħu kien iktar jispikka. Possibilment, dak ir-raġel kien iktar vjolenti u kien sofra iktar żmien taħt il-kontroll tad-demonji. Wara, forsi dak ir-raġel biss ried imur maʼ Ġesù. (Mark 5:18-20) F’sitwazzjoni li tixxiebah, Mattew tkellem dwar żewġt irġiel għomja, fil-waqt li Mark u Luqa semmew biss wieħed. (Mattew 20:29-34; Mark 10:46; Luqa 18:35) Dan ma kienx kontradittorju, għax kien hemm minn tal-inqas raġel wieħed bħal dan.
▪ X’kulur kienet il-libsa li Ġesù kien liebes dak in-nhar li miet?
Skond Mark (15:17) u Ġwann (19:2), issuldati poġġew libsa vjola fuq Ġesù. Imma Mattew (27:28) sejħilha “mantell ħamrani,” billi enfasizza l-ħmura tagħha. Ladarba l-vjola huwa kawlunkwe kulur magħmul minn komponenti taʼ aħmar u ikħal, Mark u Ġwanni qablu li l-mantell jagħti fl-aħmar. Ir-riflessjoni tad-dawl u l-isfond setaʼ ta dehriet differenti lil-libsa, u l-kittieba tal-Vanġelu semmew il-kulur li deher l-iktar jispikka f’għajnejhom jew f’għajnejn dawk li minn għandhom ħadu l-informazzjoni tagħhom. Il-varjazzjoni żgħira turi l-individwalità tal-kittieba u tagħti prova li ma kienx hemm xi ftehim sigriet.
▪ Min ġarr iz-zokk tat-tortura taʼ Ġesù?
Ġwann (19:17) igħid: “Billi ġarr iz-zokk tat-tortura għalih innifsu, [Ġesù] ħareġ lejn il-hekk imsejjaħ Post il-Qorriegħa, li hu msejjaħ Golgota bl-Ebrajk.” Imma Mattew (27:32), Mark (15:21), u Luqa (23:26) igħidu li ‘waqt li kienu ħerġin, Xmun minn Ċirene ingħata l-biċċa xogħol li jerfaʼ z-zokk tat-tortura.’ Ġesù ġarr iż-żokk tat-tortura tiegħu, kif stqarr Ġwanni. Fir-rakkont imqassar tieĠħu, madankollu, Ġwanni ma żiedx il-punt li Xmun iktar tard ġie mqabbad biex iġorr iż-żokk. B’hekk, ir-rakkonti tal-Vanġelu jaqblu f’dan ir-rigward.
▪ Ġuda l-Iskarjota kif miet?
Mattew 27:5 jistqarr li Ġuda tgħallaq, fil-waqt li Atti 1:18 igħid li “xeħet rasu l-ewwel hu nfaqaʼ minn nofsu b’mod li jinstemaʼ u l-imsaren tiegħu kollha tferrgħu ’l barra.” Waqt li Mattew jidher li qed jispjega l-mod tal-attentat taʼ suwiċidju, Atti jiddeskrivi r-riżultati. Ġuda milli jidher rabat ħabel maʼ fergħa taʼ siġra, għamel ingassa m’għonqu, u pprova jitgħallaq billi jaqbeż minn fuq irdum għal isfel. Jidher li jew il-ħabel jew il-fergħa tas-siġra tqaċċtu sabiex hu niżel ’l isfel u nfaqaʼ fuq il-blat taʼ taħt. Il-wiċċ tal-art madwar Ġerusalemm jagħmel konklużjoni bħal din raġonevoli.
Int Kif Se Tħares lejn l-Affarijiet?
Jekk niltaqgħu maʼ dawk li jidhru li huma diskrepanzi fil-Bibbja, huwa tajjeb li nirrealizzaw li n-nies taʼ spiss igħidu affarijiet li jidhru kontradittorji imma jistgħu faċilment jiġu spjegati jew mifhuma. Per eżempju, negozjant jistaʼ jikkorrispondi maʼ xi ħadd billi jiddetta ittra lis-segretarja tiegħu. Jekk jiġi mistoqsi, hu jgħid li hu bagħatha l-ittra. Imma ladarba s-segretarja tiegħu ttajpjat u mpustat l-ittra, tistaʼ tgħid li hi bagħtitha. Bl-istess mod, ma kienx kontradittorju li Mattew (8:5) qal li uffiċjal tal-armata ġie jitlob favur lil Ġesù, fil-waqt li Luqa (7:2, 3) qal li r-raġel bagħat lil xi rappreżentanti.
L-eżempji li semmejna juru li d-diffikultajiet fil-Bibbja jistgħu jiġu solvuti. B’hekk, hemm raġuni soda biex ikollna attitudni pożittiva lejn l-Iskrittura. Spirtu bħal dan ġie rrikkmandat f’dawn il-kelmiet li jidhru f’Bibbja tal-familja ppubblikata fl-1876:
“L-ispirtu xieraq li bih tittratta maʼ dawn id-diffikultajiet hu, li tneħħihom kemm jistaʼ jkun b’mod prattiku, u li żżomm sod mal-verità u tissottometti ruħek lejha, saħansitra jekk mhux kull sħaba tistaʼ tiġi ċċarata minnha. Għandna nimitaw l-eżempju tal-appostli, li, meta xi wħud mid-dixxipli kienu offiżi għal dak li huma sejħu ‘qawl iebes,’ sabiex jiċħdu lil Kristu, sikktu kull oġġezzjoni b’dan: ‘Mulej, għand min se mmorru? Int għandek il-kliem taʼ ħajja taʼ dejjem, u aħna żguri li Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj.’ . . . Meta naraw verità li tidher kontra verità oħra, ejjew nipprovaw nirrikonċiljawhom, u nuruhom b’hekk irrikonċiljati lil kulħadd.”−Ġwann 6:60-69.
Se tieħu int pożizzjoni bħal din? Wara li eżaminajna xi ftit ezempji li juru l-armonija tal-Iskrittura, huwa ttamat li inti taqbel mas-salmista li qal lil Alla: “Is-sustanza taʼ kelmtek hi verità.” (Salm 119:160) Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom dik il-ħarsa lejn il-Bibbja kollha u jkunu ferħanin li jagħtu r-raġunijiet għall-fidi tagħhom fiha. Għala ma tiddiskutix magħhom dan il-ktieb li m’hawnx bħalu? Il-messaġġ tiegħu li jqanqal il-qalb jistaʼ jimlik b’tama vera u hena vera.
[Stampa f’paġna 7]
Staqseit int lix-Xhieda taʼ Jehovah għala għandhom fidi fil-Bibbja?