LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 3/1 pp. 14-19
  • Napprezzaw il-Laqgħat Kristjani

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Napprezzaw il-Laqgħat Kristjani
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Laqgħat li Huma Edifikanti
  • Ipprepara Tajjeb
  • Eżempji mill-​Kelma t’Alla
  • L-​Aħjar Eżempju
  • Eżempji taʼ Żmienna
  • Nuru Rispett għal-Laqgħat Sagri Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kif Jistgħu Jgħinuk il-Laqgħat tax-Xhieda ta’ Ġeħova?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Tieħu Sehem f’li Tagħmel il-Laqgħat Kristjani Inkuraġġanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Għala għandna niltaqgħu flimkien għall-qima?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 3/1 pp. 14-19

Napprezzaw il-​Laqgħat Kristjani

“Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mill-​laqgħat tagħna flimkien.”—LHUD 10:24, 25.

1, 2. (a) Għala huwa privileġġ li nattendu laqgħa taʼ Kristjani veri? (b) Ġesù f’liema sens hu preżenti għal-​laqgħat tas-​segwaċi tiegħu?

XI PRIVILEĠĠ li tattendi laqgħa Kristjana, sew jekk ikun hemm inqas minn għaxar adoraturi taʼ Jehovah u sew jekk ikun hemm diversi eluf, għax Ġesù qal: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”! (Mattew 18:20) Veru li meta kien qed jagħmel din il-​wegħda Ġesù kien qiegħed jiddiskuti kwistjonijiet ġudizzjarji li kien jeħtiġilhom jiġu ttrattati b’mod korrett minn dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. (Mattew 18:15-19) Imma jistaʼ l-​kliem taʼ Ġesù jiġi applikat bħala prinċipju għal-​laqgħat kollha Kristjani li jibdew u jagħlqu b’talba f’ismu? Iva. Ftakar li meta Ġesù inkariga lis-​segwaċi tiegħu bix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli, hu wiegħed: “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-​aħħar taż-​żmien.”—Mattew 28:20.

2 Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, il-​Mulej Ġesù Kristu, jinteressa ruħu ferm fil-​laqgħat kollha tas-​segwaċi leali tiegħu. Iktar minn hekk, nistgħu nibqgħu ċerti li jinsab preżenti magħhom permezz taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Atti 2:33; Apokalissi 5:6) Alla Jehovah wkoll juri interess fil-​fatt li aħna niltaqgħu flimkien. L-​iskop primarju taʼ laqgħat bħal dawn huwa biex it-​tifħir jitlaʼ ’l fuq għand Alla “fil-​ġemgħat.” (Salm 26:12) L-​attendenza tagħna għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni hija evidenza taʼ mħabbitna lejh.

3. Għal liema raġunijiet importanti napprezzaw il-​laqgħat Kristjani?

3 Hemm raġunijiet tajbin oħrajn għala napprezzaw il-​laqgħat Kristjani. Qabel ma ħalla l-​art, Ġesù Kristu ħatar lid-​dixxipli midlukin tiegħu biex jaġixxu bħala “rsir leali u diskret” f’li jipprovdu ikel spiritwali f’waqtu lin-​nies taʼ dar il-​fidi. (Mattew 24:45, NW) Mod importanti li bih jiġi mqassam dan l-​ikel spiritwali huwa permezz tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni kif ukoll taʼ laqgħat akbar​—assembleat u konvenzjonijiet. Il-​Mulej Ġesù Kristu jiggwida lil dan l-​irsir leali biex jipprovdi informazzjoni vitali f’dawn il-​laqgħat għal dawk kollha li jridu jsalvaw mit-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar u jiksbu l-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida taʼ tjieba t’Alla.

4. Liema “drawwa” perikoluża hija msemmija fil-​Bibbja, u x’se jgħinna nevitawha?

4 Għaldaqstant, ebda Kristjan ma jistaʼ jippermetti lilu nnifsu li jiżviluppa d-​drawwa perikoluża nnotata mill-​appostlu Pawlu, li kiteb: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mill-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” (Lhud 10:24, 25) Li nimmeditaw fuq il-​privileġġ u l-​benefiċċji taʼ li nattendu għal-​laqgħat Kristjani se jgħinna nappoġġjaw dawn il-​laqgħat lealment u b’qalbna kollha.

Laqgħat li Huma Edifikanti

5. (a) Id-​diskors tagħna x’effett għandu jkollu fil-​laqgħat? (b) Għala m’għandniex nitnikkru f’li nistiednu lil dawk li juru interess biex jattendu l-​laqgħat?

5 Ladarba l-​Kristjani jitolbu għall-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah sabiex jopera fil-​laqgħat Kristjani, kull individwu li jattendi għandu jagħmel l-​almu tiegħu biex jaġixxi f’armonija maʼ l-​ispirtu u mhux ‘inikket l-​Ispirtu s-​Santu t’Alla.’ (Efesin 4:30) Meta l-​appostlu Pawlu kiteb dan il-​kliem imnebbaħ, hu kien qiegħed jiddiskuti l-​użu xieraq tad-​diskors. Dak li ngħidu għandu dejjem jiġi wżat biex “jedifika skond il-​ħtieġa, kliem li jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.” (Efesin 4:29) Dan huwa importanti speċjalment fil-​laqgħat Kristjani. Fl-​ittra tiegħu lill-​Korintin, Pawlu enfasizza l-​bżonn biex il-​laqgħat ikunu edifikanti, istruttivi, u inkuraġġanti. (1 Korintin 14:5, 12, 19, 26, 31) Dawk kollha li jattendu jibbenefikaw minn dawn il-​laqgħat, inklużi l-​ġodda, li għandhom mnejn jikkonkludu: “Tassew li Alla f’nofskom!” (1 Korintin 14:25) Għal din ir-​raġuni, m’għandniex nitnikkru f’li nistiednu lil uħud ġodda li juru interess biex jiġu għal-​laqgħat magħna, għax billi nagħmlu dan, il-​progress spiritwali tagħhom se jkun iktar mgħaġġel.

6. X’inhuma xi fatturi li jgħinu biex il-​laqgħa tkun edifikanti?

6 Dawk kollha li huma assenjati taħditiet, intervisti, jew turijiet f’xi laqgħa Kristjana jridu jkunu ċerti li d-​diskors tagħhom ikun kemm edifikanti u kemm fi qbil mal-​Kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja. Barra milli nlissnu diskors korrett, għandna nesprimu sentimenti u emozzjonijiet li huma f’armonija mal-​personalitajiet kollhom imħabba li għandhom Alla u Kristu. Jekk kulmin jieħu sehem fil-​programm tal-​laqgħa jkun konxju li jirrifletti ‘l-​frott taʼ l-​ispirtu,’ bħall-​ferħ, is-​sabar fit-​tul, u l-​fidi, imbagħad dawk kollha li jattendu żgur li se jħossuhom mibnijin.—Galatin 5:22, 23.

7. Dawk kollha li jattendu kif jistgħu jagħtu sehemhom sabiex il-​laqgħa tkun edifikanti?

7 Għalkemm ftit biss forsi jkollhom sehem fil-​programm tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, kulħadd jistaʼ jagħti sehmu sabiex il-​laqgħa tkun edifikanti. Spiss ikun hemm opportunitajiet għall-​udjenza biex twieġeb xi mistoqsijiet. Dawn huma okkażjonijiet fejn niddikjaraw pubblikament il-​fidi tagħna. (Rumani 10:9) Dawn qatt m’għandhom jintużaw bħala opportunità biex nuru l-​ideat persunali tagħna, biex niftaħru b’dak li nkunu ksibna personalment, jew biex nikkritikaw lil xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin. Ma jkunx dan qiegħed inikket lill-​ispirtu t’Alla? Xi nuqqas taʼ qbil li jistaʼ jkollna maʼ sħabna fit-​twemmin, l-​aħjar li nieħdu ħsiebu privatament, bi spirtu taʼ mħabba. Il-​Bibbja tistqarr: “Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.” (Efesin 4:32) X’opportunità eċċellenti jagħtuna l-​laqgħat Kristjani biex napplikaw dan il-​parir mill-​aħjar! Minħabba f’hekk, ħafna jaslu kmieni u jibqgħu hemm wara li tkun spiċċat il-​laqgħa. Dan ukoll jgħin lil uħud li bdew juru interess u li għandhom ħtieġa speċjali li jħossuhom milqugħin. B’hekk, il-​Kristjani dedikati kollha għandhom irwol x’iwettqu f’li jagħmlu l-​laqgħat edifikanti billi ‘jaraw kif jistgħu jħajru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb.’

Ipprepara Tajjeb

8. (a) Xi wħud liema sagrifiċċji taʼ min ifaħħarhom jagħmlu biex jattendu l-​laqgħat? (b) Jehovah liema eżempju stabbilixxa bħala ragħaj?

8 Waqt li għal xi wħud jistaʼ jkun relattivament faċli li jattendu għal-​laqgħat Kristjani, għal oħrajn dan jirrikjedi sagrifiċċju kontinwu. Per eżempju, omm Kristjana li jkollha toħroġ taħdem biex tipprovdi n-​neċessitajiet tal-​familja tagħha ġeneralment tiġi lura d-​dar għajjiena. Forsi mbagħad ikollha tipprepara l-​ikel u tgħin lit-​tfal tagħha jlestu għal-​laqgħa. Xi Kristjani oħrajn għandhom mnejn joqogħdu ’l bogħod, jew forsi jkunu limitati minħabba mard jew xjuħija. Ċertament li Alla Jehovah jifhem is-​sitwazzjoni taʼ kull wieħed u waħda leali li jattendu għal-​laqgħat, sewwa sew bħalma ragħaj li jħobb jifhem il-​bżonnijiet speċjali tan-​nagħaġ individwali fil-​merħla tiegħu. “Bħal ragħaj,” tistqarr il-​Bibbja, “[Jehovah] jirgħa l-​merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-​ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-​nagħaġ ireddgħu bil-​mod imexxihom.”—Isaija 40:11.

9, 10. Kif nistgħu nieħdu l-​akbar benefiċċju mil-​laqgħat?

9 Dawk li jkollhom jagħmlu sagrifiċċji kbar biex imorru regolarment għal-​laqgħat għandhom mnejn ikunu limitati fil-​ħin li jistgħu jqattgħu jippreparaw il-​materjal li jkun se jiġi kkunsidrat. Meta nżommu l-​iskeda taʼ kull ġimgħa taʼ qari mill-​Bibbja l-​attendenza għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku se tkun iktar premjanti. Bl-​istess mod, meta nippreparaw bil-​quddiem għal-​laqgħat l-​oħrajn, bħalma huma l-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa u l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni, dawn se jkunu iktar taʼ benefiċċju. Billi jaqraw bil-​quddiem il-​materjal taʼ l-​istudju u jikkunsidraw minn taʼ l-​inqas xi wħud mit-​testi Bibliċi ċċitati, dawk li għandhom sitwazzjonijiet fil-​familja li jiħdulhom ħafna ħin se jkunu iktar lesti li jkollhom sehem sinjifikanti f’dawn id-​diskussjonijiet importanti minn fuq il-​Bibbja.

10 Oħrajn, li ċ-​ċirkostanzi tagħhom ma jillimitawhomx daqshekk, jistgħu jqattgħu iktar ħin fil-​preparazzjoni għal-​laqgħat. Per eżempju, jistgħu jagħmlu riċerka fuq l-​iskritturi li jkunu ċċitati imma mhux ikkwotati. B’hekk, ilkoll jistgħu jkunu ppreparati biex jibbenefikaw kemm jistaʼ jkun mil-​laqgħat u jkollhom sehem mill-​aħjar f’li jibnu l-​kongregazzjoni bit-​taħditiet u l-​kummenti tagħhom. Billi jkunu ppreparati tajjeb, l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali se jkunu taʼ eżempju mill-​aħjar f’li jagħtu tweġibiet qosra u konċiżi. Minħabba r-​rispett lejn il-​provvedimenti taʼ Jehovah, dawk li jattendu se jevitaw kwalunkwe affarijiet li jaljenawhom waqt li jkunu għadhom għaddejjin il-​laqgħat.—1 Pietru 5:3.

11. Għala hemm bżonn tad-​dixxiplina fuqna nfusna biex inkunu ppreparati għal-​laqgħat?

11 L-​attivitajiet u d-​divertiment li m’humiex vitali għas-​saħħa spiritwali tagħna għandhom mnejn jiħdulna ħafna mill-​ħin tagħna. Jekk inhu hekk, għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna u ‘ma nkunux bla għaqal’ fl-​użu tagħna tal-​ħin. (Efesin 5:17) Il-​mira tagħna għandha tkun li ‘nixtru ż-​żmien’ minn affarijiet inqas importanti sabiex inqattgħu iktar ħin fi studju persunali tal-​Bibbja u preparazzjoni għal-​laqgħat, kif ukoll fis-​servizz tas-​Saltna. (Efesin 5:16) Irridu nammettu li dan m’huwiex dejjem faċli u jirrikjedi dixxiplina fuqna nfusna. Żgħażagħ li jagħtu kas taʼ dan qegħdin jibnu pedament sod għall-​progress fil-​futur. Pawlu kiteb lil sieħbu iżgħar minnu Timotju: “Dawn il-​ħwejjeġ [il-parir taʼ Pawlu lil Timotju] ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.”—1 Timotju 4:15.

Eżempji mill-​Kelma t’Alla

12. Liema eżempju mill-​aħjar stabbiliet il-​familja taʼ Samwel?

12 Ikkunsidra l-​eżempju mill-​aħjar stabbilit mill-​familja taʼ Samwel, li pparteċipat regolarment fl-​arranġamenti għal-​laqgħat m’adoraturi sħabhom meta t-​tabernaklu t’Alla kien jinsab f’Silo. Il-​membri maskili biss kienu fi dmir li jagħmlu żjajjar annwali għaċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​festi. Imma Elkana, missier Samwel, kien jieħu lill-​familja kollha miegħu meta kien “jitlaʼ Silo mill-​belt tiegħu biex jadura lill-​Mulej taʼ l-​eżerċti u joffrilu sagrifiċċju.” (1 Samwel 1:3-5) Ramatajm-sofim, il-​belt fejn kien joqgħod Samwel, x’aktarx li kienet qrib il-​kosta taʼ dik li llum hija magħrufa bħala Rentis fl-​għoljiet fuq in-​naħa t’isfel tal-​“muntanji taʼ Efrajm.” (1 Samwel 1:1) B’hekk, il-​vjaġġ lejn Silo kien jinvolvi vjaġġ taʼ madwar 30 km, vjaġġ iebes ferm f’dak iż-​żmien. Hekk għamlet lealment il-​familja taʼ Elkana “kull sena, kull meta kienu jitilgħu f’dar il-​Mulej.”—1 Samwel 1:7.

13. Liema eżempju ġie stabbilit minn Lhud leali matul iż-​żmien li Ġesù kien fuq l-​art?

13 Ġesù wkoll trabba bħala parti minn familja kbira. Kull sena vjaġġaw bħala familja minn Nazaret madwar 100 km lejn in-​Nofsinhar biex jattendu għall-​festa tal-​Qbiż f’Ġerusalemm. Hemm żewġ rotot possibbli li setgħu jieħdu. Ir-​rotta l-​iktar diretta kienet tinvolvi niżla għal ġol-​wied taʼ Megiddo u mbagħad triq li titlaʼ ’l fuq madwar 600 m u tgħaddi minn territorju Samaritan u tkompli sa Ġerusalemm. Ir-​rotta l-​oħra popolari kienet dik li Ġesù ħa fl-​aħħar vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm fis-​sena 33 E.K. Din kienet tinvolvi li wieħed jinżel bil-​mixi lejn il-​Wied tal-​Ġordan, li kien iktar baxx mil-​livell tal-​baħar, sa ma jasal sal-​“Lhudija . . . ’l hemm mill-​Ġordan.” (Mark 10:1) Minn hawnhekk, ‘it-​triq li titlaʼ lejn Ġerusalemm’ hija twila madwar 30 km, u tinvolvi telgħa taʼ iktar minn 1,100 m. (Mark 10:32) Folol sħaħ taʼ nies leali li kienu jiċċelebraw il-​festa kienu jagħmluh regolarment dan il-​vjaġġ diffiċli mill-​Galilija sa Ġerusalemm. (Luqa 2:44) X’eżempju mill-​aħjar għall-​qaddejja taʼ Jehovah f’pajjiżi inqas sinjuri llum, li ħafna minnhom jistgħu jattendu għal-​laqgħat Kristjani relattivament bla taħbit taʼ xejn, grazzi għall-​mezzi moderni taʼ trasport!

14, 15. (a) Anna x’eżempju stabbiliet? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​attitudni mill-​aħjar murija minn xi wħud ġodda li jattendu għal-​laqgħat?

14 Eżempju ieħor hu dak taʼ Anna, armla taʼ 84 sena. Il-​Bibbja tistqarr li hi “ma kienet titwarrab qatt mit-​tempju.” (Luqa 2:37) Iktar minn hekk, Anna wriet interess b’imħabba f’oħrajn. Malli rat lit-​tarbija Ġesù u saret taf li kien il-​Messija mwiegħed, x’għamlet? Irringrazzjat lil Alla u bdiet “titkellem fuq it-​tarbija maʼ dawk kollha li kienu jistennew il-​fidwa taʼ Ġerusalemm.” (Luqa 2:38) X’attitudni mill-​aħjar, x’eżempju għall-​Kristjani llum!

15 Iva, li nattendu u nipparteċipaw fil-​laqgħat tagħna tant għandu jkun t’għaxqa għalina li, bħal Anna, qatt ma nkunu rridu nfallu. Ħafna mill-​ġodda ma jistgħux ma jħossuhomx hekk. Billi ħarġu mid-​dlam għal ġod-​dawl taʼ l-​għaġeb t’Alla, huma jridu jitgħallmu kemm jistgħu, u ħafna minnhom juru entużjażmu kbir għal-​laqgħat Kristjani. Mill-​banda l-​oħra, dawk li ilhom fil-​verità jridu joqogħdu għassa li ma jmorrux ‘iħallu l-​imħabba li kienu wrew fil-​bidu.’ (Apokalissi 2:4) Problemi serji taʼ saħħa jew xi fatturi oħrajn li persuna m’għandhiex kontroll fuqhom xi kultant għandhom mnejn jillimitaw l-​attendenza għal-​laqgħat. Imma qatt m’għandna nħallu l-​materjaliżmu, ir-​rikreazzjoni, jew in-​nuqqas taʼ interess iġagħluna nkunu passivi, irregolari, jew mhux ippreparati f’li nattendu għal-​laqgħat.—Luqa 8:14.

L-​Aħjar Eżempju

16, 17. (a) X’kienet l-​attitudni taʼ Ġesù lejn il-​laqgħat Kristjani? (b) Il-​Kristjani kollha liema drawwa tajba għandhom jipprovaw isegwu?

16 Ġesù stabbilixxa eżempju li jispikka f’li juri apprezzament għal-​laqgħat spiritwali. Fl-​età żgħira taʼ 12-il sena, hu wera l-​imħabba tiegħu lejn id-​dar t’Alla f’Ġerusalemm. Il-​ġenituri tiegħu tilfuh imma eventwalment sabuh jiddiskuti l-​Kelma t’Alla maʼ xi għalliema fit-​tempju. B’rispons għat-​tħassib li wrew il-​ġenituri tiegħu, Ġesù bir-​rispett kollu staqsiehom: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu taʼ Missieri?” (Luqa 2:49) B’sottomissjoni, iż-​żagħżugħ Ġesù rritorna mal-​ġenituri tiegħu lejn Nazaret. Hemmhekk kompla juri mħabbtu għal-​laqgħat taʼ qima billi attenda regolarment fis-​sinagoga. B’hekk, meta beda l-​ministeru tiegħu, il-​Bibbja tirrapporta: “U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-​sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar taʼ Sibt, u qam biex jaqra.” (Korsiv tagħna.) Wara li Ġesù qara u spjega Isaija 61:1, 2, l-​udjenza baqgħet ‘mistagħġba għall-​kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.’—Luqa 4:16, 22.

17 Il-​laqgħat Kristjani llum isegwu l-​istess mudell bażiku. Wara li l-​laqgħa tibda b’għanja taʼ tifħir u talba, jinqraw u jiġu spjegati xi versi mill-​Bibbja (jew xi versi kkwotati minn materjal għall-​istudju tal-​Bibbja). Il-​Kristjani veri huma taħt obbligu li jimitaw id-​drawwa tajba taʼ Ġesù Kristu. Sakemm jippermettulhom iċ-​ċirkostanzi, huma jsibu l-​għaxqa tagħhom f’li jattendu regolarment għal-​laqgħat Kristjani.

Eżempji taʼ Żmienna

18, 19. Aħwa f’pajjiżi inqas sinjuri liema eżempji mill-​aħjar stabbilew f’konnessjoni mal-​laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet?

