L-Għerf Biex ‘Tara bil-Quddiem Dak li Se Jiġri’
“HUMA nies li tilfu s-sens komun tagħhom u m’għandhom l-ebda fehma. Li kienu għaqlin, kienu jifhmuh dan u jaraw bil-quddiem dak li se jiġrilhom.”—Dewteronomju 32:28, 29, Beck.
Dan il-kliem qalu Mosè lill-Iżraeliti meta kienu fuq il-fruntiera taʼ l-Art Imwegħda. Mosè kien qed ibassar iż-żmien meta kellhom jitilqu lil Jehovah u ftit li xejn jagħtu importanza għall-konsegwenzi taʼ l-azzjonijiet tagħhom. Matul is-sekli taʼ wara, il-ġens taʼ Iżrael—inkluż ħafna slaten—injoraw it-twissijiet t’Alla.
Per eżempju, Salamun kien jafu l-kmand divin biex ma jiżżewwiġx adoraturi t’allat oħra għajr Jehovah. (Dewteronomju 7:1-4) Minkejja dan, hu kellu “ħafna nisa barranin.” X’kien ir-riżultat? Ir-rakkont Bibliku jistqarr: “Għalhekk ġara li meta Salamun kien imdaħħal sewwa fiż-żmien, in-nisa li kellu dawwrulu tassew qalbu għal wara allat oħra, hekk li qalbu issa ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru.” (1 Slaten 11:1, 4) Għalkemm kien raġel għaref, Salamun naqas li jkollu s-sens komun biex ‘jara bil-quddiem dak li kien se jiġri’ jekk ma jobdix il-kmand t’Alla.
Xi ngħidu għalina? Aħna nistgħu nevitaw ħafna wġigħ jekk naħsbu minn qabel b’mod adegwat għad-deċiżjonijiet tal-ħajja. Per eżempju, il-Kristjani huma mwissijin biex ‘jitnaddfu minn kull faħx tal-ġisem u taʼ l-ispirtu.’ (2 Korintin 7:1, KŻ) Dan huwa għaqli, imma ħafna m’għandhomx is-sens li jaraw bil-quddiem dak li jistaʼ jiġri jekk ma jagħtux kas il-parir taʼ Pawlu. Per eżempju, ħafna żgħażagħ iniġġsu ġisimhom billi jpejpu t-tabakk, għaliex jaħsbu li dan se jagħmilhom jidhru sofistikati u adulti. Kemm tkun ħaġa traġika meta bħala riżultat, iktar tard fil-ħajja, għadd taʼ nies isofru minn problemi tal-qalb, kanċer fil-pulmun, jew enfisema!
Huwa importanti li nikkunsidraw serjament il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna. Kellu raġun Pawlu meta kiteb: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad. Min jiżraʼ f’ġismu jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżraʼ fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja taʼ dejjem.”—Galatin 6:7, 8.