Kristjani—Kunu Kburin bl-Identità Tagħkom!
“Min jiftaħar, ħa jiftaħar b’Ġeħova.”—1 KORINTIN 1:31.
1. Liema tendenza tidher ċara fl-attitudni tan-nies lejn ir-reliġjon?
“APATEIŻMU.” Kummentatur dwar kwistjonijiet reliġjużi dan l-aħħar uża din il-kelma biex jiddeskrivi l-attitudni li ħafna nies għandhom lejn it-twemmin tagħhom. Hu spjega: “L-akbar żvilupp fir-reliġjon moderna żgur li m’huwiex ir-reliġjon—huwa l-attitudni li hi deskritta l-aħjar bħala ‘apateiżmu.’” Meta spjega l-apateiżmu, hu ddeskrivieh “bħala nuqqas taʼ interess fir-reliġjon taʼ dak li jkun.” Hu osserva li ħafna nies “jemmnu f’Alla . . . ; imma xejn ma jinteressahom fih.”
2. (a) Għala ma nissorprendux ruħna mill-fatt li n-nies saru apatetiċi spiritwalment? (b) L-indifferenza b’liema mod hija taʼ periklu għall-Kristjani veri?
2 Din it-tendenza lejn l-apatija ma tissorprendix lill-istudenti tal-Bibbja. (Luqa 18:8) U meta nitkellmu dwar ir-reliġjon b’mod ġenerali, nistennew li nsibu dan in-nuqqas taʼ interess. Ir-reliġjon falza ilha ħafna tqarraq bil-bnedmin u tiddiżappuntahom. (Rivelazzjoni 17:15, 16) Madankollu, għall-Kristjani ġenwini l-ispirtu taʼ nofs qalb u n-nuqqas taʼ żelu li jidher kullimkien huwa perikoluż. Ma nistgħux nissograw li nsiru apatetiċi dwar it-twemmin tagħna u nitilfu ż-żelu fis-servizz tagħna lil Alla u għall-verità tal-Bibbja. Ġesù wissa kontra din il-bruda meta avża lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li kienu jgħixu f’Laodiċija: “La int kiesaħ u lanqas sħun. Nixtieq li kont kiesaħ inkella sħun . . . Għax int fietel.”—Rivelazzjoni 3:15-18.
Naraw Min Aħna
3. Il-Kristjani b’liema aspetti taʼ l-identità tagħhom għandhom għalxiex ikunu kburin?
3 Biex jiġġieldu l-apatija spiritwali, il-Kristjani jrid ikollhom ħarsa ċara dwar min huma, u jridu jkunu kburin b’mod raġunevoli bl-identità differenti tagħhom. Bħala qaddejja taʼ Ġeħova u dixxipli taʼ Kristu, fil-Bibbja nistgħu nsibu deskrizzjonijiet taʼ min aħna. Aħna “xhieda” taʼ Ġeħova, “ħaddiema sħab m’Alla,” hekk kif ninsabu attivi naqsmu “l-aħbar tajba” maʼ oħrajn. (Isaija 43:10; 1 Korintin 3:9; Mattew 24:14) Aħna nies li ‘nħobbu lil xulxin.’ (Ġwanni 13:34) Il-Kristjani veri huma individwi li “bl-użu għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Aħna “dawwala fid-dinja.” (Filippin 2:15) Aħna nistinkaw biex ‘inżommu kondotta tajba fost il-ġnus.’—1 Pietru 2:12; 2 Pietru 3:11, 14.
4. Aduratur taʼ Ġeħova kif jistaʼ jiddetermina x’m’huwiex?
4 L-aduraturi veri taʼ Ġeħova jafu wkoll x’m’humiex. “M’humiex parti mid-dinja,” sewwasew bħalma l-Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu, ma kien ebda parti mid-dinja. (Ġwanni 17:16) Huma jibqgħu separati mill-“ġnus,” li qegħdin “fi dlam mentali u mbegħdin mill-ħajja li jagħti Alla.” (Efesin 4:17, 18) Bħala riżultat, is-segwaċi taʼ Ġesù ‘jwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u jgħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema.’—Titu 2:12.
5. X’jindika t-tħeġġiġ biex ‘niftaħru b’Ġeħova’?
5 Il-fatt li jkollna ħarsa ċara dwar l-identità tagħna u dwar ir-relazzjoni li għandna mal-Ħakkiem Sovran taʼ l-univers iqanqalna ‘niftaħru b’Ġeħova.’ (1 Korintin 1:31) X’tip taʼ ftaħir hu dan? Bħala Kristjani veri, aħna kburin li għandna lil Ġeħova bħala Alla tagħna. Aħna nsegwu t-twissija: “Min irid jiftaħar, b’dan għandu jiftaħar: li għandu d-dehen biex jagħrafni, għax jien hu l-Mulej, li nagħmel it-tjieba, il-ħaqq, u s-sewwa fuq l-art.” (Ġeremija 9:23 [9:24, NW]) Aħna ‘niftaħru’ bil-privileġġ li għandna li nafu lil Alla u li hu jużana biex ngħinu lill-oħrajn.
L-Isfida
6. Għala xi wħud isibuha taʼ sfida li jżommu ċar f’moħħhom l-identità tagħhom bħala Kristjani?
6 Huwa minnu li m’huwiex dejjem faċli li nżommu ċar f’moħħna l-identità unika tagħna bħala Kristjani. Żagħżugħ li trabba bħala Kristjan jiftakar li għal xi żmien hu għadda minn żmien taʼ dgħjufija spiritwali: “Kultant kont inħoss li ma kontx naf għala jien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Kont ili fil-verità minn ċkuniti. Ġieli kont inħoss li din sempliċement kienet reliġjon bħall-kumplament tar-reliġjonijiet stabbiliti l-oħra.” Oħrajn għandhom mnejn ħallew l-identità tagħhom tiġi influwenzata mid-divertiment tad-dinja, mill-mezzi taʼ komunikazzjoni, u mill-ħarsa lejn il-ħajja li hi komuni bħalissa u li m’hijiex fi qbil maʼ dik t’Alla. (Efesin 2:2, 3) Kultant il-Kristjani jgħaddu minn perijodi taʼ inċertezzi u jerġgħu jibdew jikkunsidraw il-valuri u l-miri tagħhom.
7. (a) Liema tip taʼ eżami persunali huwa xieraq li jagħmlu l-qaddejja t’Alla? (b) Liema periklu moħbi jistaʼ jkun hemm?
7 Huwa ħażin li kultant neżaminaw sew lilna nfusna? Le. Għandek mnejn tiftakar li l-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex jibqgħu jeżaminaw lilhom infushom: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Korintin 13:5) L-appostlu hawn kien qed jinkuraġġihom biex jagħmlu sforz xieraq biex jidentifikaw kwalunkwe dgħjufija spiritwali li setgħet żviluppat, bil-mira li jieħdu l-passi meħtieġa biex jirranġawha. Meta Kristjan jgħarbel jekk huwiex fil-fidi, irid jiddetermina jekk kliemu u l-għemejjel tiegħu humiex fi qbil maʼ dak li jgħid li jemmen. Madankollu, jekk ma jsirx kif suppost, eżami tagħna nfusna se jkun bla sens u jistaʼ jeqridna spiritwalment jekk iġagħalna nħossu li rridu nfittxu l-“identità” tagħna jew infittxu tweġibiet li m’humiex konnessi mar-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova jew barra l-kongregazzjoni Kristjana.a Aħna qatt ma rridu ‘nġarrbu nawfraġju fil-fidi tagħna’!—1 Timotju 1:19.
M’Aħniex Meħlusin mill-Isfidi
8, 9. (a) Mosè kif esprima s-sentimenti tiegħu taʼ inċertezzi? (b) Ġeħova kif irreaġixxa meta Mosè ħassu limitat? (ċ) Kif tiġi effettwat meta Ġeħova jserraħlek moħħok?
8 Għandhom il-Kristjani li kultant ikollhom xi inċertezzi jħossuhom li fallew? Dażgur li le! Tabilħaqq, huma jistgħu jsibu l-faraġ mill-fatt li jafu li dawn is-sentimenti m’humiex ġodda. Ix-xhieda leali t’Alla fil-passat esperjenzawhom ukoll. Per eżempju, ejja nikkunsidraw lil Mosè, li wera fidi, lealtà, u devozzjoni straordinarja. Meta ngħata inkarigu li deher kbir wisq, Mosè staqsa b’inċertezza: “Min jien?” (Eżodu 3:11) Milli jidher, it-tweġiba li kellu f’moħħu kienet, ‘Jien ma jien xejn!’ jew ‘M’iniex kapaċi!’ Diversi aspetti mill-isfond taʼ Mosè setgħu ġagħluh iħossu li ma kienx adegwat: Hu kien jappartjeni lil ġens taʼ lsiera. Ġie miċħud mill-Iżraelin. Ma kienx kelliemi fluwenti. (Eżodu 1:13, 14; 2:11-14; 4:10) Hu kien ragħaj, xogħol li l-Eġizzjani ma kinux jaħmluh. (Ġenesi 46:34) Mhux taʼ b’xejn li ma ħassux adegwat biex isir il-ħellies tal-poplu t’Alla mill-jasar!
9 Ġeħova serraħlu moħħu lil Mosè billi tah żewġ wegħdi qawwija: “Jiena nkun miegħek, u dan ikun is-sinjal li jien bgħattek: meta tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom tqimu lil Alla fuq din il-muntanja.” (Eżodu 3:12) Alla kien qed jgħid lill-qaddej dubjuż tiegħu li Hu kien se jkun dejjem miegħu. Barra minn hekk, Ġeħova kien qed jindika li ma kienx se jfalli milli jeħles lill-poplu tiegħu. Tul is-sekli, Alla pprovda wegħdi simili li jagħtu appoġġ. Per eżempju, permezz taʼ Mosè, hu qal lill-ġens taʼ Iżrael hekk kif kienu se jidħlu fl-Art Imwiegħda: “Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom. . . . Il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; m’hux se jħallik, u anqas jitilqek.” (Dewteronomju 31:6) Ġeħova saħħaħ ukoll lil Ġożwè: “Ħadd ma jiqaflek kemm iddum ħaj. . . . Inkun miegħek; ma nħallikx, ma nitilqekx.” (Ġożwè 1:5) U hu jwiegħed lill-Kristjani: “Żgur ma nitilqikx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Ladarba għandna appoġġ qawwi bħal dan żgur li għandna għalxiex inkunu kburin li aħna Kristjani!
10, 11. Il-Levita Asaf kif ġie megħjun iżomm l-attitudni xierqa lejn il-valur tas-servizz tiegħu lil Ġeħova?
10 Xi ħames sekli wara Mosè, Levita leali jismu Asaf kiteb sinċerament rigward id-dubji li kellu, jiġifieri jekk kienx jiswa li wieħed jgħix ħajja retta. Waqt li kien qed jissielet biex jaqdi ’l Alla minkejja l-provi u t-tentazzjonijiet, Asaf ra li xi wħud li kienu jiddieħqu b’Alla bdew jitqawwew u jistagħnu. Asaf kif ġie effettwat? “Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja,” ammetta hu. “Għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi. Għax ġietni l-għira għall-kburin, xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem.” Hu beda jiddubita kemm jiswa li tkun aduratur taʼ Ġeħova. “Mela għal xejn żammejt qalbi safja, u ħsilt idejja b’sinjal taʼ ndafa,” ħaseb Asaf. “Kuljum ġejt imsawwat.”—Salm 73:2, 3, 13, 14.
11 Asaf kif kampa maʼ dawn l-emozzjonijiet li nikktuh? Ipprova hu jinjora dak li kien qed iħoss? Le. Hu esprimiehom fit-talb lil Alla, bħalma naraw f’Salm 73. Asaf biddel fehmtu meta żar is-santwarju tat-tempju. Waqt li kien hemm, hu rrealizza li meta tqis kollox, xejn ma jistaʼ jkun aħjar minn ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla. Ladarba ġedded l-apprezzament spiritwali tiegħu, hu fehem li Ġeħova jobgħod il-ħażen u li fiż-żmien xieraq il-ħżiena kienu se jieħdu l-kastig. (Salm 73:17-19) Fil-proċess, Asaf saħħaħ is-sens taʼ identità tiegħu bħala qaddej privileġġat taʼ Ġeħova. Hu qal lil Alla: “Jiena dejjem miegħek; inti żżommni minn idi l-leminija; skond il-ħsieb tiegħek tmexxini, mbagħad fis-sebħ tilqagħni.” (Salm 73:23, 24) Asaf reġaʼ beda jħossu kburi b’Alla tiegħu.—Salm 34:3 (34:2, NW).
Kienu Jafu Sew Min Kienu
12, 13. Agħti eżempji taʼ karattri Bibliċi li kienu kburin bir-relazzjoni tagħhom m’Alla.
12 Mod wieħed kif insaħħu s-sens tagħna taʼ identità Kristjana hu billi neżaminaw u nimitaw il-fidi taʼ l-aduraturi leali li minkejja l-inkwiet kienu tassew kburin bir-relazzjoni tagħhom m’Alla. Ikkunsidra lil Ġużeppi, bin Ġakobb. Taʼ età żgħira, hu ġie mibjugħ bil-qerq bħala lsir u meħud l-Eġittu, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod minn missieru li kellu l-biżaʼ t’Alla u ’l bogħod sew mill-atmosfera kollha mħabba u appoġġ li kellu d-dar. Meta kien l-Eġittu, Ġużeppi ma setaʼ jmur għand l-ebda bniedem għal pariri fi qbil mar-rieda t’Alla, u kellu jiffaċċja sitwazzjonijiet taʼ sfida li ġarrbulu l-valuri morali tiegħu u wrew kemm kien jistrieħ fuq Alla. Però, hu għamel sforz ħabrieki biex jibqaʼ jiftakar sew min kien bħala qaddej t’Alla, u baqaʼ leali lejn dak li kien jaf li hu tajjeb. Hu kien kburi li kien aduratur taʼ Ġeħova anki f’ambjent kiefer, u ma beżax jesprimi kif iħossu.—Ġenesi 39:7-10.
13 Tmien sekli wara, tfajla Iżraelija li ttieħdet fil-jasar u li saret qaddejja tal-ġeneral Sirjan Nagħman ma nsietx l-identità tagħha bħala aduratriċi taʼ Ġeħova. Meta ġietha l-opportunità, bil-qlubija tat xiehda dwar Ġeħova meta identifikat lil Eliżew bħala profeta taʼ l-Alla veru. (2 Slaten 5:1-19) Snin wara dan, is-Sultan żagħżugħ Ġosija, minkejja li kien f’ambjent korrott, ordna li jsiru riformi reliġjużi permanenti, sewwa t-tempju t’Alla, u mexxa lill-poplu lura lejn Ġeħova. Hu kien iħossu kburi bil-fidi u l-qima tiegħu. (2 Kronaki, kapitli 34, 35) Danjel u t-tliet sħabu Ebrej f’Babilonja qatt ma nsew l-identità tagħhom bħala qaddejja taʼ Ġeħova, u saħansitra meta ġew imġarrbin u ttantati, huma żammew l-integrità tagħhom. Jidher ċar li huma kienu kburin li kienu qaddejja taʼ Ġeħova.—Danjel 1:8-20.
Kun Kburi bl-Identità Kristjana Tiegħek
14, 15. X’jinvolvi li niftaħru bl-identità Kristjana tagħna?
14 Dawn il-qaddejja t’Alla kellhom suċċess għaliex ikkultivaw sens xieraq taʼ kburija bir-relazzjoni tagħhom m’Alla. Xi ngħidu għalina llum? X’jinvolvi li niftaħru bl-identità Kristjana tagħna?
15 L-ewwelnett, dan jinkludi apprezzament profond għall-fatt li aħna wħud mill-poplu li jġorr l-isem taʼ Ġeħova, li għandu l-barka u l-approvazzjoni tiegħu. Alla m’għandux dubji dwar min huma dawk li huma tiegħu. L-appostlu Pawlu, li għex fi żmien taʼ taħwid reliġjuż kbir, kiteb: “Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu.” (2 Timotju 2:19; Numri 16:5) Ġeħova hu kburi b’dawk li “huma tiegħu.” Hu jiddikjara: “Min imiss lilkom imiss il-mimmi taʼ [“għajnejja,” NW].” (Żakkarija 2:12 [2:8 NW]) Jidher ċar li Ġeħova jħobbna. Mill-banda l-oħra, ir-relazzjoni tagħna miegħu għandha tkun ibbażata fuq imħabba profonda għalih. Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.”—1 Korintin 8:3.