18 F’partijiet inqas sinjuri tad-​dinja, ħafna minn ħutna rġiel u nisa jagħtu eżempju mill-​aħjar t’apprezzament għal-​laqgħat Kristjani. Fil-​Możambik, lil Orlando, indokratur tad-​distrett, u l-​mara tiegħu Amélia, ħaditilhom 45 siegħa biex jimxu 90 km minn fuq muntanja għolja ħalli jmorru jaqdu f’assemblea. Imbagħad riedu jerġgħu jagħmlu l-​istess vjaġġ lura biex jaqdu fl-​assemblea li kien imiss. Orlando modestament irrapporta: “Ħassejna li ma konna għamilna xejn ħdejn dak li għamlu l-​aħwa mill-​kongregazzjoni taʼ Bawa. Biex jattendu l-​assemblea u jerġgħu lura lejn djarhom kellhom jagħmlu vjaġġ taʼ 400 km bil-​mixi, li ħa sitt ijiem, u fosthom kien hemm ħu taʼ 60 sena!”

19 Xi ngħidu dwar l-​apprezzament għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa? Kashwashwa Njamba hija oħt li għandha fuq is-​70 sena. Din toqgħod f’Kaisososi, raħal ċkejken madwar 5 km ’l bogħod mis-​Sala tas-​Saltna f’Rundu, fin-​Namibja. Biex tattendi għal-​laqgħat, timxi bejn wieħed u ieħor 10 km mix-​xagħri. Ħafna kienu ġew attakkati f’din it-​triq, imma Kashwashwa xorta baqgħet tmur. Il-​biċċa l-​kbira tal-​laqgħat ikunu f’lingwi li hi ma tifhimhomx. Mela kif tibbenefika milli tattendi? “Billi nsegwi l-​iskritturi,” tgħid Kashwashwa, “nipprova niskopri fuqiex tkun it-​taħdita.” Imma hi ma tafx taqra, allura kif issegwihom l-​iskritturi? “Noqgħod attenta għall-​iskritturi li naf bl-​amment,” twieġeb hi. U matul is-​snin tgħallmet numru mhux ħażin taʼ skritturi bl-​amment. Biex ittejjeb l-​abbiltà tagħha f’li tuża l-​Bibbja, tattendi klassi organizzata mill-​kongregazzjoni biex titgħallem taqra u tikteb. “Inħobb nattendi għal-​laqgħat,” tgħid hi. “Dejjem ikun hemm affarijiet ġodda x’nitgħallem. Jien nieħu gost nassoċja maʼ l-​aħwa. Avolja ma nkunx nistaʼ nkellem lil kulħadd, dejjem jiġu jkellmuni. U fuq kollox, naf li jekk nattendi għal-​laqgħat qiegħda nferraħ qalb Jehovah.”

20. Għala m’għandniex nabbandunaw il-​laqgħat Kristjani tagħna?

20 Bħal Kashwashwa, miljuni oħrajn t’adoraturi taʼ Jehovah madwar il-​globu juru apprezzament taʼ min ifaħħru għal-​laqgħat Kristjani. Hekk kif id-​dinja taʼ Satana miexja lejn il-​qerda tagħha, ma nistgħux nabbandunaw il-​laqgħat tagħna flimkien. Pjuttost, ejjew nibqgħu mqajmin spiritwalment u nuru apprezzament profond għal-​laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet. Dan mhux biss se jferraħ qalb Jehovah imma se jkun ferm taʼ benefiċċju għalina hekk kif nakkwistaw it-​tagħlim divin li jwassal għall-​ħajja eterna.—Proverbji 27:11; Isaija 48:17, 18; Mark 13:35-37.

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

◻ Għala huwa privileġġ li nattendu għal-​laqgħat Kristjani?

◻ Dawk kollha li jattendu kif jistgħu jagħtu sehemhom sabiex il-​laqgħa tkun waħda edifikanti?

◻ Ġesù stabbilixxa liema eżempju li jispikka?

◻ Liema tagħlima nistgħu nieħdu minn aħwa f’pajjiżi inqas sinjuri?

[Stampa f’paġna 18]

Xhieda bħal dawn fir-​Rumanija jagħtu eżempju mill-​aħjar fl-​apprezzament għal-​laqgħat Kristjani

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja