Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb tat-Tieni Kronaki
IL-KTIEB tal-Bibbja tat-Tieni Kronaki jiftaħ b’Salamun jaħkem bħala s-sultan fuq Iżrael. Il-ktieb jispiċċa bil-kliem li s-Sultan Persjan Ċiru qal lil-Lhud li kienu eżiljati f’Babilonja: “[Ġeħova] qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitlaʼ [Ġerusalemm].” (2 Kronaki 36:23) Il-ktieb tlesta fis-sena 460 Q.E.K. mill-qassis Esdra u jkopri perijodu taʼ 500 sena—mis-sena 1037 Q.E.K. sas-sena 537 Q.E.K.
Permezz tad-digriet taʼ Ċiru, il-Lhud setgħu jmorru lura lejn Ġerusalemm u jerġgħu jistabbilixxu l-qima taʼ Ġeħova hemmhekk. Madankollu, is-snin twal taʼ jasar f’Babilonja ġabu ħafna effetti ħżiena. L-eżiljati li marru lura ma kellhomx għarfien taʼ l-istorja taʼ ġenshom. It-Tieni Kronaki pprovdielhom sommarju ħaj tal-ġrajjiet li seħħew fi żmien is-slaten tal-linja rjali taʼ David. Ir-rakkont hu taʼ interess għalina wkoll għax jenfasizza l-barkiet li jiġu meta nobdu lill-Alla l-veru u l-konsegwenzi meta ma nobduhx.
SULTAN BENA DAR GĦAL ĠEĦOVA
Ġeħova ta lis-Sultan Salamun dak li kienet tixtieq qalbu—għerf u dehen—kif ukoll għana u glorja. Is-sultan bena dar mill-isbaħ għal Ġeħova f’Ġerusalemm, u l-poplu kien ‘ferħan u qalbu hienja.’ (2 Kronaki 7:10) “U s-slaten taʼ l-art għaddiehom ilkoll is-sultan Salamun fl-għana u fl-għerf.”—2 Kronaki 9:22.
Wara li saltan fuq Iżrael għal 40 sena, Salamun ‘straħ maʼ missirijietu, u floku beda jsaltan Reħobogħam.’ (2 Kronaki 9:31) Esdra ma jiktibx dwar meta Salamun dar mill-qima vera. L-uniċi nuqqasijiet li jsemmi dwar is-sultan huma meta hu b’nuqqas t’għaqal kiseb ħafna żwiemel mill-Eġittu u żżewweġ lil bint Fargħun. Għalhekk, il-kronista jippreżenta rakkont mil-lat pożittiv.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:13 (2:14, NW)—Il-linja tal-bniedem tas-sengħa li hi deskritta hawnhekk għala hija differenti minn dik li tinsab fl-1 Slaten 7:14? L-Ewwel Slaten jirreferi għal omm il-bniedem tas-sengħa bħala li kienet “mara armla, mit-tribù taʼ Naftali” minħabba li kienet iżżewġet raġel minn dak it-tribù. Madankollu, hi kienet mit-tribù taʼ Dan. Wara li miet żewġha, hi żżewġet raġel minn Tir, u l-bniedem tas-sengħa kien nisel dan iż-żwieġ.
2:17 (2:18, NW); 8:10—Dawn il-versi jgħidu li n-numru tal-kapijiet ewlenin li kienu jaqdu bħala supretendenti u bħala wħud li kienu jikkmandaw lill-ħaddiema kienu 3,600 u 250, filwaqt li skond l-1 Slaten 5:30 (1 Slaten 5:16, NW); 9:23 kien hemm 3,300 u 550. Il-figuri għala huma differenti? Milli jidher id-differenza qiegħda fil-mod kif ġew klassifikati l-kapijiet ewlenin. Jistaʼ jkun li t-Tieni Kronaki jagħmel differenza bejn it-3,600 raġel li ma kinux Iżraelin u l-250 deputat Iżraeli, filwaqt li l-Ewwel Slaten jagħmel distinzjoni bejn it-3,300 raġel li kienu jikkmandaw u l-550 kap ewlieni li kellhom pożizzjoni iktar għolja. Kien x’kien il-każ, in-numru totali taʼ dawk li qdew bħala kapijiet ewlenin kien 3,850.
4:2-4—Għala ntużat ir-rappreżentazzjoni tal-gniedes fil-bini tal-bażi tal-vaska? Fl-Iskrittura, il-gniedes, jew l-għoġiela, jissimbolizzaw is-saħħa. (Eżekjel 1:10; Rivelazzjoni 4:6, 7) Il-fatt li ntgħażlu l-gniedes bħala rappreżentazzjoni kien xieraq minħabba li t-12-il gendus tal-bronż kienu jżommu l-vaska mdaqqsa, li kienet tiżen madwar 30 tunnellata. Il-fatt li għamlu l-gniedes għal dan l-iskop bl-ebda mod ma kien jikser it-tieni kmandament, li pprojbixxa li jsiru oġġetti biex jintużaw għall-qima.—Eżodu 20:4, 5.
4:5—Il-vaska kemm kienet tesaʼ ilma? Meta l-vaska kienet tkun mimlija setgħet tesaʼ tlett elef batt ilma, jew madwar 66,000 litru. Biss, ġeneralment l-ammont taʼ ilma li kien ikun fiha kien madwar żewġ terzi taʼ l-ammont li kienet tesaʼ. L-Ewwel Slaten 7:26 jgħid: “[Il-vaska] kienet tesaʼ elfejn batt [44,000 litru] ilma.”
5:4, 5, 10—Liema affarijiet mit-tabernaklu oriġinali saru parti mit-tempju taʼ Salamun? L-unika ħaġa mit-tinda tal-laqgħa oriġinali li nżammet fit-tempju taʼ Salamun kienet l-Arka. Wara li nbena t-tempju, it-tabernaklu ttieħed minn Gibgħon għal Ġerusalemm u mid-dehra nżamm hemm.—2 Kronaki 1:3, 4.
Lezzjonijiet Għalina:
1:11, 12. It-talba taʼ Salamun uriet lil Ġeħova li dak li kien għal qalb is-sultan kien il-fatt li jikseb l-għerf u d-dehen. It-talb tagħna lil Alla għandu juri x’inhu dak li hu l-iktar għal qalbna. Ikun għaqli li neżaminaw x’ngħidu fit-talb tagħna.
6:4. Apprezzament sinċier għall-qalb tajba u t-tjubija taʼ Ġeħova se jqanqalna nbierku lil Ġeħova—jiġifieri, infaħħruh b’affezzjoni u gratitudni.
6:18-21. Għalkemm Alla ma jistax joqgħod f’xi bini, it-tempju kien iservi bħala ċ-ċentru taʼ qima taʼ Ġeħova. Illum, is-Swali tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova huma ċentri taʼ qima vera fil-komunità.
6:19, 22, 32. Ġeħova kien se jismaʼ t-talb taʼ kulħadd—mis-sultan sa l-inqas wieħed fil-ġens—anki t-talb tal-barrani li kien imur għandu bis-sinċerità.a—Salm 65:3, 4a (Salm 65:2, NW).
IS-SLATEN FIL-LINJA TAʼ DAVID
Is-saltna magħquda taʼ Iżrael inqasmet fi tnejn—is-saltna taʼ l-għaxar tribujiet fit-tramuntana u s-saltna taż-żewġ tribujiet taʼ Ġuda u Benjamin fin-nofsinhar. Il-qassisin u l-Leviti f’Iżrael kollu kienu leali għall-patt tas-Saltna u mhux għan-nazzjonaliżmu u appoġġaw lil Reħobogħam, bin Salamun. Ftit iktar minn 30 sena wara li tlesta t-tempju, insterqu t-teżori tat-tempju.
Mid-19-il sultan li ġew wara Reħobogħam, 5 kienu leali, 3 bdew tajjeb imma ma baqgħux leali, u wieħed dar minn triq ħażina li kien qabad. Il-kumplament tal-ħakkiema għamlu dak li kien ħażin f’għajnejn Ġeħova.b L-attivitajiet tal-ħames slaten li poġġew il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova huma enfasizzati. Ir-rakkonti taʼ meta Ħeżekija ġedded is-servizzi tat-tempju u taʼ meta Ġosija għamel arranġamenti biex jiċċelebraw il-Qbiż bil-kbir żgur li kienu taʼ inkuraġġiment għal-Lhud li kienu interessati li jerġgħu jistabbilixxu l-qima taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
13:5 (NW)—Xi Bibbji għala jużaw l-espressjoni “patt tal-melħ” għall-espressjoni “patt li ma jitħassarx”? Minħabba li jippreserva, il-melħ sar simbolu taʼ permanenza u immutabilità, jiġifieri ma jkunx hemm bidla. Għalhekk, “patt tal-melħ” jirreferi għal ftehim li ma jinbidilx.
14:2-5; 15-17—Neħħa s-Sultan Asa s-“santwarji” kollha? Mid-dehra le. Jistaʼ jkun li Asa neħħa biss is-santwarji kollha li kienu assoċjati mal-qima t’allat foloz imma mhux dawk li n-nies kienu jużaw biex iqimu lil Ġeħova. Jistaʼ jkun ukoll li xi santwarji reġgħu nbnew fl-aħħar parti tas-saltna t’Asa. Dawn tneħħew minn ibnu Ġosafat. Fil-fatt, is-santwarji ma tneħħewx għalkollox, anki tul il-ħakma taʼ Ġosafat.—2 Kronaki 17:5, 6; 20:31-33.
15:9; 34:6—It-tribù taʼ Simgħon liema waqfa ħa rigward il-firda li kien hemm fis-saltna taʼ Iżrael? Minħabba li bħala wirt irċivew artijiet fit-territorju taʼ Ġuda, it-tribù taʼ Simgħon kien ġeografikament fis-saltna taʼ Ġuda u Benjamin. (Ġożwè 19:1) Madankollu, reliġjożament u politikament it-tribù żamm mas-saltna tat-tramuntana. (1 Slaten 11:30-33; 12:20-24) Għalhekk, Simgħon ġie magħdud mas-saltna taʼ l-għaxar tribujiet.
16:13, 14—Kien il-ġisem t’Asa kkremat? Le. Meta l-Bibbja tgħid li “qabbdulu ħuġġieġa kbira” tkun qed tirreferi għall-fatt li ħarqu xi ħwawar, u mhux li ġie kkremat.
35:3—L-Arka qaddisa fejn kienet qabel ma Ġosija ġabha lura fit-tempju ? Il-Bibbja ma tgħidx jekk l-Arka tneħħietx iktar qabel minn xi wieħed mis-slaten ħżiena jew jekk Ġosija kienx neħħieha għal ftit biex jipproteġiha matul ix-xogħol kbir taʼ tiswija li kien qed isir fit-tempju. L-unika referenza storika li kien hemm għall-Arka wara żmien Salamun kienet meta Ġosija ġabha lura fit-tempju.
Lezzjonijiet Għalina:
13:13-18; 14:10, 11 (14:11, 12, NW); 32:9-23. X’lezzjoni mill-aqwa nistgħu nitgħallmu dwar kemm huwa importanti li nistrieħu fuq Ġeħova!
16:1-5, 7; 18:1-3, 28-32; 21:4-6; 22:10-12; 28:16-22. Alleanza mal-barranin jew maʼ dawk li ma jemmnux għandha konsegwenzi traġiċi. Ikun għaqli jekk nevitaw li ninvolvu ruħna bla bżonn mad-dinja.—Ġwanni 17:14, 16; Ġakbu 4:4.
16:7-12; 26:16-21; 32:25, 26. Is-suppervja ġagħlet lis-Sultan Asa jaġixxi ħażin matul l-aħħar snin taʼ ħajtu. Spirtu supperv wassal għall-qerda t’Għużżija. Ħeżekija aġixxa mingħajr għaqal u wisq probabbli bi kburija meta wera lir-rappreżentanti Babiloniżi t-teżor tiegħu. (Isaija 39:1-7) Il-Bibbja twissi: “Il-kburija hija qabel tisbita, u spirtu mkabbar qabel it-tfixkil.”—Proverbji 16:18.
16:9. Ġeħova jgħin lil dawk li qalbhom hija marbuta bis-sħiħ miegħu, u hu ħerqan biex juża l-qawwa tiegħu għalihom.
18:12, 13, 23, 24, 27. Irridu nkunu kuraġġużi u qalbiena bħal Mikaja meta nitkellmu dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu.
19:1-3. Ġeħova jfittex it-tajjeb fina anki meta jkollu raġunijiet għala jkun irrabjat magħna.
20:1-28. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jħallina nsibuh meta b’umiltà nduru lejh għall-gwida.—Proverbji 15:29.
20:17. Sabiex inkunu nistgħu ‘naraw ir-rebħa tal-Mulej,’ irridu ‘noqogħdu f’postna’ u nibqgħu nappoġġaw b’mod attiv is-Saltna t’Alla. Minflok ma nieħdu l-affarijiet f’idejna, irridu ma ‘niċċaqalqux,’ billi npoġġu l-fiduċja tagħna kollha f’Ġeħova.
24:17-19; 25:14. L-idolatrija kienet nassa għal Ġowas u għal ibnu Amażija. Illum, l-idolatrija tistaʼ tħajjar lil dak li jkun daqs dak iż-żmien, speċjalment meta tiġi f’forom iktar sottili bħalma huma r-regħba jew in-nazzjonaliżmu.—Kolossin 3:5; Rivelazzjoni 13:4.
32:6, 7. Aħna wkoll għandna nkunu kuraġġużi u b’saħħitna hekk kif ‘nilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla’ u nkomplu niġġieldu l-gwerra spiritwali.—Efesin 6:11-18.
33:2-9, 12, 13, 15, 16. Individwu juri li hu verament niedem billi jabbanduna triq ħażina u b’determinazzjoni jagħmel sforz biex jagħmel dak li hu sew. Meta dak li jkun jindem sinċerament, anki jekk individwu jaġixxi ħażin daqs is-Sultan Manassi, jistaʼ jaqlaʼ l-ħniena taʼ Ġeħova.
34:1-3. L-ebda ċirkustanza negattiva li stajna għaddejna minnha meta konna għadna żgħar ma tistaʼ żżommna milli nsiru nafu lil Alla u naqduh. L-influwenza pożittiva li Ġosija setaʼ kellu matul it-tfulija tiegħu setgħet ġiet min-nannu niedem tiegħu, Manassi. Kwalunkwe influwenza pożittiva li Ġosija setaʼ kellu eventwalment ipproduċiet riżultati tajbin. Hekk jistaʼ jiġri lilna.
36:15-17. Ġeħova juri mogħdrija u paċenzja. Madankollu, il-mogħdrija u l-paċenzja tiegħu għandhom limitu. In-nies għandhom iwieġbu b’mod favorevoli għax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna jekk iridu jsalvaw meta Ġeħova jtemm din is-sistema dinjija ħażina.
36:17, 22, 23. Il-kelma taʼ Ġeħova dejjem isseħħ.—1 Slaten 9:7, 8; Ġeremija 25:9-11.
Ktieb Qanqlu Jieħu Azzjoni
“U Ġosija neħħa l-qżiżijiet kollha mill-artijiet kollha li kellhom ulied Iżrael, u ġagħal lil kull min kien jinsab f’Iżrael li jservi lill-Mulej, Alla tagħhom,” jgħid it-2 Kronaki 34:33. X’kien dak li qanqal lil Ġosija biex jagħmel dan? Meta Safan is-segretarju ġab il-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova li kien għadu kif instab għand is-Sultan Ġosija, is-sultan qabbad lil xi ħadd jaqrahulu. Tant kien imqanqal Ġosija b’dak li semaʼ, li hu b’żelu ppromwova l-qima pura matul ħajtu kollha.
Il-qari tal-Kelma t’Alla u l-immeditar fuq dak li naqraw jistgħu jeffettwawna ħafna. Meta nirriflettu fuq ir-rakkonti tas-slaten li ħarġu mil-linja taʼ David, ma niġux aħna inkuraġġiti biex nimitaw l-eżempju taʼ dawk li fdaw f’Ġeħova u nevitaw li naġixxu bħal dawk li ma fdawx fih? It-Tieni Kronaki jqanqalna biex nagħtu d-devozzjoni sħiħa tagħna lill-Alla l-veru u nibqgħu leali lejh. Il-messaġġ tiegħu żgur li hu ħaj u qawwi.—Ebrej 4:12.
[Noti taʼ taħt]
a Għal mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ linawgurazzjoni tat-tempju u lezzjonijiet oħra mit-talba li Salamun qal għal din l-okkażjoni, ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Lulju, 2005, paġni 28-31.
b Għal lista kronoloġika tas-slaten taʼ Ġuda, ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Awissu, 2005, paġna 12.
[Stampa f’paġna 18]
Taf għala kienet xierqa r-rappreżentazzjoni tal-gniedes mal-bażi tal-vaska?
[Stampi f’paġna 21]
Għalkemm bħala tifel ma tantx kellu għajnuna, Ġosija kiber u baqaʼ leali lejn Ġeħova