Alla Jimpurtah Minna?
QATT issib ruħek titħabat maʼ pressjonijiet emozzjonali minħabba problemi taʼ familja, saħħa, xogħol, jew responsabbiltajiet kbar oħra? Ħafna nies hekk jiġrilhom. U llum min m’huwiex effettwat mill-inġustizzja, il-kriminalità, u l-vjolenza? Tabilħaqq, huwa preċiż bħalma tgħid il-Bibbja: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas.” (Rumani 8:22) Mhux taʼ b’xejn li ħafna nies jistaqsu: ‘Alla jimpurtah? Se jagħmel xi ħaġa biex jgħinna?’
L-għaref Sultan Salamun, f’talba qal lil Alla: “Int waħdek tagħraf il-qalb taʼ kull bniedem.” Salamun kien ċert li Alla mhux biss jafna imma wkoll jimpurtah minna bħala individwi. Kien kapaċi jitlob lil Alla biex ‘jismaʼ mis-smewwiet’ u jwieġeb it-talb taʼ kull individwu li għandu l-biżaʼ t’Alla u li jiftaħ qalbu m’Alla dwar “il-ġrieħi taʼ qalbu u n-niket tiegħu.”—2 Kronaki 6:29, 30.
Illum, Alla Jehovah għadu jimpurtah minna u jistidinna biex insejħulu fit-talb. (Salm 50:15) Hu jwiegħed li se jwieġeb it-talb mill-qalb li jkun fi qbil mar-rieda tiegħu. (Salm 55:17, 23 [55:16, 22, NW]; Luqa 11:5-13; 2 Korintin 4:7) Iva, Jehovah jismaʼ ‘mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-poplu tiegħu kollu jitlob u jitkarrab bil-ħniena.’ Għaldaqstant, jekk nafdaw f’Alla, nitolbu għall-għajnuna tiegħu, u nersqu qrib lejh, hu se jieħu ħsiebna bi mħabba u se jiggwidana. (Proverbji 3:5, 6) Il-kittieb tal-Bibbja Ġakbu jiżgurana: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”—Ġakbu 4:8.