Dak “Alla Tas-Sliem” Jimpurtah Minn Dawk Milqutin Minn Xi Afflizzjoni
IL-BIBBJA tagħmilha ċara li David tal-qedem kien jaf x’jiġifieri l-afflizzjoni. Għal diversi snin hu għex bħala maħrub, segwit bla ħniena minn sultan mill-agħar u stinat, li kien iddeterminat li joqtlu. Matul dan il-perijodu t’afflizzjoni, David ħeba lilu nnifsu f’postijiet imwarrbin. Imma għamel xi ħaġa iżjed minn hekk. Talab bis-serjetà lil Jehovah dwar l-għawġ tiegħu. “B’leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ,” kiteb iżjed tard rigward l-esperjenza kerha tiegħu. “[I]nressaq quddiemu t-tnehid tiegħi, id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed.”—Salm 142:2, 3 [Salm142:1, 2, New World Translation].
Illum, xi wħud għandhom mnejn jiżżuffjettaw b’kemm David kien jistrieħ fuq Alla. Għandhom mnejn jgħidu li t-talb huwa biss teknika psikoloġika biex isserraħ moħħ dak li jkun u li f’termini prattiċi huwa ħela taʼ ħin. Madankollu, il-fiduċja li David kellu f’Alla kienet f’waqtha, għaliex l-għedewwa tiegħu eventwalment ġew megħlubin. Hu u jiftakar fl-esperjenza tiegħu, David kiteb: “Dan il-fqajjar [“afflitt,” NW] sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.” (Salm 34:7 [Salm 34:6, NW]) Dak Alla veru, li David dar lejh, x’imkien ieħor hu msejjaħ “Alla tas-sliem.” (Filippin 4:9; Lhud 13:20) Se jserraħna mill-afflizzjoni, b’mod li se jirriżulta f’paċi għalina?
Jehovah Jimpurtah Minnek
Jehovah m’huwiex indifferenti rigward l-għawġ tal-poplu tiegħu. (Salm 34:16 [Salm 34:15, NW]) Hu attent għall-bżonnijiet mhux biss tal-qaddejja tiegħu bħala grupp imma wkoll taʼ kull individwu li jibżaʼ minnu. Meta ddedika t-tempju f’Ġerusalemm tal-qedem, Salamun talab bil-ħerqa lil Jehovah biex jagħti widen “[i]mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-poplu tiegħek kollu taʼ Israel, jitlob u jitkarrab bil-ħniena; kull meta xi ħadd jistqarr il-ġrieħi taʼ qalbu u n-niket tiegħu.” (Korsiv tagħna.) (2 Kronaki 6:29) Bħalma rrikonoxxa Salamun, kull individwu għandu l-afflizzjoni partikulari tiegħu x’jissaporti. Għal xi ħadd jistaʼ jkun xi mard fiżiku. Għal xi ħadd ieħor, inkwiet emozzjonali. Xi wħud jistgħu jsofru afflizzjoni bil-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Il-qgħad, l-għaks ekonomiku, u l-problemi tal-familja huma wkoll afflizzjonijiet komuni f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Aħseb għal mument dwar ‘il-ġrieħi taʼ qalbek u n-niket tiegħek.’ Forsi f’xi waqtiet ħassejtek bħalma ħassu s-salmista David, li kiteb: “Fittixt min jagħdirni, u ma sibt ’il ħadd; u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd.” Madankollu tistaʼ tibqaʼ ċert li Alla jimpurtah mis-sitwazzjoni tiegħek, għaliex iktar tard fl-istess salm, David kiteb: “Għax jismaʼ l-fqajrin il-Mulej, ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.”—Salm 69:21, 34 [Salm 69:20, 33, NW].
Billi napplikaw il-kliem taʼ David f’sens akbar, nistgħu nibqgħu żguri li l-Ħallieq taʼ l-umanità jagħti widen għat-talb taʼ dawk li huma mjassrin, biex ngħidu hekk, mill-afflizzjonijiet tagħhom. Iżjed minn hekk, hu jirreaġixxi għall-istat li jkunu fih. Ikkunsidra l-istqarrijiet li ġejjin li jikxfu l-mogħdrija li Jehovah għandu għal dawk milqutin minn xi afflizzjoni.
“La taħqrux l-armla jew l-iltim; għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi tixgħel.”—Eżodu 22:21-23 [Eżodu 22:22-24, NW].
“Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?”—Luqa 18:7.
“Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”—Salm 72:12-14.
“Min imiss lilkom [il-poplu t’Alla fuq l-art] imiss il-mimmi taʼ għajnej[ja].”—Żakkarija 2:12 [Żakkarija 2:8, NW].
Dawn il-ftit eżempji juru l-interess profond tal-Ħallieq tagħna fil-ġid tal-poplu tiegħu. Għalhekk, għandna raġuni valida sabiex insegwu t-twissija taʼ l-appostlu Pietru: “Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.” (1 Pietru 5:7) Imma kif se jgħinna Alla matul iż-żminijiet t’afflizzjoni?
Kif Alla Jgħin Lil Dawk Milqutin Minn Xi Afflizzjoni
Bħalma rajna, meta David sofra minn afflizzjoni, hu talab bis-serjetà lil Alla għall-gwida. Fl-istess ħin, ħa l-inizjattiva biex itaffi s-sitwazzjoni, billi ħaddem moħħu biex jaħrab minn dawk li kienu qegħdin jipprovaw jaqbduh. B’hekk, serħan fuq Jehovah flimkien maʼ sforz persunali għen lil David biex jissaporti l-għawġ tiegħu. X’nistgħu nitgħallmu minn dan?
Meta niġu ffaċċjati minn xi afflizzjoni, ċertament li m’huwiex żbaljat għalina li nieħdu inizjattiva raġonevoli biex insolvu l-problema. Per eżempju, jekk Kristjan isib ruħu mingħajr impjieg, m’huwiex hu se jagħmel ħiltu biex isib ix-xogħol? Jew jekk qiegħed isofri minn tbatija fiżika, m’huwiex hu se jfittex assistenza medika? Tabilħaqq, saħansitra Ġesù, li kellu l-qawwa li jfejjaq kull xorta taʼ mard, irrikonoxxa li ‘t-tabib jeħtiġuh dawk li huma morda.’ (Mattew 9:12; qabbel 1 Timotju 5:23.) M’għandniex xi ngħidu, ċertu għawġ ma jistax jitneħħa; wieħed sempliċement irid jissaportih. Minkejja dan, Kristjan veru ma jqisx is-sofferenza bħala virtù fiha nfisha, bħalma jagħmlu xi wħud. (Qabbel 1 Slaten 18:28.) Minflok, hu jagħmel dak li jistaʼ biex ikampa maʼ l-afflizzjoni tiegħu.
Fl-istess ħin, iżda, huwa raġonevoli li nieħdu l-kwistjoni quddiem Jehovah fit-talb. Għala? L-ewwel, billi nistrieħu fuq il-Ħallieq tagħna, aħna niġu mgħejjunin biex ‘nagħrfu nagħżlu l-aħjar.’ (Filippin 1:10) Per eżempju, meta nfittxu xi impjieg, serħan bit-talb fuq Alla se jgħinna biex ma naċċettawx xogħol li jkun f’konflitt mal-prinċipji tal-Bibbja. Se nevitaw ukoll li ‘noħorġu barra mit-triq tal-fidi’ minħabba l-imħabba għall-flus. (1 Timotju 6:10) Verament, meta nieħdu deċiżjonijiet tqal—rigward impjieg jew xi aspett ieħor tal-ħajja—jeħtieġ li nsegwu t-twissija taʼ David: “Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.”—Salm 55:23 [Salm 55:22, NW].
It-talb jgħinna wkoll biex inżommu l-bilanċ mentali tagħna, sabiex l-afflizzjoni tagħna ma tirkibniex. L-appostlu Pawlu kiteb: “Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.” B’liema riżultat? “[I]s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Iva, sliem, is-sliem t’Alla. Dak is-sliem “jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem,” sabiex ikun jistaʼ jagħmilna stabbli meta nkunu mtaqqlin b’emozzjonijiet li jinkwetawna. Se ‘jżommilna qalbna u moħħna sħaħ,’ u b’hekk jgħinna nevitaw li nirreaġixxu bil-għaġġla u bla għaqal, għax dan jistaʼ jżid maʼ l-afflizzjoni tagħna.—Koħèlet 7:7.
It-talb jistaʼ jagħmel saħansitra iżjed. Jistaʼ jagħmel differenza f’kif tiżviluppa sitwazzjoni. Ikkunsidra eżempju mill-Bibbja. Meta l-appostlu Pawlu kien fil-ħabs ġewwa Ruma, inkuraġġixxa lil Kristjani sħabu biex jitolbu għalih. Għala? “Dan wisq aktar nitlobkom tagħmluh,” kitbilhom, “biex nerġaʼ nkun magħkom mill-aktar fis.” (Lhud 13:19) Pawlu kien jaf li t-talb persistenti taʼ sħabu fit-twemmin setaʼ jagħmel differenza rigward meta kellu jinħeles.—Filemon 22.
Sejjer it-talb ibiddel ir-riżultat taʼ l-afflizzjoni tiegħek? Jistaʼ jkun. Għandna nirrealizzaw, iżda, li Jehovah mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna bil-mod li nippretendu aħna. Pawlu, per eżempju, talab ripetutament rigward ix-‘xewka f’ġismu’—forsi xi problema fiżika relatata mal-vista t’għajnejh. Minflok ma neħħa l-afflizzjoni, Alla qal lil Pawlu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħ[h]a fejn hemm id-dgħajjef.”—2 Korintin 12:7-9.
Mela xi drabi l-għawġ tagħna mhux se jitneħħa. Minflok, se jkollna l-opportunità li nagħtu prova taʼ kemm nistrieħu fuq il-Ħallieq tagħna. (Atti 14:22) Barra minn hekk, nistgħu nibqgħu żguri li saħansitra jekk Jehovah ma jneħħix l-afflizzjoni, hu se ‘jagħtina l-qawwa u l-għajnuna biex inkunu nifilħu għaliha.’ (1 Korintin 10:13) Iva, huwa xieraq li Jehovah jissejjaħ “Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-hemm kollu tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4) Hu jagħtina dak li neħtieġu biex nissaportu bi sliem konsiderevoli.
Dalwaqt—Dinja Mingħajr Afflizzjoni!
Il-Ħallieq iwiegħed li permezz tas-Saltna tiegħu, dalwaqt se jtemm l-afflizzjonijiet taʼ l-umanità. Kif se jwettqu dan? Billi jneħħi lil Satana x-Xitan, ix-xewwiexi ewlieni taʼ l-afflizzjoni u l-għadu fuq quddiem tas-sliem, dak li l-Bibbja tidentifikah bħala “l-alla taʼ din id-dinja.” (2 Korintin 4:4) Imma l-kontroll tiegħu fuq l-umanità dalwaqt se jispiċċa. Il-fatt li se jiġi eliminat se jiftaħ it-triq għal barkiet bla għadd li se jiġu fuq dawk li jibżgħu minn Alla. Il-Bibbja twiegħed li Jehovah se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:1-4.
Tidher inkredibbli dinja mingħajr afflizzjoni? Tant drajna ngħixu maʼ l-għawġ li diffiċli biex nimmaġinaw li ma jkunx jeżisti. Imma ħelsien mill-biżaʼ, l-anzjetà, u l-gwaj huwa sewwa sew dak li Alla kellu f’moħħu għall-umanità meta ħalaqna, u l-iskop tiegħu se jirnexxi.—Isaija 55:10, 11.
Imma kif u meta se jiġi s-sliem litterali madwar il-globu kollu? Ejjew naraw fl-artikli li jmiss. (w97 4/15)
[Kaxxa f’paġna 5]
Il-Ħafna Aspetti taʼ l-Afflizzjoni
▪ Madwar kwart taʼ miljun mill-popolazzjoni tad-dinja jgħixu f’faqar estrem, u miljuni iżjed jgħixu f’kundizzjonijiet sotto-umani li jheddu l-għajxien tagħhom.
▪ Iżjed minn 200 miljun tifel u tifla m’għandhomx x’jieklu biżżejjed.
▪ Kull sena d-dijarrea toqtol madwar tliet miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin.
▪ Mard li jittieħed qatel xi 16.5 miljun ruħ fl-1993 biss. Peress li xi pajjiżi jikkategorizzaw il-mard b’modi differenti, in-numru eżatt għandu mnejn li huwa ħafna iżjed.
▪ Huwa stmat li madwar 500 miljun ruħ qegħdin jiġu effettwati minn xi tip taʼ problema mentali.
▪ Ir-rati taʼ suwiċidji qegħdin jikbru iżjed malajr fost iż-żgħażagħ milli fost kwalunkwe età oħra.
▪ “Il-ġuħ u l-qgħad saru tbajjaʼ fuq id-dinja,” jistqarr The Unesco Courier. “Hemm 35 miljun ruħ bla xogħol fis-sebgħa mill-iżjed pajjiżi għonja tad-dinja, u fil-Brażil biss hemm 20 miljun ħaddiem li għalihom li jkollhom impjieg lanqas biss ifisser li jkollhom biżżejjed x’jieklu.”
[Stampi f’paġna 6]
It-talb jistaʼ jgħinna niffokaw fuq il-wegħda t’Alla għal dinja mingħajr afflizzjoni