LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 5/15 pp. 18-23
  • Uri l-Qalb Tajba bl-Imħabba maʼ Dawk fil-Bżonn

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri l-Qalb Tajba bl-Imħabba maʼ Dawk fil-Bżonn
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Qalb Tajba u l-​Qalb Tajba bl-​Imħabba
  • Missier Juri Qalb Tajba bl-​Imħabba
  • Il-​Qalb Tajba bl-​Imħabba Tintwera minn Iben
  • Il-​Qalb Tajba bl-​Imħabba Tintwera mill-​Mara tat-​Tifel
  • Murija bl-​Azzjonijiet
  • Murija mill-​Qalb
  • Uri Qalb Tajba bl-​Imħabba maʼ Dawk fil-​Bżonn
  • Nibbenefikaw mill-Qalb Tajba bl-Imħabba taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ħalli “l-Liġi tal-Qalb Tajba bl-Imħabba” Tħarislek Ilsienek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Dejjem Iġri Wara l-Qalb Tajba bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • “Mara mill-Aħjar”
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 5/15 pp. 18-23

Uri l-​Qalb Tajba bl-​Imħabba maʼ Dawk fil-​Bżonn

“Uru tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” “NW”] . . . lil xulxin.”—ŻAKKARIJA 7:9.

1, 2. (a) Għala għandna nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

IL-​KELMA t’Alla Jehovah tħeġġiġna biex inħobbu “t-​tjieba [il-qalb tajba bl-​imħabba].” (Mikea 6:​8, Saydon) Tagħtina wkoll raġunijiet għala għandna nagħmlu dan. Waħda minnhom hi li “min hu ħanin [“taʼ qalb tajba bl-​imħabba,” NW] ġid lilu nnifsu jagħmel.” (Proverbji 11:17) Kemm huwa minnu dan! Meta nuru qalb tajba bl-​imħabba, jew imħabba leali, jinħolqu rabtiet m’oħrajn li jkunu mimlijin b’sentimenti t’affezzjoni u li jibqgħu għal dejjem. Bħala riżultat ikollna ħbieb leali—rigal prezzjuż tassew!—Proverbji 18:24.

2 Iktar minn hekk, l-​Iskrittura tgħidilna: “Min jimxi bil-​ġustizzja u t-​tjieba [“il-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW] ikollu [il-]ħajja.” (Proverbji 21:21) Iva, jekk infittxu li nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba Alla se jgħożżna u se jagħtina l-​opportunità li ngawdu barkiet fil-​futur, inkluż il-​ħajja taʼ dejjem. Imma kif nistgħu nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba? Lil min għandna nuruha wkoll? U l-​qalb tajba bl-​imħabba kif inhi differenti mill-​qalb tajba li juru l-​bnedmin normalment jew b’mod ġenerali?

Il-​Qalb Tajba u l-​Qalb Tajba bl-​Imħabba

3. Il-​qalb tajba bl-​imħabba kif inhi differenti mill-​qalb tajba?

3 Il-​qalb tajba li tintwera normalment u lqalb tajba bl-​imħabba huma differenti minn xulxin b’diversi modi. Per eżempju, dawk li juru qalb tajba taʼ spiss jagħmlu dan mingħajr ma jkollhom ġibda, jew relazzjoni, profonda u persunali maʼ l-​individwi li jittrattaw bil-​ħlewwa. Madankollu, jekk nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba maʼ xi ħadd, aħna bi mħabba nkunu qed norbtu qalbna maʼ dik il-​persuna. Fil-​Bibbja, l-​espressjonijiet taʼ qalb tajba bl-​imħabba bejn il-​bnedmin jistgħu jkunu bbażati fuq relazzjonijiet li jkunu jeżistu diġà bejniethom. (Ġenesi 20:13; 2 Samwel 3:8; 16:17) Jew jistgħu jkunu bbażati fuq relazzjonijiet li jkunu żviluppaw wara li tkun intweriet qalb tajba bl-​imħabba xi drabi qabel. (Ġożwè 2:​1, 12-​14; 1 Samwel 15:6; 2 Samwel 10:​1, 2) Biex nuru din id-​differenza, ejja nqabblu żewġ eżempji mill-​Bibbja, wieħed taʼ qalb tajba u l-​ieħor taʼ qalb tajba bl-​imħabba li l-​bnedmin urew maʼ xulxin.

4, 5. Iż-żewġ eżempji Bibliċi msemmijin kif juru d-​differenza bejn il-​qalb tajba u l-​qalb tajba bl-​imħabba?

4 Eżempju wieħed taʼ qalb tajba huwa konness maʼ grupp taʼ nies li ġarrbu nawfraġju u li fosthom kien hemm l-​appostlu Pawlu. Il-​mewġ ġarrhom fuq ix-​xatt tal-​gżira taʼ Malta. (Atti 27:37–28:1) Għalkemm il-​Maltin ma kellhom l-​ebda rabta maʼ dawn il-​vjaġġaturi mitlufin u ma kien hemm l-​ebda relazzjoni bejniethom, in-​nies tal-​gżira laqgħu l-​istranġieri bl-​ospitalità, u wrewhom “ħlewwa li ma bħalha.” (Atti 28:​2, 7) L-​ospitalità tagħhom uriet il-​qalb tajba li kellhom, imma dak li ġara kien b’kumbinazzjoni u maʼ wħud li ma kinux jafuhom. Għalhekk kienet qalb tajba umana.

5 Issa biex tagħmel paragun, ikkunsidra l-​ospitalità li wera s-​Sultan David maʼ Mefiboset, iben il-​ħabib tiegħu Ġonatan. David qal lil Mefiboset: “Inti tiekol mill-​mejda tiegħi għal dejjem.” Sabiex jispjegalu għala kien qed jagħmel dan l-​arranġament, David qallu: “Se nagħmel ħniena [“neżerċita qalb tajba bl-​imħabba,” NW] miegħek f’ġieħ Ġonatan missierek.” (2 Samwel 9:​6, 7, 13) L-​ospitalità kontinwa taʼ David bix-​xieraq tissejjaħ espressjoni taʼ qalb tajba bl-​imħabba, mhux sempliċement qalb tajba, għax kienet evidenza tal-​lealtà tiegħu lejn relazzjoni stabbilita. (1 Samwel 18:3; 20:​15, 42) Bl-​istess mod illum, il-​qaddejja t’Alla juru qalb tajba man-​nies b’mod ġenerali. Madankollu, huma jesprimu qalb tajba bl-​imħabba, jew imħabba leali, kontinwament maʼ wħud li r-​relazzjoni li għandhom magħhom hija approvata minn Alla.—Mattew 5:45; Galatin 6:10.

6. Liema karatteristiċi tal-​qalb tajba bl-​imħabba murija bejn in-​nies jispikkaw fil-​Kelma t’Alla?

6 Biex nidentifikaw karatteristiċi oħra tal-​qalb tajba bl-​imħabba, se nikkunsidraw fil-​qosor tliet rakkonti Bibliċi li fihom toħroġ din il-​kwalità. Minnhom se ninnotaw li n-​nies juru l-​qalb tajba bl-​imħabba (1) b’azzjonijiet speċifiċi, (2) mill-​qalb, u (3) speċjalment maʼ dawk fil-​bżonn. Iktar minn hekk, dawn ir-​rakkonti juru kif aħna nistgħu neżerċitaw il-​qalb tajba bl-​imħabba llum.

Missier Juri Qalb Tajba bl-​Imħabba

7. Il-​qaddej t’Abraham x’qalilhom lil Betwel u lil Laban, u liema kwistjoni qajjem il-​qaddej?

7 Ġenesi 24:​28-67 jirrakkonta l-​bqija taʼ l-​istorja tal-​qaddej t’Abraham, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel. Wara li ltaqaʼ maʼ Rebekka, dan ġie mistieden f’dar missierha, Betwel. (Versi 28-32) Hemmhekk il-​qaddej irrakkonta fid-​dettall dwar it-​tfittxija tiegħu għal mara għat-​tifel t’Abraham. (Versi 33-47) Hu enfasizza l-​fatt li għalih is-​suċċess li kellu sa dak il-​ħin kien sinjal minn Jehovah, “li mexxieni fit-​triq it-​tajba biex nieħu bint ħu sidi għal ibnu.” (Vers 48) Il-​qaddej bla dubju ttama li jekk jirrakkonta mill-​fond taʼ qalbu dwar dak kollu li għadda minnu kien se jikkonvinċi lil Betwel u lil ibnu Laban li Jehovah kien qed ibierek l-​inkarigu tiegħu. Fl-​aħħar, il-​qaddej qal: “Jekk intom tridu turu t-​tjieba [“il-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW] u tagħmlu s-​sewwa maʼ sidi, għiduli: jekk le għiduli wkoll, sabiex indur lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug.”—Vers 49.

8. Betwel kif irreaġixxa għall-​kwistjoni li kienet tinvolvi lil Rebekka?

8 Jehovah kien diġà wera qalb tajba bl-​imħabba m’Abraham. (Ġenesi 24:​12, 14, 27) Kien Betwel lest li minn qalbu jagħmel l-​istess ħaġa u jħalli lil Rebekka tmur mal-​qaddej t’Abraham? Kienet il-​qalb tajba bl-​imħabba tal-​bniedem se tikkomplementa l-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla? Jew kien se jkun għalxejn il-​vjaġġ twil li għamel il-​qaddej? Żgur li kien taʼ faraġ kbir għall-​qaddej t’Abraham meta semaʼ lil Laban u lil Betwel jgħidu: “Mill-​Mulej ġejja din il-​ħaġa.” (Vers 50) Huma għarfu li kien hemm l-​id taʼ Jehovah involuta u mill-​ewwel aċċettaw id-​deċiżjoni tiegħu. Imbagħad, Betwel esprima l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu billi żied: “Hawn hi Rebekka quddiemek, ħudha u mur; u tkun hi l-​mara għal bin sidek bħalma qal il-​Mulej.” (Vers 51) Rebekka minn qalbha marret mal-​qaddej t’Abraham, u ftit wara saret il-​mara tant għażiża taʼ Iżakk.—Versi 49, 52-58, 67.

Il-​Qalb Tajba bl-​Imħabba Tintwera minn Iben

9, 10. (a) Ġakobb x’talbu jagħmel għalih lil Ġużeppi? (b) Ġużeppi kif wera qalb tajba bl-​imħabba maʼ missieru?

9 In-​neputi t’Abraham, Ġakobb, ukoll intwera qalb tajba bl-​imħabba. Bħalma jirrakkonta Ġenesi kapitlu 47, Ġakobb dak iż-​żmien kien qed jgħix fl-​Eġittu, u kien “wasal iż-​żmien biex . . . imut.” (Versi 27-29) Hu kien inkwetat għax kien se jmut barra mill-​pajjiż li Alla kien wiegħed lil Abraham. (Ġenesi 15:18; 35:​10, 12; 49:​29-​32) Imma Ġakobb ma riedx jindifen fl-​Eġittu, u għalhekk għamel xi arranġamenti biex il-​ġisem tiegħu jittieħed lejn l-​art taʼ Kangħan. Min setaʼ jara li xewqtu tkun maqtugħa iktar minn ibnu Ġużeppi, li kien tant influwenti?

10 Ir-​rakkont jgħid: “[Ġakobb] sejjaħ lil ibnu Ġużeppi u qallu: ‘Jekk jien sibt grazzja f’għajnejk . . . aħlifli li tagħmel ħniena [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW] miegħi u żżomm kelmtek; la tidfinnix fl-​Eġittu. Meta jien nistrieħ maʼ missirijieti, ħudni ’l barra mill-​Eġittu u idfinni f’qabarhom.’” (Ġenesi 47:​29, 30) Ġużeppi wiegħdu li kien se jagħmel kif talbu, u ftit wara Ġakobb miet. Ġużeppi u l-​ulied l-​oħra taʼ Ġakobb ħadu l-​ġisem tiegħu “fl-​art taʼ Kangħan u difnuh f’għar li hemm fl-​għalqa taʼ Makfela, li kien xtara Abraham.” (Ġenesi 50:​5-8, 12-​14) B’hekk Ġużeppi eżerċita l-​qalb tajba bl-​imħabba maʼ missieru.

Il-​Qalb Tajba bl-​Imħabba Tintwera mill-​Mara tat-​Tifel

11, 12. (a) Rut kif uriet qalb tajba bl-​imħabba maʼ Nagħomi? (b) L-​att taʼ qalb tajba bl-​imħabba “taʼ l-​aħħar” li għamlet Rut kif kien aħjar mid-​darba “taʼ qabel”?

11 Il-​ktieb taʼ Rut jirrakkonta kif l-​armla Nagħomi ntweriet qalb tajba bl-​imħabba mill-​mara Mowabija tat-​tifel tagħha, Rut, li wkoll kienet romlot. Meta Nagħomi ddeċidiet li tmur lura lejn Betlehem f’Ġuda, Rut uriet qalb tajba bl-​imħabba u determinazzjoni, u qalet: “Fejn tmur int, immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien; niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Iktar tard Rut esprimiet il-​qalb tajba bl-​imħabba tagħha meta għarrfet li minn qalbha kienet lesta li tiżżewweġ lil Bogħaż, qarib taʼ Nagħomi mdaħħal fiż-​żmien.a (Dewteronomju 25:​5, 6; Rut 3:​6-9) Hu qal lil Rut: “Din tjubitek [“il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek,” NW] taʼ l-​aħħar, aħjar mill-​oħra taʼ qabel, għax int ma mortx tiġri wara ż-​żgħażagħ, la għonja u lanqas foqra.”—Rut 3:10.

12 Id-​darba “taʼ qabel” li Rut uriet il-​qalb tajba bl-​imħabba tirreferi għal meta ħalliet lil niesha u baqgħet maʼ Nagħomi. (Rut 1:14; 2:11) Saħansitra dan l-​att taʼ qalb tajba bl-​imħabba ma kienx daqs dak “taʼ l-​aħħar”—meta Rut minn qalbha kienet lesta li tiżżewweġ lil Bogħaż. Rut issa setgħet tipprovdi werriet għal Nagħomi, li kienet qabżet l-​età li setaʼ jkollha t-​tfal. Iż-​żwieġ seħħ, u meta Rut iktar tard wildet tarbija, in-​nisa taʼ Betlehem bdew jgħidu: “Nagħomi tweldilha tifel.” (Rut 4:​14, 17) Rut tassew kienet “mara sewwa,” li minħabba f’hekk ġiet premjata minn Jehovah bil-​privileġġ taʼ l-​għaġeb li tkun antenata taʼ Ġesù Kristu.—Rut 2:​12; 3:​11; 4:​18-​22; Mattew 1:​1, 5, 6.

Murija bl-​Azzjonijiet

13. Betwel, Ġużeppi, u Rut kif eżerċitaw il-​qalb tajba bl-​imħabba?

13 Innotajt kif Betwel, Ġużeppi, u Rut esprimew il-​qalb tajba bl-​imħabba tagħhom? Huma m’għamlux dan bi kliem ħelu biss imma b’azzjonijiet speċifiċi. Betwel ma qalx biss, “Hawn hi Rebekka” imma fil-​fatt hu ‘bagħat lil Rebekka.’ (Ġenesi 24:​51, 59) Ġużeppi ma qalx biss, “Jien nagħmel skond kelmtek” imma hu u ħutu għamlu għal Ġakobb “kif kien ordnalhom.” (Ġenesi 47:30; 50:​12, 13) Rut ma qalitx biss, “Fejn tmur int, immur jien” imma ħalliet lil niesha u marret maʼ Nagħomi, u “telqu t-​tnejn sakemm waslu Betlehem.” (Rut 1:​16, 19) F’Ġuda, Rut reġgħet aġixxiet skond “kull ma wissietha l-​kunjata.” (Rut 3:6) Iva, il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Rut, bħal dik t’oħrajn, intweriet bl-​azzjonijiet.

14. (a) Il-qaddejja t’Alla llum kif juru l-​qalb tajba bl-​imħabba bl-​azzjonijiet? (b) B’liema azzjonijiet taʼ qalb tajba bl-​imħabba taf li jsiru fost il-​Kristjani lokalment?

14 Huwa inkuraġġanti li tara kif il-​qaddejja t’Alla llum ikomplu jesprimu l-​qalb tajba bl-​imħabba bl-​azzjonijiet. Per eżempju, aħseb dwar dawk li jipprovdu appoġġ emozzjonali kontinwu lil sħabhom fit-​twemmin li huma morda, dipressi, jew milqutin bin-​niket minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd. (Proverbji 12:25) Jew ikkunsidra kemm hemm Xhieda taʼ Jehovah li fedelment iwasslu lil uħud imdaħħlin fiż-​żmien lejn is-​Sala tas-​Saltna biex jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa. Anna, li għandha 82 sena u li tbati bl-​artrite, titkellem f’isem ħafna oħrajn meta tgħid: “Hija barka mingħand Jehovah meta xi ħadd iwasslek għal-​laqgħat kollha. Nirringrazzjah mill-​fond taʼ qalbi talli tani aħwa li tant iħobbuni.” Qiegħed int tieħu sehem f’azzjonijiet bħal dawn fil-​kongregazzjoni? (1 Ġwann 3:​17, 18) Jekk iva, ibqaʼ ċert li l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hija apprezzata ferm.

Murija mill-​Qalb

15. Liema karatteristika tal-​qalb tajba bl-​imħabba hija enfasizzata wkoll mit-​tliet rakkonti Bibliċi li kkunsidrajna?

15 Ir-​rakkonti Bibliċi li kkunsidrajna juru wkoll li l-​qalb tajba bl-​imħabba tintwera bla kundizzjonijiet u mill-​qalb, mhux taʼ bilfors. Betwel minn qalbu kkoopera mal-​qaddej t’Abraham, u hekk ukoll għamlet Rebekka. (Ġenesi 24:​51, 58) Ġużeppi wera l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu mingħajr ma ħadd imbottah. (Ġenesi 50:​4, 5) Rut kienet persistenti biex tmur maʼ Nagħomi. (Rut 1:18) Meta Nagħomi ssuġġeriet li Rut tavviċina lil Bogħaż, il-​qalb tajba bl-​imħabba qanqlet lill-​mara Mowabija biex tgħid: “Kull ma tgħidli, nagħmlu.”—Rut 3:​1-5.

16, 17. Il-qalb tajba bl-​imħabba taʼ Betwel, Ġużeppi, u Rut għala hija sinifikanti b’mod speċjali, u x’qanqalhom juru din il-​kwalità?

16 Il-​qalb tajba bl-​imħabba li ntweriet minn Betwel, Ġużeppi, u Rut hija sinifikanti b’mod speċjali għax Abraham, Ġakobb, u Nagħomi ma setgħu jagħmlu l-​ebda pressjoni fuqhom. Wara kollox, Betwel ma kellu l-​ebda obbligu legali biex jinfired minn bintu. Hu setaʼ faċilment qal lill-​qaddej t’Abraham: ‘Le, binti hi bieżla wisq. Ma rridx nibgħatha ’l bogħod ħafna.’ (Ġenesi 24:​18-20) Bl-​istess mod, Ġużeppi kien ħieles li jagħżel jekk jaġixxix fuq it-​talba taʼ missieru jew le, għax Ġakobb kien se jkun mejjet u ma setax iġagħlu jżomm kelmtu. Nagħomi nfisha indikat li Rut setgħet tibqaʼ f’Mowab. (Rut 1:8) Rut kieku riedet setgħet tiżżewweġ xi ‘żagħżugħ’ minflok lil Bogħaż li kien avanzat fl-​età.

17 Betwel, Ġużeppi, u Rut urew il-​qalb tajba bl-​imħabba mill-​volontà tagħhom; qalbhom qanqlithom li jagħmlu hekk. Huma ħassew responsabbiltà morali li juru din il-​kwalità maʼ dawk li kellhom relazzjoni magħhom, saħansitra bħalma s-​Sultan David iktar tard ħass l-​obbligu li juriha maʼ Mefiboset.

18. (a) L-anzjani Kristjani b’liema attitudni ‘jirgħu l-​merħla’? (b) Ċertu anzjan kif esprima s-​sentimenti tiegħu dwar li jgħin lil sħabu fit-​twemmin?

18 Il-​qalb tajba bl-​imħabba għadha marka tan-​nies t’Alla, inkluż l-​irġiel li jirgħu l-​merħla t’Alla. (Salm 110:​3, Saydon; 1 Tessalonikin 5:12) Anzjani, jew indokraturi, bħal dawn iħossu r-​responsabbiltà li jgħixu fi qbil maʼ l-​inkarigu li ġie fdat lilhom mal-​ħatra tagħhom. (Atti 20:28) Xorta waħda, ix-​xogħol tagħhom bħala rgħajja u għemejjel oħrajn taʼ qalb tajba bl-​imħabba għall-​kongregazzjoni jsiru ‘mhux bilfors, imma mill-​qalb.’ (1 Pietru 5:2) L-​anzjani jirgħu l-​merħla kemm għax għandhom responsabbiltà u kemm għax għandhom xewqa li jagħmlu hekk. Huma jesprimu l-​qalb tajba bl-​imħabba tagħhom man-​nagħaġ taʼ Kristu għax hekk suppost u għax jixtiequ jagħmlu dan. (Ġwann 21:​15-17) “Tgħidx kemm nieħu pjaċir inżur lill-​aħwa fi djarhom jew inċemplilhom, għall-​ebda raġuni partikulari ħlief biex nurihom li kont qed naħseb fihom,” jgħid anzjan Kristjan. “Għalija hu sors taʼ ferħ u sodisfazzjon kbir li ngħin lill-​aħwa!” F’kull parti tad-​dinja, l-​anzjani li jieħdu interess f’oħrajn jaqblu miegħu b’qalbhom kollha.

Uri Qalb Tajba bl-​Imħabba maʼ Dawk fil-​Bżonn

19. Liema fatt dwar il-​qalb tajba bl-​imħabba huwa enfasizzat mir-​rakkonti Bibliċi li ddiskutejna f’dan l-​artiklu?

19 Ir-​rakkonti Bibliċi li ddiskutejna jenfasizzaw ukoll il-​fatt li l-​qalb tajba bl-​imħabba trid tintwera maʼ dawk li jkollhom ċertu bżonn li ma jkunux jistgħu jissodisfawh huma nfushom. Sabiex ikompli l-​linja tal-​familja tiegħu, Abraham kellu bżonn il-​kooperazzjoni taʼ Betwel. Biex il-​ġisem tiegħu jittieħed f’Kangħan, Ġakobb kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġużeppi. U biex ikollha werriet, Nagħomi kellha bżonn l-​assistenza taʼ Rut. La Abraham, la Ġakobb, u lanqas Nagħomi ma setgħu jissodisfaw dawk il-​bżonnijiet mingħajr għajnuna. B’mod simili llum, il-​qalb tajba bl-​imħabba għandha tintwera speċjalment maʼ dawk fil-​bżonn. (Proverbji 19:17) Għandna nimitaw lill-​patrijarka Ġob, li ta kas tal-​“fqir li jittallab l-​għajnuna, u l-​iltim li ma kellux min jaqbeż għalih” kif ukoll tal-​“magħkus.” Ġob kien ukoll ‘iferraħ il-​qalb taʼ l-​armla’ u sar “għajn għall-​agħma, u riġel għall-​magħtub.”—Ġob 29:​12-15.

20, 21. Min għandu bżonn l-​espressjonijiet tagħna taʼ qalb tajba bl-​imħabba, u kull wieħed u waħda minna x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

20 Fil-​fatt, f’kull kongregazzjoni Kristjana hemm uħud ‘magħkusin’ li ‘jittalbu l-​għajnuna.’ Dan jistaʼ jkun ir-​riżultat taʼ ċerti fatturi bħalma huma s-​solitudni, l-​iskuraġġiment, is-​sentimenti li jiġu meta wieħed iħossu li mhux denju, diżappunt f’oħrajn, mard serju, jew il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. Ikun xi jkun il-​kaġun, kull wieħed u waħda minn dawn l-​uħud għeżież għandhom bżonnijiet li jistgħu u għandhom jiġu sodisfati bl-​għemejjel taʼ qalb tajba bl-​imħabba li nagħmlu minn qalbna u kontinwament.—1 Tessalonikin 5:14.

21 Mela allura, ejja nkomplu nimitaw lil Alla Jehovah, li huwa “kbir fit-​tjieba [“fil-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW].” (Eżodu 34:6; Efesin 5:1) Nistgħu nagħmlu dan billi minn qalbna nieħdu azzjoni speċifika, partikolarment biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn. U żgur li se nonoraw lil Jehovah u nesperjenzaw ferħ kbir hekk kif inkomplu ‘nuru t-​tjieba [“il-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW] . . . lil xulxin.’—Żakkarija 7:9.

[Nota taʼ taħt]

a Għal dettalji dwar it-​tip taʼ żwieġ li kien involut hawnhekk, ara l-​Ewwel Volum, paġna 370, taʼ Insight on the Scriptures, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• Il-qalb tajba bl-​imħabba kif inhi differenti mill-​qalb tajba?

• Betwel, Ġużeppi, u Rut b’liema modi eżerċitaw il-​qalb tajba bl-​imħabba?

• B’liema attitudni għandna nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba?

• Min għandu bżonn l-​espressjonijiet tagħna taʼ qalb tajba bl-​imħabba?

[Stampa f’paġna 18]

Betwel kif wera l-​qalb tajba bl-​imħabba?

[Stampa f’paġna 21]

L-​imħabba leali taʼ Rut kienet barka għal Nagħomi

[Stampi f’paġna 23]

Il-​qalb tajba bl-​imħabba min-​nies tintwera mill-​qalb, maʼ dawk fil-​bżonn, u billi tittieħed azzjoni speċifika

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja