Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
14-20 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 SAMWEL 14-15
“L-Ubbidjenza Hi Aħjar minn Sagrifiċċju”
it-2 521 ¶2
Ubbidjenza
Xejn ma jieħu post l-ubbidjenza, ma tistax tikseb l-approvazzjoni t’Alla mingħajrha. Bħalma Samwel qal lis-Sultan Sawl: “Jitgħaxxaq Ġeħova bl-offerti tal-ħruq u bis-sagrifiċċji daqskemm jitgħaxxaq b’wieħed li jismaʼ minn leħen Ġeħova? Ara! Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju, li toqgħod attent aħjar mix-xaħam taʼ l-imtaten.” (1Sa 15:22) Jekk ma tobdix tkun qed twarrab il-kelma taʼ Ġeħova, turi li ma temminx, ma tafdax, jew ma jkollokx fidi verament f’dik il-kelma u fis-Sors tagħha. B’hekk, wieħed li ma jobdix mhuwiex differenti minn xi ħadd li jipprattika t-teħbir jew juża l-idoli. (1Sa 15:23; qabbel Rum 6:16.) Dawk li huma sodisfatti b’li jisimgħu u jaċċettaw il-Kelma t’Alla biss, imma ma jagħmlux dak li tgħid, ikunu qegħdin iqarrqu bihom infushom u ma jirċievu l-ebda barka. (Ġk 1:22-25) L-Iben t’Alla għamilha ċara li anke dawk li jagħmlu affarijiet simili għal dawk ikkmandati, imma b’mod ħażin jew bi skop ħażin, qatt ma jidħlu fis-Saltna għax ma jiġux aċċettati.—Mt 7:15-23.
Ġawhar Spiritwali
it-1 493
Mogħdrija
Li ċċedi taħt pressjoni biex turi mogħdrija meta din ma tkunx fi qbil mar-rieda t’Alla jġib konsegwenzi serji. Dan narawh minn dak li ġara lis-Sultan Sawl. Kien wasal iż-żmien biex Ġeħova jiġġudika lill-Għamalekin, l-ewwel nies li attakkaw lill-Iżraelin wara li telqu mill-Eġittu. Sawl ġie kkmandat biex ma jitħassarhomx. Peress li ċeda għall-pressjoni min-nies taʼ madwaru, hu m’obdiex il-kmand taʼ Ġeħova kompletament. B’hekk, Ġeħova ċaħad lil Sawl milli jkun sultan. (1Sa 15:2-24) Meta persuna tkabbar l-apprezzament tagħha għall-mogħdijiet tajbin taʼ Ġeħova u tpoġġi l-ewwel il-lealtà lejh, se tevita li tagħmel żball. Sawl żbalja u tilef l-approvazzjoni t’Alla.
21-27 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 SAMWEL 16-17
Ġawhar Spiritwali
it-2 871-872
Sawl
Kien wara li David ġie midluk bħala s-sultan futur taʼ Iżrael li l-ispirtu taʼ Ġeħova telaq lil Sawl. Minn hemm ’il quddiem “spirtu ħażin minn Ġeħova werwru.” Ladarba Ġeħova neħħa l-ispirtu tiegħu minn fuq Sawl, Hu għamilha possibbli li spirtu ħażin jaħkem lil Sawl. Dan neħħielu l-paċi tal-moħħ u beda jġiegħlu jħossu, jaħseb, u jimmaġina b’mod ħażin. Il-fatt li m’obdiex lil Ġeħova wera li kellu inklinazzjoni ħażina f’moħħu u f’qalbu u l-ispirtu taʼ Ġeħova ma pproteġiehx minn dan. Il-qaddejja taʼ Sawl tkellmu dwar dan l-ispirtu bħala “l-ispirtu ħażin minn Alla” għax Ġeħova ppermetta li “spirtu ħażin” jieħu post l-ispirtu Tiegħu u jwerwer lil Sawl.—1Sa 16:14-23; 17:15.
28 TAʼ MARZU–3 T’APRIL
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 SAMWEL 18-19
Ġawhar Spiritwali
it-2 695-696
Profeta
Għalkemm il-profeti kienu maħturin bl-ispirtu taʼ Ġeħova, ma jidhirx li dawn tkellmu l-ħin kollu taħt ispirazzjoni. Minflok, l-ispirtu t’Alla niżel fuqhom biss f’xi drabi, u rrivelalhom il-messaġġi li kellhom jagħtu. (Eże 11:4, 5; Mik 3:8) Dan affettwahom sal-punt li ġegħelhom jitkellmu. (1Sa 10:10; Ġer 20:9; Għm 3:8) Huma mhux biss għamlu affarijiet mhux tas-soltu, imma wkoll l-espressjoni u l-imġiba tagħhom bla dubju wrew xi ħaġa straordinarja. Sa ċertu punt dan jistaʼ jispjega xi jfisser meta individwi “bdew iġibu ruħhom taʼ profeti.” (1Sa 10:6-11; 19:20-24; Ġer 29:24-32; qabbel At 2:4, 12-17; 6:15; 7:55) Il-mod kif aġixxew bħala profeti setaʼ ġiegħel l-imġiba tagħhom tidher stramba, saħansitra ma tagħmilx sens, għal oħrajn. Meta Sawl, li kien qed ifittex lil David, ġie mġiegħel ‘iġib ruħu taʼ profeta,’ hu neżaʼ ħwejġu u nxteħet “għarwien dak il-jum kollu u dak il-lejl kollu,” u sadanittant David ħarab. (1Sa 19:18–20:1) Dan ma jfissirx li l-profeti neżgħu għarwenin spiss, għax il-Bibbja turi l-kontra. Ir-raġuni għala Sawl neżaʼ għarwien mhux indikat fil-Bibbja.