LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 7/1 pp. 15-21
  • “Dar it-Talb għall-Ġnus Kollha”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Dar it-Talb għall-Ġnus Kollha”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iktar Qaddis
  • Il-​Qaddis
  • Il-​Bitħa
  • Jum It-​Tpattija
  • L-​Ewwel Tempju u T-​Tieni Wieħed
  • Alla Jabbanduna D-​Dar Tiegħu Taʼ Fuq L-​Art Għal Dejjem
  • Apprezza l-Privileġġ li Taqdi lil Ġeħova fit-Tempju Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • It-Tempju Spiritwali Kbir taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Ġid” li Qed Jimla Dar Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 7/1 pp. 15-21

“Dar it-​Talb għall-​Ġnus Kollha”

“Ma hemmx miktub, ‘Id-​dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-​talb għall-​ġnus kollha’?”—MARK 11:17.

1. Adam u Eva liema xorta taʼ relazzjoni kienu oriġinalment igawdu m’Alla?

META Adam u Eva ġew maħluqin, huma gawdew relazzjoni mill-​qrib maʼ Missierhom tas-​sema. Alla Jehovah ikkomunika magħhom u indikalhom l-​iskop meraviljuż tiegħu għar-​razza umana. Ċertament, huma taʼ spiss kienu mqanqlin biex jinfexxu f’tifħir għal Jehovah minħabba x-​xogħlijiet manjifiċi tiegħu taʼ ħolqien. Kieku Adam u Eva kienu jinħtieġu gwida hekk kif ikkontemplaw dwar l-​irwol tagħhom bħala l-​missier u l-​omm futuri tal-​familja umana, huma setgħu javviċinaw lil Alla minn kwalunkwe post fid-​dar Ġenna tagħhom. Ma kinux jinħtieġu s-​servizzi taʼ xi qassis f’xi tempju.—Ġenesi 1:28.

2. Liema bidla seħħet meta Adam u Eva dinbu?

2 Is-​sitwazzjoni nbidlet meta anġlu ribelluż isseduċa lil Eva f’li taħseb li s-​sehem tagħha fil-​ħajja kien se jitjieb jekk hi tirrifjuta s-​sovranità taʼ Jehovah, billi stqarr li kellha ‘ssir bħal Alla.’ Għaldaqstant Eva kielet xi frott mis-​siġra li Alla kien poġġa taħt restrizzjoni. Imbagħad Satana uża lil Eva biex tittanta lil żewġha. Traġikament, Adam semaʼ mill-​mara midinba tiegħu, billi wera li kien jistma r-​relazzjoni tiegħu magħha iktar mir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. (Ġenesi 3:4-7) Effettivament, Adam u Eva għażlu lil Satana bħala l-​alla tagħhom.—Qabbel 2 Korintin 4:4.

3. Liema kienu r-​riżultati ħżiena taʼ l-​irvell t’Adam u Eva?

3 Billi għamlu dan, l-​ewwel koppja umana tilfu mhux biss ir-​relazzjoni prezzjuża tagħhom m’Alla imma wkoll il-​prospett li jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-​art. (Ġenesi 2:16, 17) L-​iġsma midinbin tagħhom eventwalment iddeterjoraw sakemm huma mietu. Id-​dixxendenti tagħhom wirtu din il-​kundizzjoni midinba. “Hekk,” tispjega l-​Bibbja, “il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha.”—Rumani 5:12.

4. Alla liema tama estenda lill-​umanità midinba?

4 Xi ħaġa kienet meħtieġa biex tirrikonċilja lill-​umanità midinba mal-​Ħallieq qaddis tagħha. Meta kien qiegħed jagħti s-​sentenza lil Adam u Eva, Alla ta tama lid-​dixxendenti futuri tagħhom billi wiegħed ‘nisel [“żerriegħa,” NW]’ li kellu jsalva lill-​umanità mill-​effetti taʼ l-​irvell taʼ Satana. (Ġenesi 3:15) Iktar tard, Alla rrivela li ż-​Żerriegħa taʼ barka kellu jiġi permezz t’Abraham. (Ġenesi 22:18) B’dak l-​iskop taʼ mħabba f’moħħu, Alla għażel lid-​dixxendenti t’Abraham, l-​Israeliti, biex isiru l-​ġens magħżul tiegħu.

5. Għala għandna nkunu interessati f’dettalji mill-​patt tal-​Liġi t’Alla maʼ Israel?

5 Fis-​sena 1513 Q.E.K., l-​Israeliti daħlu f’relazzjoni taʼ patt m’Alla u qablu li jobdu l-liġijiet tiegħu. Dak il-​patt tal-​Liġi għandu jkun taʼ interess kbir għal dawk kollha li jridu jqimu lil Alla llum għaliex dan kien jipponta lejn iż-​Żerriegħa mwiegħed. Pawlu qal li kien fih “id-​dell tal-ġid li għandu jiġi.” (Lhud 10:1) Meta Pawlu għamel din l-​istqarrija, kien qiegħed jiddiskuti s-​servizz tal-​qassisin Israeliti f’tabernaklu, jew tinda taʼ qima, li jistaʼ jinġarr. Kien jissejjaħ “[it]-tempju tal-​Mulej” jew “[id]-dar tal-​Mulej.” (1 Samwel 1:9, 24) Billi neżaminaw is-​servizz sagru mwettaq fid-​dar taʼ Jehovah fuq l-​art, nistgħu nibdew napprezzaw iżjed bis-​sħiħ l-​arranġament mimli ħniena li bih bnedmin midinbin illum jistgħu jsiru rrikonċiljati m’Alla.

L-​Iktar Qaddis

6. X’kien ġie mqiegħed fl-​Iktar Qaddis, u l-​preżenza t’Alla kif kienet irrappreżentata hemmhekk?

6 “Alla l-​Għoli ma jgħammarx fi djar maħduma bl-​idejn,” tistqarr il-​Bibbja. (Atti 7:48) Madankollu, il-​preżenza t’Alla fid-​dar tiegħu taʼ l-​art kienet irrappreżentata minn sħaba fil-​kompartiment taʼ ġewwanett imsejjaħ l-​Iktar Qaddis. (Levitiku 16:2) Evidentement, din is-​sħaba kienet tiddi ħafna, billi tipprovdi dawl għall-​Iktar Qaddis. Kienet stazzjonata fuq senduq sagru msejjaħ “l-​arka tax-​xhieda” li kien fiha twavel tal-​ġebel imnaqqxin bi ftit mill-​kmandi li Alla ta lil Israel. Fuq l-​għatu taʼ l-​Arka kien hemm żewġ kerubini tad-​deheb bi ġwienaħ miftuħin, li taw stampa taʼ ħlejjaq spirti taʼ pożizzjoni għolja fl-​organizzazzjoni t’Alla fis-​sema. Is-​sħaba mirakoluża taʼ dawl kienet tinsab fuq l-​għatu u bejn il-​kerubini. (Eżodu 25:22) Dan ta stampa t’Alla li Jistaʼ Kollox fuq it-​tron fuq karru tas-​sema mwieżen minn kerubini ħajjin. (1 Kronaki 28:18) Dan jispjega għala s-​Sultan Ħeżekija talab: “Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ Israel, li qiegħed fuq il-​kerubini.”—Isaija 37:16.

Il-​Qaddis

7. X’għamara kien hemm fil-​Qaddis?

7 It-​tieni kompartiment tat-​tabernaklu kien imsejjaħ il-​Qaddis. Ġewwa din is-​sezzjoni, lejn ix-​xellug tad-​daħla kien hemm gandlier sabiħ b’sebaʼ friegħi, u fuq il-​lemin kien hemm mejda taʼ ħobż esponut. Faċċata kien hemm artal li minnu l-​aroma taʼ inċens jaqbad kienet titlaʼ ’l fuq. Dan kien qiegħed quddiem purtiera li kienet tissepara l-​Qaddis mill-​Iktar Qaddis.

8. Il-​qassisin liema dmirijiet kienu jwettqu regolarment fil-​Qaddis?

8 Kull fil-​għodu u kull fil-​għaxija, qassis ried jidħol fit-​tabernaklu u jaħraq l-​inċens fuq l-​artal taʼ l-​inċens. (Eżodu 30:7, 8) Fil-​għodu, fil-​waqt li l-​inċens kien jaqbad, is-​sebaʼ lampi li kienu jinsabu fuq il-​gandlier tad-​deheb riedu jiġu mimlijin mill-​ġdid biż-​żejt. Fil-​għaxija l-​lampi kienu jinxtegħlu biex jipprovdu dawl għall-​Qaddis. Kull Sabat qassis ried ipoġġi 12-il ħobża friska fuq il-​mejda taʼ ħobż esponut.—Levitiku 24:4-8.

Il-​Bitħa

9. X’kien l-​iskop tal-​banju taʼ ilma, u liema lezzjoni nistgħu nieħdu minn dan?

9 It-​tabernaklu kellu wkoll bitħa, imdawra b’ċint tad-​drapp tat-​tined. F’din il-​bitħa kien hemm banju kbir fejn il-​qassisin kienu jaħslu jdejhom u saqajhom qabel ma jidħlu fil-​Qaddis. Huma riedu wkoll jinħaslu qabel ma joffru sagrifiċċji fuq l-​artal li kien jinsab fil-​bitħa. (Eżodu 30:18-21) Din il-​ħtieġa taʼ ndafa hi tfakkira qawwija għall-​qaddejja t’Alla llum li huma jridu jistinkaw għal purità fiżika, morali, mentali, u spiritwali jekk iridu li l-​qima tagħhom tkun aċċettabbli għal Alla. (2 Korintin 7:1) Maż-​żmien l-​injam għan-​nar taʼ fuq l-​artal u l-​ilma għall-​banju kienu jiġu fornuti minn irsiera mhux Israeliti tat-​tempju.—Ġożwè 9:27.

10. Liema kienu xi ftit mill-​offerti magħmulin fuq l-​artal tas-​sagrifiċċju?

10 Kull fil-​għodu u kull fil-​għaxija, muntun żgħir sagrifikali kien jinħaraq fuq l-​artal flimkien m’offerta taʼ qamħ u taʼ xorb. (Eżodu 29:38-41) Sagrifiċċji oħrajn kienu jsiru fi ġranet speċjali. Xi drabi sagrifiċċju kellu jsir minħabba xi dnub persunali speċifiku. (Levitiku 5:5, 6) Xi drabi oħrajn Israelit setaʼ joffri sagrifiċċju taʼ komunjoni volontarju li minnu porzjonijiet kienu jittieklu mill-​qassisin u mill-​wieħed li jkun għamel l-​offerta. Dan kien ifisser li midinbin umani setgħu jkollhom paċi m’Alla, billi jgawdu ikla miegħu, biex ngħidu hekk. Saħansitra resident barrani setaʼ jsir adoratur taʼ Jehovah u jkollu l-​privileġġ li jippreżenta offerti volontarji fid-​dar Tiegħu. Imma sabiex juru unur xieraq lil Jehovah, il-​qassisin setgħu jaċċettaw biss offerti taʼ l-​aqwa kwalità. Id-​dqiq taʼ l-​offerti tal-​qamħ ried ikun mitħun fin, u annimali għas-​sagrifiċċji riedu jkunu mingħajr ebda difett.—Levitiku 2:1; 22:18-20; Malakija 1:6-8.

11. (a) X’kien isir bid-​demm tas-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali, u dan lejn liema ħaġa kien jipponta? (b) X’inhi l-​ħarsa t’Alla dwar kemm id-​demm uman u kemm dak taʼ l-​annimali?

11 Id-​demm taʼ dawn is-​sagrifiċċji kien jinġieb lejn l-​artal. Dan kien iservi bħala tfakkira taʼ kuljum għall-​ġens li huma kienu midinbin fil-​bżonn taʼ feddej li d-​demm imxerred tiegħu setaʼ jpatti b’mod permanenti għad-​dnubiet tagħhom u jsalvahom mill-​mewt. (Rumani 7:24, 25; Galatin 3:24; qabbel Lhud 10:3.) Dan l-​użu sagru tad-​demm fakkar ukoll lill-​Israeliti li d-​demm jirrappreżenta l-​ħajja u li l-​ħajja tappartjeni lil Alla. Kwalunkwe użu ieħor tad-​demm mill-​bnedmin minn dejjem kien ipprojbit minn Alla.—Ġenesi 9:4; Levitiku 17:10-12; Atti 15:28, 29.

Jum It-​Tpattija

12, 13. (a) X’kien Jum it-​Tpattija? (b) Qabel ma l-​qassis il-​kbir setaʼ jġib id-​demm ġo l-​Iktar Qaddis, x’kellu jagħmel?

12 Darba fis-​sena f’dak li kien jissejjaħ Jum it-​Tpattija, il-​ġens kollu taʼ Israel, inklużi r-​residenti barranin li kienu jqimu lil Jehovah, riedu jieqfu minn kull xogħol u jsumu. (Levitiku 16:29, 30) F’dan il-​jum importanti, il-​ġens kien jitnaddaf mid-​dnub b’mod illustrattiv sabiex igawdi relazzjonijiet taʼ paċi m’Alla għal sena oħra. Ejjew nimmaġinaw ix-​xena u nikkunsidraw xi ftit mill-​ġrajjiet ewlenin.

13 Il-​qassis il-​kbir qiegħed fil-​bitħa tat-​tabernaklu. Wara li jkun ħasel lilu nnifsu fil-​banju taʼ l-​ilma, hu joqtol barri għal sagrifiċċju. Id-​demm tal-​barri jitferraʼ f’bieqja; dan se jiġi wżat b’mod speċjali biex ipatti għad-​dnubiet tat-​tribù saċerdotali taʼ Levi. (Levitiku 16:4, 6, 11) Imma qabel ma jkompli bis-​sagrifiċċju, hemm xi ħaġa li l-​qassis il-​kbir irid jagħmel. Irid jieħu inċens imfewwaħ (x’aktarx billi jitfgħu ġo kuċċarun) u faħam jaqbad mill-​artal ġo reċipjent li jiflaħ in-​nar. Issa jidħol ġol-​Qaddis u jimxi lejn il-​purtiera taʼ l-​Iktar Qaddis. Hu jgħaddi bil-​mod minn wara l-​purtiera u jieqaf quddiem l-​arka tal-​patt. Imbagħad, mingħajr ma jarah ebda bniedem ieħor, hu jferraʼ l-​inċens għal fuq il-​faħam jaqbad, u l-​Iktar Qaddis jimtela bi sħaba tfuħ.—Levitiku 16:12, 13.

14. Il-​qassis il-​kbir għala ried jidħol fl-​Iktar Qaddis bid-​demm taʼ żewġ annimali differenti?

14 Issa Alla lest li juri ħniena u jiġi ppaċifikat b’mod illustrattiv. Għal din ir-​raġuni l-​għatu taʼ l-​Arka kien imsejjaħ is-​“siġġu tal-​ħniena” jew “għatu propizjatorju.” (Lhud 9:5) Il-​qassis il-​kbir joħroġ mill-​Qaddis tal-​Qaddisin, jieħu d-​demm tal-​barri, u jidħol mill-​ġdid fl-​Iktar Qaddis. Kif ikkmandat fil-​Liġi, hu jbill sebgħu fid-​demm u jroxxu sebaʼ darbiet quddiem l-​għatu taʼ l-​Arka. (Levitiku 16:14) Imbagħad imur lura fil-​bitħa u joqtol il-​bodbod, li hu offerta tad-​dnub “għall-​poplu.” Iġib ftit mid-​demm tal-​bodbod fl-​Iktar Qaddis u jagħmel bih l-​istess bħalma għamel bid-​demm tal-​barri. (Levitiku 16:15) Servizzi importanti oħrajn ukoll seħħew f’Jum it-​Tpattija. Per eżempju, il-​qassis il-​kbir ried ipoġġi jdejh fuq ras bodbod ieħor u jistqarr fuqu “l-​ħażen kollu taʼ wlied Israel.” Dan il-​bodbod ħaj kien imbagħad jittieħed fid-​deżert biex iġorr ’l hemm id-​dnubiet tal-​ġens f’sens figurattiv. B’din il-​manjiera kienet issir tpattija kull sena “għall-​qassisin u għall-​poplu tal-​ġemgħa.”—Levitiku 16:16, 21, 22, 33.

15. (a) It-​tempju taʼ Salamun kif kien simili għat-​tabernaklu? (b) Il-​ktieb taʼ Lhud x’jgħid dwar servizz sagru mwettaq kemm fit-​tabernaklu u kemm fit-​tempju?

15 Matul l-​ewwel 486 sena taʼ l-​istorja taʼ Israel bħala l-​poplu tal-​patt t’Alla, it-​tabernaklu li kien jinġarr qdihom bħala l-​post fejn iqimu lil Alla tagħhom, Jehovah. Imbagħad, Salamun taʼ Israel ngħata l-​privileġġ li jibni struttura permanenti. Għalkemm dan it-​tempju kellu jkun akbar u iżjed elaborat, il-​pjanta pprovduta divinament segwiet l-​istess mudell bħal dak tat-​tabernaklu. Bħat-​tabernaklu, dan kien illustrattiv t’arranġament akbar u iktar effettiv għal qima li Jehovah kellu ‘jwaqqaf, u mhux il-​bniedem.’—Lhud 8:2, 5; 9:9, 11.

L-​Ewwel Tempju u T-​Tieni Wieħed

16. (a) Salamun liema petizzjoni taʼ mħabba għamel meta kien qiegħed jiddedika t-​tempju? (b) Jehovah kif wera li aċċetta t-​talba taʼ Salamun?

16 Meta ddedika dak it-​tempju glorjuż, Salamun inkluda din il-​petizzjoni ispirata: “[Lil]l-barrani wkoll, li ma jkunx mill-​poplu tiegħek taʼ Israel, li għad jiġi minn art imbiegħda minħabba ismek . . . , meta dan għad jiġi u jitlob f’dan it-​tempju, isimgħu int mis-​sema fejn tgħammar u agħmel kull ma jitolbok dan il-​barrani, ħa jkunu jafu b’ismek il-​ġnus kollha taʼ l-​art, u jibżgħu minnek bħall-​poplu tiegħek Israel, u jagħarfu li ismek jissejjaħ fuq dan it-​tempju li bnejtlek jien.” (2 Kronaki 6:32, 33) B’mod li ma jħalli ebda dubju, Alla wera li kien aċċetta t-​talba taʼ dedikazzjoni taʼ Salamun. Raġġ taʼ nar waqaʼ mis-​sema u kkonsma s-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali fuq l-​artal, u l-​glorja taʼ Jehovah imliet it-​tempju.—2 Kronaki 7:1-3.

17. Eventwalment xi ġralu t-​tempju li kien bena Salamun, u għala?

17 B’sogħba, l-​Israeliti tilfu l-​biżaʼ bnin tagħhom minn Jehovah. Maż-​żmien, ipprofanaw l-​isem kbir tiegħu permezz t’atti taʼ tixrid taʼ demm, idolatrija, adulterju, inċest, u minħabba trattar ħażin t’orfni, romol, u barranin. (Eżekjel 22:2, 3, 7, 11, 12, 26, 29) B’hekk, fis-​sena 607 Q.E.K., Alla esegwixxa ġudizzju billi tellaʼ l-​armati Babilonjani biex jeqirdu t-​tempju. L-​Israeliti li baqgħu ħajjin ittieħdu rsiera lejn Babilonja.

18. Fit-​tieni tempju, liema privileġġi saru disponibbli għal xi rġiel mhux Israeliti li b’qalbhom kollha appoġġjaw il-​qima taʼ Jehovah?

18 Wara 70 sena fdal Lhudi niedem irritornaw lejn Ġerusalemm u ngħataw il-​privileġġ li jibnu mill-​ġdid it-tempju taʼ Jehovah. Taʼ interess, kien hemm skarsezza taʼ qassisin u Leviti biex jaqdu f’dan it-​tieni tempju. Bħala riżultat, Netinim, dixxendenti taʼ rsiera mhux Israeliti tat-​tempju, ngħataw privileġġi akbar bħala ministri tad-​dar t’Alla. Madankollu, huma qatt ma saru ugwali għall-​qassisin u l-​Leviti.—Esdra 7:24; 8:17, 20.

19. Alla liema wegħda għamel rigward it-​tieni tempju, u dan il-​kliem kif seħħ?

19 Għall-​ewwel kien donnu li t-​tieni tempju ma kellu jkun xejn imqabbel maʼ dak taʼ qabel. (Ħaggaj 2:3) Imma Jehovah wiegħed: “[I]nqanqal il-​ġnus kollha, u l-​ġid kollu tal-​popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-​tempju bil-​glorja . . . Il-​glorja taʼ l-​aħħar taʼ dan it-​tempju tkun akbar minn taʼ qabel.” (Ħaggaj 2:7, 9) Bi twettiq taʼ dan il-​kliem, it-​tieni tempju tassew li kiseb glorja akbar. Dam 164 sena iżjed, u ħafna iżjed adoraturi minn ħafna iżjed pajjiżi rifsu fil-​btieħi tiegħu. (Qabbel Atti 2:5-11.) Tiġdid tat-​tieni tempju beda fi żmien is-​Sultan Erodi, u l-​btieħi tiegħu ġew imkabbrin. Elevat fuq pjattaforma immensa tal-​ġebel u mdawwar minn kolonni sbieħ, kien iħabbatha fil-​maestà mat-​tempju oriġinali mibni minn Salamun. Kien jinkludi bitħa kbira fuq barra għal nies tal-​ġnus li riedu jqimu lil Jehovah. Ċint tal-​ġebel kien jissepara din il-​Bitħa tal-​Ġentili mill-​btieħi taʼ ġewwa rriservati għall-Israeliti biss.

20. (a) Liema distinzjoni li tispikka mmarkat it-​tempju mibni mill-​ġdid? (b) X’wera li l-​Lhud kienu jħarsu lejn it-​tempju b’mod żbaljat, u Ġesù x’għamel b’rispons għal dan?

20 Dan it-​tieni tempju gawda id-​distinzjoni kbira li jkollu lil Bin Alla, Ġesù Kristu, jgħallem ġewwa l-​btieħi tiegħu. Imma bħalma kien il-​każ maʼ l-​ewwel tempju, il-​Lhud inġenerali ma kellhomx ħarsa xierqa lejn il-​privileġġ tagħhom f’li jkunu kustodji tad-​dar t’Alla. Iva, saħansitra ħallew lil merkanti jinnegozjaw fil-​bitħa tal-​Ġentili. Iktar minn hekk, in-​nies kienu jitħallew jużaw it-​tempju bħala passaġġ meta kienu jġorru xi affarijiet madwar Ġerusalemm. Erbat ijiem qabel mewtu, Ġesù naddaf it-tempju minn drawwiet sekulari bħal dawn, fil-​waqt li baqaʼ jgħid: “Ma hemmx miktub, ‘Id-​dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-​talb għall-​ġnus kollha’? Intom, imma, għamiltuha għar tal-​ħallelin!”—Mark 11:15-17.

Alla Jabbanduna D-​Dar Tiegħu Taʼ Fuq L-​Art Għal Dejjem

21. Ġesù x’indika rigward it-​tempju taʼ Ġerusalemm?

21 Minħabba l-​azzjoni kuraġġuża taʼ Ġesù f’li jappoġġja l-​qima pura t’Alla, il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu ddeterminati li joqtluh. (Mark 11:18) Billi kien jaf li kellu jinqatel dalwaqt, Ġesù qal lill-​mexxejja reliġjużi Lhud: “Darkom għad iħalluhielkom ħerba!” (Mattew 23:37, 38) Hu b’hekk indika li dalwaqt Alla ma kellux jaċċetta iżjed il-​forma taʼ qima pprattikata fit-​tempju tipiku f’Ġerusalemm. Dan ma kellux jibqaʼ “dar it-​talb għall-​ġnus kollha.” Meta d-​dixxipli tiegħu indikaw lil Ġesù l-​bini maestuż tat-​tempju, hu qal: “Qegħdin tarawh dan kollu? . . . Hawnhekk ma tibqax ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx!”—Mattew 24:1, 2.

22. (a) Il-​kliem taʼ Ġesù dwar it-​tempju kif twettaq? (b) Minflok ma ċċentraw it-​tamiet tagħhom fuq belt taʼ l-​art, Kristjani bikrin x’fittxew?

22 Il-​profezija taʼ Ġesù twettqet 37 sena wara fis-​sena 70 E.K., meta armati Rumani qerdu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha. Dak ipprovda evidenza drammatika li Alla kien tabilħaqq abbanduna d-​dar tipika tiegħu. Ġesù qatt ma bassar il-​bini mill-​ġdid taʼ tempju ieħor f’Ġerusalemm. Rigward dik il-​belt taʼ l-​art, l-​appostlu Pawlu kiteb lil Kristjani Lhud: “Aħna hawnhekk ma għandniex belt li tibqaʼ għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi.” (Lhud 13:14) Il-​Kristjani bikrin ħarsu ’l quddiem lejn li jsiru parti minn “Ġerusalemm tas-​sema”​—is-​Saltna t’Alla qisha belt. (Lhud 12:22) B’hekk, il-​vera qima taʼ Jehovah m’għadhiex iżjed iċċentrata f’xi tempju fiżiku fuq l-​art. Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw l-​arranġament superjuri li Alla waqqaf għal dawk kollha li jixtiequ jqimuh “fl-​ispirtu u l-​verità.”—Ġwann 4:21, 24. (w96 7/1)

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

◻ Adam u Eva liema relazzjoni m’Alla tilfu?

◻ Karatteristiċi tat-​tabernaklu għala għandhom jinteressawna?

◻ X’nitgħallmu minn attivitajiet fil-​bitħa tat-​tabernaklu?

◻ Alla għala ħalla lit-​tempju tiegħu jiġi meqrud?

[Stampi f’paġna 16, 17]

Tempju Mibni mill-​Ġdid minn Erodi

1. L-​Iktar Qaddis

2. Qaddis

3. Artal Taʼ L-​Offerta Maħruqa

4. Baħar Imdewweb

5. Bitħa Tal-​Qassisin

6. Bitħa Taʼ Israel

7. Bitħa Tan-​Nisa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja