LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 5/1 pp. 4-7
  • Jistaʼ xi ħadd jara x’hemm fil-futur?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jistaʼ xi ħadd jara x’hemm fil-futur?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KEMM HU PREĊIŻ IT-​TBASSIR T’ALLA?
  • IL-​PROFEZIJI T’ALLA KONTRA T-​TBASSIR TAL-​BNIEDEM
  • IL-​FUTUR TIEGĦEK
  • Min Jistaʼ Jkun Jaf il-Futur?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Jehovah—“Alla Ġust u Salvatur”
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • Profeziji li twettqu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 5/1 pp. 4-7
Omm tgħin lil bintha fil-​ħowmwerk

SUĠĠET PRINĊIPALI

Jistaʼ xi ħadd jara x’hemm fil-​futur?

Kulħadd jaħseb dwar il-​futur. Aħna nitħassbu dwar kif se tkun il-​ħajja għalina u għall-​maħbubin tagħna. Nistaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Se jgħixu wliedi f’dinja aħjar? L-​art se tinqered b’xi diżastru? Hemm xi ħaġa li nistaʼ nbiddel issa biex intejjeb il-​futur tiegħi?’ Din il-​kurżità hija parti minna; nixxennqu b’mod naturali li jkollna assiguranza, ċertezza, ordni, u stabbiltà. Li kieku tistaʼ tkun iktar ċert dwar il-​futur, tkun tistaʼ tipprepara għalih, kemm fiżikament u kemm emozzjonalment.

Mela, x’inhu l-​futur tiegħek? Jistaʼ xi ħadd ikun jaf? Xi professjonisti li jipprovaw ibassru l-​futur kellhom xi ftit suċċessi imma ħadu ħafna żbalji wkoll. Iżda, jintqal li Alla kapaċi jbassar b’eżattezza ġrajjiet li għad iridu jseħħu. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Mill-​bidu ngħid it-​tmiem, u minn żmien twil ilu l-​affarijiet li ma sarux.” (Isaija 46:10) Kemm irnexxielu?

KEMM HU PREĊIŻ IT-​TBASSIR T’ALLA?

Għala għandek tkun interessat f’kemm profeziji tal-​qedem t’Alla rnexxew? Jekk issib lil xi ħadd li jbassar it-​temp u li jkun eżatt kull jum għal żmien twil ħafna, int tibqaʼ impressjonat. Aktarx kont tagħti kas x’qal dwar it-​temp t’għada. B’mod simili, li kellek issir taf li Alla bassar ġrajjiet li mbagħad kollha seħħew, żgur li kont tkun interessat f’dak li jbassar dwar il-​futur tiegħek.

Ħajt mibni mill-​ġdid f’Ninwe, belt li kienet ġiet meqruda

Ħajt mibni mill-​ġdid fir-​rovini taʼ Ninwe tal-​qedem

IL-​QERDA TAʼ BELT KBIRA:

Pereżempju, tkun tassew bravura li b’eżattezza tbassar li belt kbira, setgħana għal ħafna sekli, kienet dalwaqt se tinqered. Permezz taʼ wieħed mill-​kelliema tiegħu, Alla pprofetizza proprju ħaġa bħal din—il-​qerda taʼ Ninwe. (Sofonija 2:13-​15) L-​istorjografi x’kitbu? Fis-​sebaʼ seklu QK, evidentement xi 15-​il sena wara li bassar Alla, il-​Babiloniżi u l-​Medi attakkaw u għelbu lil Ninwe. Iżjed minn hekk, Alla speċifika bil-​quddiem li Ninwe kellha ssir “ħerba, reġjun bla ilma bħax-​xagħri.” Din l-​aħbar bil-​quddiem kienet eżatta? Iva. Għalkemm il-​belt u l-​irħula tagħha setgħu koprew xi 518-​il kilometru kwadru, il-​konkwistaturi tagħha ma żammewx u ma użawx din il-​belt, bħalma jkun mistenni. Pjuttost, qerduha. Setaʼ xi analista politiku jbassar dawn il-​ġrajjiet b’tant eżattezza?

JINĦARAQ L-​GĦADAM TAN-​NIES:

Min setaʼ jażżarda jħabbar—300 sena bil-​quddiem—l-​isem eżatt u l-​antenati speċifiċi taʼ raġel li kellu jaħraq l-​għadam tan-​nies fuq artal, kif ukoll l-​isem tal-​belt fejn l-​artal kien se jkun? Jekk tbassir mhux tas-​soltu bħal dan seħħ, ma kienx jagħmlu famuż lil dak li bassru? Il-​kelliemi t’Alla ħabbar li: “Għad jitwieled iben fid-​dar taʼ David, li jkun jismu Ġosija” u “jaħraq . . . l-​għadam tan-​nies” fuq artal fil-​belt taʼ Betel. (1 Slaten 13:1, 2) Xi tliet sekli wara, sultan jismu Ġosija—isem mhux komuni fil-​Bibbja—ġie mil-​linja tal-​familja taʼ David. Eżattament bħalma kien imbassar, Ġosija “bagħat iġib l-​għadam mill-​postijiet għad-​dfin u ħaraqhom fuq l-​artal” li kien f’Betel. (2 Slaten 23:14-​16) Kif setaʼ xi ħadd ibassar dettalji hekk speċifiċi jekk ma kienx gwidat minn sors sovruman?

L-​armata taʼ Ċiru tidħol Babilonja minn bibien li kienu tħallew miftuħin bħalma kien bassar il-​profeta Isaija

Profeti Bibliċi bassru l-​waqgħa taʼ Babilonja b’eżattezza tal-​għaġeb

TMIEM TAʼ IMPERU:

Kienet tkun ħaġa tal-​għaġeb li kieku bniedem setaʼ jbassar isem taʼ raġel—minn żmien twil qabel ma twieled—li setaʼ jorganizza l-​affarijiet biex tingħeleb qawwa dinjija b’saħħitha, saħansitra juri l-​istrateġija mhux normali li kien se juża, u fuq kollox ikun eżatt. Alla ħabbar li raġel jismu Ċiru kien se jikkonkwista poplu. Dan Ċiru kellu wkoll jeħles lill-​ilsiera Lhud u jappoġġa l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju qaddis tagħhom. Barra minn hekk, Alla bassar li l-​istrateġija tal-​battalja taʼ Ċiru kellha tinkludi li x-​xmajjar kellhom jinxfu u indika li l-​bibien tal-​belt kellhom jitħallew miftuħin, u b’hekk ir-​rebħa tkun faċli. (Isaija 44:27–45:2) Ġew imwettqin bl-​eżatt il-​ħafna dettalji tal-​profezija t’Alla? L-​istorjografi jaqblu li din il-​konkwista taʼ Ċiru attwalment ġrat. L-​armata taʼ Ċiru daħlet għal biċċa xogħol taʼ ħila kbira taʼ li tbiddel id-​direzzjoni taʼ wieħed mill-​passaġġi tal-​ilma taʼ Babilonja, u b’hekk ix-​xmajjar nixfu. Iktar minn hekk, l-​armata daħlet fil-​belt mill-​bibien li kienu tħallew miftuħin. Ċiru mbagħad ħeles lil-​Lhud u ddikjara li setgħu jerġgħu jibnu t-​tempju tagħhom f’Ġerusalemm. Dan kien stramb għax Ċiru ma kienx iqim l-​Alla tal-​Lhud. (Esdra 1:1-​3) Min ħlief Alla setaʼ bassar id-​dettalji taʼ dawk il-​ġrajjiet storiċi?

Semmejna tliet eżempji li juru kif Alla bassar ġrajjiet tal-​futur li twettqu. Dawn mhumiex eżempji uniċi. Il-​mexxej tal-​Lhud Ġożwè stqarr fatt li kien magħruf sew mal-​udjenza kbira tiegħu: “Intom tafu sew b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom. Lanqas kelma waħda ma naqset.” (Ġożwè 23:1, 2, 14) Il-​poplu taʼ Ġożwè ma setax jiċħad kemm kellhom suċċess il-​wegħdi u l-​profeziji t’Alla. Imma dan kif jagħmlu Alla? Hemm differenzi kbar bejn il-​ħsibijiet t’Alla u dawk tal-​bniedem. Tajjeb tkun taf, għax Alla għamel stqarrijiet importanti dwar il-​futur qarib li żgur li se jeffettwawk.

IL-​PROFEZIJI T’ALLA KONTRA T-​TBASSIR TAL-​BNIEDEM

It-​tbassir uman spiss ikun ibbażat fuq fatturi bħalma huma r-​riċerka xjentifika, l-​analisi taʼ fatti u xejriet disponibbli, jew anki opinjonijiet taʼ nies li jgħidu li għandhom għarfien sopranaturali. Wara li jagħmlu t-​tbassir tagħhom, il-​bnedmin ġeneralment joqogħdu jistennew b’idejhom fuq żaqqhom biex jaraw x’se jiġri.—Proverbji 27:1.

B’kuntrast mal-​bnedmin, Alla jaf il-​fatti kollha. Jifhem sew in-​natura u l-​inklinazzjoni tal-​bnedmin; għalhekk, meta jrid, Alla jistaʼ jara minn qabel eżattament kif individwi u popli sħaħ se jaġixxu. Imma Alla jistaʼ jagħmel iktar minn hekk. Jistaʼ anke jikkontrolla jew ibiddel fatturi u xejriet biex ikun ċert minn dak li se jirriżulta. Hu jgħid: “Kelmti li toħroġ minn fommi . . . ma terġax lura lejja mingħajr riżultati, . . . u żgur tirnexxi.” (Isaija 55:11) Mela, f’ċertu sens, ftit mit-​tbassir t’Alla hu iktar bħal avviżi jew dikjarazzjonijiet. Hu jiggarantixxi li dejjem ikollu suċċess.

IL-​FUTUR TIEGĦEK

Hemm xi tħabbir li tistaʼ toqgħod fuqu u li jinvolvi l-​futur tiegħek u tal-​maħbubin tiegħek? Jekk tkun taf minn qabel li riesaq xi uragan, int tistaʼ tieħu passi biex issalva l-​ħajjiet. Tistaʼ tirreaġixxi bl-​istess mod għal profeziji Bibliċi. Alla ħabbar li bidliet kbar dalwaqt se jseħħu madwar id-​dinja kollha. (Ara l-​kaxxa “Xi rrivela Alla dwar il-​futur.”) Dan il-​futur hu differenti mhux ħażin minn dak li jbassru l-​ħafna hekk imsejħin esperti.

Tistaʼ taraha hekk: Id-​dinja għandha storja ġenerali. Din diġà nkitbet u tistaʼ tara bil-​quddiem x’se jkun it-​tmiem. Alla jiddikjara: “Jien li mill-​bidu ngħid it-​tmiem, . . . ngħid, ‘L-​iskop tiegħi se jreġi, u kulma nitgħaxxaq bih nagħmlu.’” (Isaija 46:10) Int u qrabatek jistaʼ jkollkom futur meraviljuż. Staqsi lix-​Xhieda taʼ Ġeħova rigward x’tgħid il-​Bibbja dwar avvenimenti li għadhom ġejjin. Ix-​Xhieda mhumiex psikiċi; lanqas ma jgħidu li jisimgħu ilħna tal-​ispirti jew li għandhom xi qawwa speċjali taʼ teħbir. Huma studenti tal-​Bibbja li jistgħu juruk l-​affarijiet tajbin li Alla qiegħed jipprepara għall-​futur tiegħek.

Jekk teżamina profeziji Bibliċi titgħallem xi ħaġa interessanti dwar il-​personalità t’Alla. Alla jgħidilna x’inhi r-​rieda tiegħu u jurina li mhuwiex apatetiku jew li ma jinteressah xejn mill-​bnedmin. Pjuttost, jimpurtah mill-​futur tagħna. Infatti, iridna nibqgħu ngħixu biex ikollna futur sabiħ.

Xi rrivela Alla dwar il-​futur

Idejn mis-​sema jidderieġu nies ubbidjenti għal mogħdija li twassal għal futur aħjar f’dinja sabiħa
  • Għall-​kuntrarju taʼ dak li jgħidu l-​profeti taʼ jum il-​ġudizzju, Alla jassigurana li l-​pjaneta tagħna Art qatt mhi se tinqered.—Salm 104:5; Ekkleżjasti 1:4.

  • Il-​bnedmin se jkunu qed jeqirdu l-​art meta Alla jindaħal u jwaqqafhom.—Salm 92:7; Rivelazzjoni 11:18.

  • Alla jaf li l-​maġġor parti tar-​reliġjonijiet gidbu dwaru u injoraw il-​Bibbja, u dawn l-​istituzzjonijiet se jeqridhom.—Rivelazzjoni 18:4-​9.

  • Hu l-​gvern tas-​sema t’Alla—u l-​ebda bniedem jew qawwa fuq l-​art—li se jeqred lin-​nies ħżiena u diżubbidjenti kollha. “Il-​futur tan-​nies mill-​agħar se jispiċċa.”—Salm 37:10, 38; Danjel 2:44.

  • Alla se jżomm ħajjin lill-​individwi li hu japprova, u huma se jiffjorixxu fuq art sabiħa. “Osserva lil dak li hu bla ħtija u żomm lir-​rett quddiem għajnejk, għax il-​futur taʼ dak il-​bniedem se jkun mimli paċi.”—Salm 37:11, 37; Rivelazzjoni 21:3, 4.

  • Fil-​Bibbja, Alla b’qalb tajba jispjega kif tistaʼ tikseb l-​approvazzjoni tiegħu u kif jistaʼ ‘jirnexxilek taħrab minn dak kollu li għandu jseħħ.’—Luqa 21:36; Ġwanni 17:3.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja