Ġeħova Jismaʼ l-Għajat Tagħna għall-Għajnuna
“Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.”—SALM 34:16 (34:15, NW).
1, 2. (a) Ħafna nies kif iħossuhom illum? (b) Għala m’għandniex għalfejn ninħasdu b’dan?
TINSAB għaddej minn xi inkwiet jew sofferenza? Jekk iva, m’intix waħdek. Miljuni taʼ nies qed jitħabtu biex ikampaw mal-pressjonijiet taʼ kuljum li jiġu minħabba li qed ngħixu f’din is-sistema mill-agħar. Għal xi wħud, donnu jidher impossibbli li jissaportu dan kollu. Tabilħaqq, huma jħossuhom bħalma ħassu s-salmista David li kiteb: “Mifni nħossni u mfarrak għalkollox; ngħajjat minħabba t-tferfir taʼ qalbi. Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni, id-dawl taʼ għajnejja wkoll naqasni.”—Salm 38:9, 11 (38:8, 10, NW).
2 Bħala Kristjani, is-sofferenzi tal-ħajja ma jaħsduniex. Nifhmu li “l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas” huwa parti mis-sinjal li Ġesù bassar li kellu jimmarka l-preżenza tiegħu. (Mk. 13:8; Mt. 24:3) Il-kelma Griega li hawnhekk hija tradotta “l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas” tirreferi għall-inkwiet jew is-sofferenza in ġenerali. X’deskrizzjoni eżatta tas-sofferenzi kbar li qed iġarrbu n-nies f’dawn iż-żminijiet “kritiċi,” jew ‘iebsa,’ li “diffiċli biex issib tarfhom.”—2 Tim. 3:1; GħBM.
Ġeħova Jifhem is-Sofferenzi Tagħna
3. In-nies taʼ Ġeħova x’jafu tajjeb?
3 In-nies taʼ Ġeħova jafu tajjeb li huma m’humiex meħlusin minn dawn is-sofferenzi, u li dawn il-kundizzjonijiet koroh x’aktarx se jkomplu jmorru għall-agħar. Minbarra dak li jgħaddu minnu l-maġġorparti tal-bnedmin, aħna, bħala l-qaddejja t’Alla, niffaċċjaw ukoll “avversarju . . . ix-Xitan,” li huwa determinat li jkissrilna l-fidi tagħna. (1 Pt. 5:8) Kemm huwa faċli li nħossuna bħalma ħassu David: “It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni; fittixt min jagħdirni, u ma sibt ’il ħadd; u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd”!—Salm 69:21 (69:20, NW).
4. X’jgħinna niksbu l-faraġ meta nkunu qed insofru?
4 Allura David ried ifisser li hu ma kellu l-ebda tama? Le. Innota xi jkompli jgħid f’dan l-istess salm: “Għax jismaʼ l-fqajrin il-Mulej, ma jistmellx l-imjassrin tiegħu,” jew dawk mill-poplu tiegħu li qegħdin fil-jasar. (Salm 69:34 [69:33, NW]) F’sens ġenerali, xi kultant nistgħu nħossuna bħallikieku aħna priġunieri, imjassrin mis-sofferenzi u l-weġgħat tagħna. Naħsbu li l-oħrajn ma jifhmux eżattament is-sitwazzjoni tagħna—u forsi veru ma jifhmuhiex. Imma bħal David, nistgħu niksbu l-faraġ mill-fatt li nafu li Ġeħova jifhem kompletament is-sofferenzi tagħna.—Salm 34:16 (34:15, NW).
5. Is-Sultan Salamun dwar xiex kien fiduċjuż?
5 Salamun, bin David, enfasizza dan il-fatt meta kien qed jiġi dedikat it-tempju f’Ġerusalemm. (Aqra t-2 Kronaki 6:29-31.) Hu talab bil-ħniena lil Ġeħova biex jismaʼ t-talb taʼ kulmin jersaq Lejh b’qalb sinċiera u jgħidlu dwar “il-ġrieħi taʼ qalbu u n-niket tiegħu.” Kif kien se jwieġeb Alla għat-talb taʼ dawn l-uħud muġugħin u li qed isofru? Salamun esprima l-fiduċja tiegħu li Alla mhux talli kien se jismaʼ t-talb tagħhom imma kien ukoll se jieħu azzjoni biex jgħinhom. Għaliex? Għax hu jaf verament x’hemm fil-“qalb taʼ kull bniedem.”
6. Kif nistgħu nkampaw maʼ l-ansjetà, u għala?
6 Bl-istess mod, aħna nistgħu nersqu lejn Ġeħova bit-talb dwar ‘il-ġrieħi taʼ qalbna u n-niket tagħna,’ is-sofferenzi individwali tagħna. Il-fatt li nafu li hu jifhem is-sofferenzi tagħna u jimpurtah minna għandu jfarraġna. L-appostlu Pietru kkonferma dan meta qal: “[Itfgħu] l-ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.” (1 Pt. 5:7) Ġeħova tassew jinteressah minna u minn dak li ngħaddu minnu. Ġesù enfasizza l-mod mimli mħabba kif Ġeħova jieħu ħsiebna meta qal: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.”—Mt. 10:29-31.
Afda fl-Għajnuna taʼ Ġeħova
7. Liema għajnuna nistgħu nkunu ċerti minnha?
7 Bla dubju, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova jrid u għandu l-kapaċità li jgħinna meta nkunu qed insofru. “Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.” (Salm 34:16-19; 46:2 [34:15-18; 46:1, NW]) Alla kif jipprovdiha din l-għajnuna? Ikkunsidra dak li jgħid l-1 Korintin 10:13: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” Ġeħova jistaʼ jimmanuvra l-affarijiet sabiex ineħħilna l-hemm tagħna, jew jistaʼ jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn biex nissaportuh. B’mod jew ieħor, Ġeħova jgħinna.
8. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-għajnuna t’Alla?
8 Kif nistgħu nibbenefikaw minn din l-għajnuna? Innota x’parir qed ningħataw: “[Itfgħu] l-ansjetà kollha tagħkom fuqu.” Dan ifisser li b’mod figurattiv nagħtu lil Ġeħova r-responsabbiltà tal-ħsibijiet u l-problemi kollha tagħna. Nipprovaw ma nibqgħux ninkwetaw imma bil-paċenzja nafdaw fih biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna. (Mt. 6:25-32) Sabiex nafdaw fih b’dan il-mod għandna bżonn inkunu umli, u ma nistriħux fuq is-saħħa jew l-għerf tagħna. Billi numiljaw lilna nfusna “taħt l-id setgħana t’Alla,” nirrikonoxxu l-pożizzjoni baxxa tagħna. (Aqra l-1 Pietru 5:6.) Min-naħa l-oħra, dan imbagħad se jgħinna nkampaw maʼ kwalunkwe ħaġa li Alla jippermetti li tiġrilna. Forsi aħna nixxennqu biex neħilsu mis-sofferenzi tagħna minnufih, imma għandna l-fiduċja li Ġeħova jaf eżatt meta u kif għandu jaġixxi biex jgħinna.—Salm 54:9 (54:7, NW); Is. 41:10.
9. David liema tip taʼ toqol kellu bżonn jixħet fuq Ġeħova?
9 Ftakar fil-kliem taʼ David li nsibu mniżżel f’Salm 55:23 (55:22, NW): “[“Ixħet toqlok,” NW] f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.” Meta David kiteb dan il-kliem, hu kien imnikket ħafna. (Salm 55:5 [55:4, NW]) Hu mifhum li dan is-salm inkiteb meta ibnu Absalom kien qed jippjana biex jaħtaflu s-saltna. L-iktar kunsillier fdat taʼ David, Aħitofel, ngħaqad fil-konfoffa. David kellu jaħrab minn Ġerusalemm għax ħajtu kienet fil-periklu. (2 Sam. 15:12-14) Imma saħansitra f’dawn iċ-ċirkustanzi koroh, David baqaʼ jafda f’Alla, u ma kienx diżappuntat.
10. Xi rridu nagħmlu meta nkunu qed insofru?
10 Huwa vitali li aħna, bħal David, nersqu lejn Ġeħova bit-talb dwar kwalunkwe ħaġa li tkun qed iġġegħelna nsofru. Ejja nikkunsidraw x’ħeġġiġna nagħmlu l-appostlu Pawlu dwar dan. (Aqra Filippin 4:6, 7.) X’se jirriżulta minn talb mimli ħrara bħal dan? “Il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil [qalbna] u l-qawwa mentali [tagħna] permezz taʼ Kristu Ġesù.”
11. “Il-paċi t’Alla” kif tipproteġilna qalbna u l-qawwiet mentali tagħna?
11 Jistaʼ t-talb iġib xi bidla fis-sitwazzjoni tiegħek? Jistaʼ jkun li tinbidel is-sitwazzjoni tiegħek. Madankollu, irridu nirrealizzaw li Ġeħova mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna bil-mod li nistennew aħna. Minkejja dan, it-talb jgħinna nżommu l-bilanċ mentali tagħna, sabiex il-problemi li jkollna ma jegħlbuniex. “Il-paċi t’Alla” tistaʼ tikkalmana meta nkunu mtaqqlin b’sentimenti taʼ niket u wġigħ. Bħal riġment suldati li jiġi inkarigat biex jipproteġi belt minn xi invażjoni taʼ l-għadu, “il-paċi t’Alla” se tipproteġilna qalbna u l-qawwiet mentali tagħna. Se tgħinna wkoll negħlbu d-dubji, il-beżgħat, u l-ħsibijiet negattivi tagħna u żżommna milli naġixxu bl-addoċċ jew b’nuqqas t’għaqal.—Salm 145:18.
12. Agħti tixbiha biex turi kif persuna jistaʼ jkollha l-paċi tal-moħħ.
12 Kif jistaʼ jkollna l-paċi tal-moħħ waqt li nkunu qed insofru? Ikkunsidra tixbiha li f’ċerti aspetti tixbah is-sitwazzjoni tagħna. Wieħed ħaddiem ikollu fuqu maniġer aħrax. Madankollu, il-ħaddiem ikollu l-opportunità li jesprimi dak li jkun qed iħoss mas-sid tal-kumpanija, li hu raġel raġunevoli u qalbu tajba. Is-sid jaċċerta lill-ħaddiem li hu jifhem is-sitwazzjoni u jgħidlu li l-maniġer dalwaqt se jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu. Dan il-kliem kif iġiegħlu jħossu lill-ħaddiem? Il-fatt li jemmen lis-sid u jaf x’se jsir dalwaqt se jsaħħaħlu d-determinazzjoni biex ikompli, avolja sadanittant ikollu jiffaċċja xi diffikultajiet oħrajn. Bl-istess mod, aħna nafu li Ġeħova jifhem is-sitwazzjoni tagħna u jassigurana li dalwaqt “il-ħakkiem taʼ din id-dinja se jitkeċċa ’l barra.” (Ġw. 12:31) Kemm ifarraġna dan!
13. Minbarra li nitolbu, xi rridu nagħmlu iżjed?
13 Allura, huwa biżżejjed li aħna sempliċement nieħdu l-problemi tagħna għand Ġeħova permezz tat-talb? Le. Jinħtieġ iżjed minn hekk. Irridu naġixxu fi qbil mat-talb tagħna. Meta s-Sultan Sawl bagħat lil xi rġiel fid-dar taʼ David biex joqtluh, David talab: “Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija. Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, salvani min-nies qattiela.” (Salm 59:2, 3 [59:1, 2, NW]) Minbarra li talab, David semaʼ minn martu u ħa l-azzjoni neċessarja biex jaħrab. (1 Sam. 19:11, 12) B’mod simili, nistgħu nitolbu għall-għerf prattiku sabiex jgħinna nkampaw maċ-ċirkustanzi li jġegħluna nsofru u forsi nipprovaw intejbuhom.—Ġak. 1:5.
Kif Nistgħu Niksbu s-Saħħa biex Nissaportu
14. X’jistaʼ jgħinna nissaportu meta nkunu għaddejjin minn xi sofferenza?
14 Is-sofferenzi tagħna mhux dejjem jistgħu jitneħħew immedjatament. Anzi dawn jistgħu jkomplu għal xi żmien. Jekk dan ikun il-każ, x’se jgħinna nissaportu? L-ewwel, ftakar li meta nkomplu naqdu lil Ġeħova fedelment minkejja d-diffikultajiet, inkunu qed nagħtu prova taʼ l-imħabba li għandna għalih. (Atti 14:22) Żomm f’moħħok l-akkuża li Satana għamel dwar Ġob: “Kien Ġob se jadurak li kieku ma kien se jakkwista xejn? Int dejjem ipproteġejtu, lilu, lill-familja tiegħu, kif ukoll dak kollu li għandu. Int tbierek kulma jagħmel, u tajtu biżżejjed imrieħel biex jimla l-pajjiż kollu. Imma kieku kellek tiħodlu kulma għandu—hu jisħtek f’wiċċek!” (Ġob 1:9-11, Today’s English Version) Permezz taʼ l-integrità tiegħu, Ġob wera li din l-akkuża kienet gidba sfaċċata. Billi nissaportu f’ċirkustanzi koroh, aħna wkoll ikollna l-opportunità li nagħtu prova li Satana huwa giddieb. Imbagħad, is-sabar tagħna se jsaħħaħ it-tama u l-fiduċja tagħna.—Ġak. 1:4.
15. Liema eżempji jistgħu jsaħħuna?
15 It-tieni, żomm f’moħħok li “sofferenzi bħal dawn qed iseħħu fil-fratellanza kollha fid-dinja.” (1 Pt. 5:9) Iva, “ebda tentazzjoni ma ġiet [fuqek] ħlief dik li tiġi fuq il-bnedmin kollha.” (1 Kor. 10:13) Għaldaqstant, tistaʼ tikseb is-saħħa u l-kuraġġ billi timmedita fuq l-eżempji t’oħrajn minflok ma toqgħod tikkonċentra fuq id-diffikultajiet tiegħek stess. (1 Tess. 1:5-7; Ebr. 12:1) Ħu l-ħin biex taħseb fuq l-eżempju taʼ persuni li taf u li ssaportew fedelment minkejja s-sofferenzi u l-weġgħat. Fittixt xi bijografiji li ġew pubblikati ħalli ssib rakkonti dwar uħud li għaddew minn xi esperjenza simili għal tiegħek? Se ssib li dawn jistgħu jsaħħuk ħafna.
16. Alla kif isaħħaħna meta niffaċċjaw diversi provi?
16 It-tielet, ftakar li Ġeħova huwa “l-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna, biex inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk li jkunu f’kull xorta taʼ tribulazzjoni bil-faraġ li aħna stess qed niġu mfarrġin bih minn Alla.” (2 Kor. 1:3, 4) Huwa bħallikieku Alla qiegħed ħdejna biex jinkuraġġina u jsaħħaħna, mhux biss fit-tribulazzjoni li nkunu għaddejjin minnha imma “fit-tribulazzjoni kollha tagħna.” Dan jgħinna biex inkunu nistgħu nfarrġu lil oħrajn “f’kull xorta taʼ tribulazzjoni.” Pawlu esperjenza personalment kemm hu minnu dan il-kliem.—2 Kor. 4:8, 9; 11:23-27.
17. Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinna niffaċċjaw is-sofferenzi tal-ħajja?
17 Ir-rabaʼ, għandna l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, li “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Tim. 3:16, 17) Il-Kelma t’Alla ma tagħmilniex biss “kapaċi” u ‘armati għal kull għemil tajjeb.’ Tgħinna wkoll niffaċċjaw is-sofferenzi tal-ħajja. Tagħmilna “kapaċi għalkollox” u ‘armati bis-sħiħ.’ Il-kelma oriġinali tradotta “armat bis-sħiħ” letteralment tfisser “mgħammar b’kollox.” Fl-antik, din il-kelma setgħet intużat għal xi dgħajsa li kienet tiġi mgħammra b’kulma kien meħtieġ għall-vjaġġ, jew għal xi magna li kienet kapaċi twettaq kulma kien mistenni minnha. Bl-istess mod, Ġeħova permezz tal-Kelma tiegħu jipprovdilna kulma għandna bżonn biex niffaċċjaw kwalunkwe ħaġa li nistgħu nħabbtu wiċċna magħha. Għaldaqstant, nistgħu ngħidu, “Jekk Alla jippermetti din il-prova, nistaʼ nissaportiha bl-għajnuna tiegħu.”
Ħelsien mis-Sofferenzi Kollha Tagħna
18. Billi niffokaw fuq liema ħaġa se jgħinna nissaportu fedelment?
18 Il-ħames, iffoka dejjem fuq il-fatt meraviljuż li Ġeħova dalwaqt jeħles lill-bnedmin mis-sofferenzi kollha. (Salm 34:20 [34:19, NW]; 37:9-11; 2 Pt. 2:9) Meta dan iseħħ bis-sħiħ, il-ħelsien li se jġibilna Alla ma jkunx ifisser biss il-ħelsien mis-sofferenzi t’issa imma jagħtina wkoll l-opportunità li jkollna ħajja taʼ dejjem, fis-sema maʼ Ġesù jew fuq l-art magħmula ġenna.
19. Kif nistgħu nissaportu fedelment?
19 Sa dak iż-żmien, se nkomplu niffaċċjaw il-kundizzjonijiet koroh taʼ din id-dinja mill-agħar. Kemm nixxennqu għal dak iż-żmien meta dawn ma jibqgħux jeżistu iktar! (Salm 55:7-9 [55:6-8, NW]) Ejja niftakru li jekk nissaportu lealment se nagħtu prova li x-Xitan hu giddieb. Jalla niksbu s-saħħa permezz tat-talb u tal-fratellanza Kristjana tagħna, waqt li nżommu f’moħħna li ħutna qed jesperjenzaw provi simili għal tagħna. Kompli kun kapaċi għalkollox u armat bis-sħiħ billi tagħmel użu tajjeb mill-Kelma t’Alla. Qatt tħalliha tbatti l-fiduċja tiegħek fil-mod mimli mħabba taʼ kif jieħu ħsiebna “l-Alla taʼ kull faraġ.” Ftakar li “għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.”—Salm 34:16 (34:15, NW).
[Taf Twieġeb?
• David kif ħassu dwar is-sofferenzi li ffaċċja?
• Is-Sultan Salamun liema fiduċja esprima?
• X’jistaʼ jgħinna nkampaw maʼ dak li jippermetti Ġeħova?
[Stampa f’paġna 13]
Salamun kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jieħu azzjoni biex jgħin lin-nies Tiegħu li kienu qed isofru
[Stampa f’paġna 15]
David xeħet it-toqol tiegħu fuq Ġeħova permezz tat-talb u mbagħad aġixxa skond dak li talab