Se tirranġa n-nuqqas taʼ qbil u tippromwovi l-paċi?
ALLA ĠEĦOVA jrid li l-aduraturi tiegħu jgawdu l-paċi. Iridhom jirsistu għall-paċi bejniethom. Meta jagħmlu hekk, ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni Kristjana u din il-paċi tiġbed ħafna nies lejn il-kongregazzjoni.
Pereżempju, tabib saħħar fil-Madagaskar innota l-paċi fost il-poplu taʼ Ġeħova u ħaseb, ‘Jekk qatt kelli nagħżel reliġjon għalija, din tkun.’ Maż-żmien, hu waqaf iqim lid-demonji, għamel bidliet fiż-żwieġ tiegħu, u beda jqim lil Ġeħova, l-Alla tal-paċi.
Bħal dan ir-raġel, eluf taʼ nies kull sena jsiru parti mill-kongregazzjoni Kristjana u jsibu l-paċi li tant jixtiequ. Imma fil-Bibbja naqraw li “għira kollha mrar u spirtu ġellied” fil-kongregazzjoni jistgħu jeqirdu ħbiberiji u joħolqu problemi. (Ġakbu 3:14-16) Iżda l-Bibbja tagħtina pariri tajbin dwar kif nevitaw dawn il-problemi u nsaħħu l-paċi maʼ ħutna rġiel u nisa. Ejja naraw kif dawn il-pariri kienu utli f’sitwazzjonijiet li ġraw veru.
PROBLEMI U SOLUZZJONIJIET
“Kont insibha diffiċli ningwalaha maʼ ħu li kien jaħdem miegħi. Darba, waqt li konna qed ngħajtu maʼ xulxin, daħlu żewġ persuni u sabuna nargumentaw bl-ikrah.”—CHRIS.
“Oħt li taʼ sikwit ippritkajt magħha f’daqqa waħda waqqfet l-arranġamenti tal-ministeru li kellna. Imbagħad ma baqgħetx tkellimni. Ma kellix idea għala.”—JANET.
“Kont fuq telefonata bejn tliet persuni. Wieħed minnhom qalilna ċaw, u jien ħsibt li ma kienx għadu fuq il-linja. Jien imbagħad għedt affarijiet koroh dwaru lill-persuna l-oħra fuq it-telefown, imma l-ewwel wieħed ma kienx qataʼ.”—MICHAEL.
“Fil-kongregazzjoni tagħna, żewġ pijunieri beda jkollhom il-problemi. Wieħed minnhom qabad iċanfar lill-ieħor. L-argumenti taʼ bejniethom kienu skuraġġanti għal oħrajn.”—GARY.
Dawn il-problemi jistgħu ma jidhrux serji. Imma dawn is-sitwazzjonijiet setgħu kkaġunaw uġigħ emozzjonali fit-tul għan-nies involuti u setgħu tellfu l-paċi tal-kongregazzjoni. B’ferħ, dawn l-aħwa rġiel u nisa mxew fuq prinċipji tal-Bibbja u reġaʼ kellhom il-paċi. Liema prinċipji Bibliċi taħseb li għenuhom?
“Titlewmux bejnietkom fit-triq.” (Ġenesi 45:24) Ġużeppi ta dan il-parir għaqli lil ħutu meta kienu sejrin lura għand missierhom. Meta persuna ma tikkontrollax is-sentimenti tagħha u tirrabja malajr, sitwazzjoni ħażina tistaʼ ssir saħansitra agħar. Din il-persuna tistaʼ ġġiegħel oħrajn jirrabjaw. Chris irrealizza li xi kultant kien diffiċli għalih ikun umli u jimxi mal-istruzzjonijiet. Hu ried jinbidel, allura skuża ruħu mal-ħu li kien argumenta miegħu. Imbagħad, Chris ħadem iebes biex jikkontrolla t-tempra. Meta l-ħu nnota kemm Chris kien qed jagħmel sforzi biex jinbidel, hu għamel l-istess. Issa jaqdu lil Ġeħova flimkien fil-paċi.
“Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali.” (Proverbji 15:22) Meta l-ħabiba taʼ Janet ma baqgħetx tkellimha, Janet iddeċidiet li tapplika dan il-vers tal-Bibbja u marret tkellem lill-oħt. Janet staqsiet jekk kinitx għamlet xi ħaġa li biha offendietha jew irrabjatha. Għall-ewwel, it-tnejn sabuha xi ftit diffiċli. Imma hekk kif komplew jitkellmu bil-kalma, ħassewhom iktar komdi. L-oħt irrealizzat li kienet fehmet ħażin xi ħaġa li ġrat fil-passat u li fil-fatt Janet ma kienet għamlet xejn biex toffendiha. Hi skużat ruħha maʼ Janet, u t-tnejn li huma reġgħu saru ħbieb hekk kif jaqdu lil Ġeħova flimkien.
“Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk.” (Mattew 5:23, 24) Ġesù ta dan il-parir fil-Prietka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. Wara li Michael qal affarijiet koroh dwar il-ħu l-ieħor, hu ħassu ħażin ħafna. Hu ddeċieda li jagħmel dak kollu li kien neċessarju biex jirranġa s-sitwazzjoni. Allura mar għand il-ħu u qallu kemm kien iddispjaċut. X’ġara mbagħad? Michael jgħid, “Ħija ħafirli mill-qalb.” Għal darb’oħra huma reġgħu saru ħbieb.
“Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.” (Kolossin 3:12-14) Tiftakar iż-żewġ pijunieri li argumentaw waqt il-ministeru tal-għalqa? Anzjan b’qalb tajba għenhom jaraw li kienu qed idejqu oħrajn u jġegħluhom iħossuhom skomdi. Hu fakkarhom li għandhom ikunu paċenzjużi maʼ xulxin u jgħinu biex tinżamm il-paċi fil-kongregazzjoni. Huma aċċettaw u applikaw il-parir tiegħu. Issa jingwalawha sew hekk kif jippritkaw l-aħbar tajba.
Dan l-istess parir, li nsibu f’Kolossin 3:12-14, jistaʼ jgħinek tkun umli, taħfer lill-persuna li weġġgħetek, u tieqaf taħseb dwar il-kwistjoni. Però xi ngħidu jekk ipprovajna naħfru imma ma rnexxilniex? F’Mattew 18:15 hemm prinċipju Bibliku li jistaʼ jgħinna. Għalkemm Ġesù primarjament kien qed jitkellem dwar dnubiet serji, hu ddeskriva xi ħaġa li nistgħu nagħmlu kull meta jkollna problema maʼ ħu jew oħt. B’qalb tajba u umiltà, nistgħu mmorru għand din il-persuna biex nitkellmu dwar il-kwistjoni u nipprovaw insolvu l-problema.
Fil-Bibbja hemm ħafna iktar suġġerimenti prattiċi. Il-biċċa l-kbira minnhom jinvolvu li nistrieħu fuq l-ispirtu qaddis t’Alla ħalli nkunu nistgħu nuru “l-frott taʼ l-ispirtu.” Dawn il-kwalitajiet huma “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” (Galatin 5:22, 23) Aħseb dwar dan. Magna taħdem bla problemi taʼ xejn meta l-parts tagħha jkollhom iż-żejt. B’mod simili, meta nuru dawn il-kwalitajiet tajbin minn Ġeħova jkun iktar faċli li nirranġaw in-nuqqas taʼ qbil tagħna u jkollna ħbiberiji bla problemi.
PERSONALITAJIET DIFFERENTI JSEBBĦU L-KONGREGAZZJONI
Kull wieħed u waħda minna għandu l-personalità tiegħu. Ilkoll għandna kwalitajiet differenti u modi differenti kif naraw l-affarijiet u nesprimu ruħna. Dawn jistgħu jagħmlu l-ħbiberiji tagħna pjaċevoli u interessanti. Imma l-personalitajiet differenti tagħna jistgħu anke jwasslu biex nifhmu lil xulxin ħażin u jkollna nuqqas taʼ qbil. Anzjan t’esperjenza ta eżempju kif dan jistaʼ jiġri meta qal: “Xi ħadd li hu mistħi jistaʼ jsibha diffiċli jkun maʼ persuna dħulija u storbjuża. Din id-differenza tistaʼ ma tidhirx importanti; iżda, tistaʼ twassal għal problemi serji.” Taħseb int li nies li għandhom personalitajiet daqstant differenti qatt mhu se jingwalawha maʼ xulxin? Ejja naraw l-eżempji taʼ tnejn mill-appostli. Meta naħsbu dwar Pietru, nistgħu naħsbu dwar xi ħadd taʼ żaqqu fommu. Meta naħsbu dwar Ġwanni, nistgħu nġibu quddiem għajnejna ħu mimli mħabba li ġeneralment ħasibha qabel tkellem jew aġixxa. Pietru u Ġwanni kellhom personalitajiet differenti. Imma huma ħadmu sew flimkien hekk kif qdew lil Ġeħova. (Atti 8:14; Galatin 2:9) Dan jistaʼ jingħad għalina llum. Anke Kristjani b’personalitajiet differenti ħafna jistgħu jaħdmu sew flimkien.
Imma xi ngħidu jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni tiegħek jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tirritak? Ikun tajjeb li tiftakar li Kristu miet għal dan il-ħu l-istess bħalma miet għalik, u int għandek tħobb lil ħuk. (Ġwanni 13:34, 35; Rumani 5:6-8) Ma jkunx sew li tiddeċiedi li ma tkunx ħabib maʼ din il-persuna jew li tevitaha. Minflok, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed ħija jagħmel xi ħaġa kontra l-liġi taʼ Ġeħova? Qiegħed jipprova jweġġagħni apposta? Jew sempliċement għandna personalitajiet differenti? Fil-fatt, għandu hu kwalitajiet li jien nixtieq ikolli?’
Pereżempju, jekk iħobb iparla imma int kwiet, għaliex ma taħdmux flimkien fil-ministeru u tara x’tistaʼ titgħallem? Jew xi ngħidu jekk hu ġeneruż iktar minnek? Innotajt il-ferħ li jiġi milli tagħti lil dawk avvanzati fl-età, lill-morda, jew lil dawk fil-bżonn? Tistaʼ int titgħallem minn din il-persuna ħalli tkun iktar ġeneruż? Il-punt hu li għalkemm int u ħuk differenti, tistaʼ tiffoka fuq il-kwalitajiet tajbin tiegħu. Anke jekk forsi qatt ma tkunu l-akbar ħbieb, se ssiru eqreb taʼ xulxin. Dan se jgħin biex ikun hemm il-paċi, kemm bejnietkom u kemm fil-kongregazzjoni.
Fl-ewwel seklu, kien hemm żewġ aħwa nisa jisimhom Evodja u Sintike. Milli jidher kellhom personalitajiet differenti ħafna, imma l-appostlu Pawlu inkuraġġiehom “biex ikunu taʼ l-istess fehma fil-Mulej.” (Filippin 4:2) Aħna wkoll irridu nqimu lil Ġeħova flimkien maʼ ħutna u nippromwovu l-paċi fil-kongregazzjoni.
TĦALLIX IN-NUQQAS TAʼ QBIL IKOMPLI
Għala għandna neħilsu malajr minn kwalunkwe sentiment ħażin li għandna għal oħrajn? Nistgħu nqabblu dawn is-sentimenti maʼ ħaxix ħażin li jikber fi ġnien sabiħ kollu fjuri. Jekk ma naqilgħux il-ħaxix ħażin, dan se jimla l-ġnien kollu. B’mod simili, jekk is-sentimenti ħżiena tagħna għal oħrajn isiru b’saħħithom, dan jistaʼ jeffettwa lill-kongregazzjoni kollha. Imma jekk inħobbu lil Ġeħova u lil ħutna, se nagħmlu kulma nistgħu biex nipproteġu l-paċi tal-kongregazzjoni.
Jekk b’umiltà tipprova tagħmel paċi m’oħrajn, tistaʼ tkun sorpriż bir-riżultati tajbin li jkollok
Meta nipprovaw nagħmlu paċi m’oħrajn, nistgħu nkunu sorpriżi bir-riżultat pożittiv li jkollna. Waħda oħt esperjenzatu dan. Din hi l-istorja tagħha: “Ħassejt li waħda oħt kienet qed tittrattani bħallikieku kont xi tifla żgħira. Din is-sitwazzjoni vera kienet qed iddejjaqni. Hekk kif bdejt nirrita ruħi iktar, kont naqtgħalha fil-qasir. Jien ħsibt, ‘Hi ma turinix ir-rispett li jistħoqqli, allura jien mhux se nuriha rispett.’”
Imbagħad din l-oħt ħasbet dwar l-attitudni tagħha stess. “Bdejt nara d-difetti fil-personalità tiegħi, u kont diżappuntata ferm bija nnifsi. Irrealizzajt li kelli naġġusta ħsibijieti. Wara li tlabt lil Ġeħova dwar il-kwistjoni, xtrajt rigal żgħir lill-oħt u ktibtilha kard biex niskuża ruħi għall-attitudni ħażina tiegħi. Għannaqna lil xulxin u ftehemna li nqisu l-kwistjoni daqslikieku qatt ma ġrat. Minn dakinhar ’l hawn ma kellniex iktar problemi.”
Kulħadd għandu bżonn il-paċi. Iżda meta n-nies jiffaċċjaw theddid għall-pożizzjoni u l-kburija tagħhom, ħafna jibdew jaġixxu b’mod mhux paċifiku. Fid-dinja, dan hu komuni, imma Ġeħova jistenna xi ħaġa differenti mill-aduraturi tiegħu. Fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova, għandu jkun hemm paċi u unità. Ġeħova nebbaħ lil Pawlu ħalli jikteb lill-Kristjani ‘biex jimxu kif jixraq lis-sejħa’ li rċivew. Hu inkuraġġiehom biex jagħmlu dan ‘b’umiltà sħiħa u ħlewwa, b’sabar fit-tul, waqt li jissaportu lil xulxin bl-imħabba, u jagħmlu ħilithom biex bil-ħeġġa kollha jħarsu l-unità taʼ l-ispirtu fir-rabta li tgħaqqad tal-paċi.’ (Efesin 4:1-3) “Ir-rabta li tgħaqqad tal-paċi” li l-poplu taʼ Ġeħova jgawdi hija prezzjuża ferm. Mela ejja b’mod individwali nagħmlu kulma nistgħu biex insaħħuha u nsolvu kwalunkwe problema li jistaʼ jkollna maʼ ħutna.