16, 17. Għala jistgħu l-Kristjani, kemm żgħar u kemm kbar, ikunu kburin bil-wirt spiritwali tagħhom?
16 Iż-żgħażagħ li trabbew bħala Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu tajjeb li jeżaminaw jekk l-identità Kristjana tagħhom hijiex qed tissaħħaħ permezz taʼ relazzjoni persunali m’Alla. Huma ma jistgħux sempliċement jiddependu mill-fidi tal-ġenituri tagħhom. Dwar kull qaddej t’Alla, Pawlu kiteb: “Jara sidu jekk iżommx wieqaf jew jaqax.” Għalhekk, Pawlu jkompli: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:4, 12) Ovvjament, ma tistax iżżomm relazzjoni intima u dejjiema maʼ Ġeħova mbilli tkompli tradizzjoni tal-familja b’nofs qalb.
17 Matul l-istorja, kien hemm lista sħiħa taʼ xhieda taʼ Ġeħova. Din tibda mir-raġel leali Abel—xi 60 seklu ilu—u twassal għall-“folla kbira” taʼ Xhieda llum u għall-folol t’aduraturi taʼ Ġeħova li se jgawdu futur dejjiemi. (Rivelazzjoni 7:9; Ebrej 11:4) Aħna fost l-iktar grupp reċenti f’din il-lista twila t’aduraturi leali. Kemm għandna wirt spiritwali għani!
18. Il-valuri u l-livelli tagħna kif jagħmluna differenti ħafna mid-dinja?
18 L-identità Kristjana tagħna tinkludi wkoll ġabra taʼ valuri, kwalitajiet, livelli, u karatteristiċi li jidentifikawna bħala Kristjani. Din hija t-“Triq,” l-uniku mod taʼ ħajja li jirnexxi u li jogħġob lil Alla. (Atti 9:2; Efesin 4:22-24) Il-Kristjani ‘jaċċertaw ruħhom minn kollox’ u ‘jżommu sod mat-tajjeb’! (1 Tessalonikin 5:21) Aħna nifhmu sew id-differenza kbira li hemm bejn il-Kristjanità u d-dinja mbiegħda minn Alla. Ġeħova jurina ċar x’inhi d-differenza bejn il-qima vera u dik falza. Permezz tal-profeta tiegħu Malakija, hu ddikjara: “Mill-ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.”—Malakija 3:18.
19. Il-Kristjani veri x’qatt ma se jiġrilhom?
19 Peress li hu importanti ferm li niftaħru b’Ġeħova f’din id-dinja mħawda u bla direzzjoni, x’jistaʼ jgħinna nibqgħu kburin b’mod xieraq b’Alla tagħna u nibqgħu niftakru sew min aħna bħala Kristjani? Se nsibu suġġerimenti t’għajnuna fl-artiklu li jmiss. Waqt li tikkunsidrahom, tistaʼ tkun ċert minn dan: Il-Kristjani veri qatt ma se jsiru vittmi taʼ l-“apateiżmu.”
[Nota taʼ taħt]
a Hawnhekk qed nirreferu biss għall-identità spiritwali tagħna. Xi wħud, minħabba problemi taʼ saħħa mentali, għandhom mnejn ikollhom ifittxu kura professjonali.
Tiftakar Int?
• Il-Kristjani kif jistgħu ‘jiftaħru b’Ġeħova’?
• X’tgħallimt mill-eżempji taʼ Mosè u Asaf?
• Liema karattri Bibliċi kienu kburin bis-servizz tagħhom lil Alla?
• X’inhu involut f’li niftaħru bl-identità Kristjana tagħna?
[Stampa f’paġna 14]
Għal xi żmien, Mosè kien iħossu inċert minnu nnifsu
[Stampi f’paġna 15]
Ħafna qaddejja tal-qedem taʼ Ġeħova tgħaxxqu bl-identità notevoli tagħhom