Il-Liġi Qabel Kristu
“Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.”—SALM 119:97.
1. X’inhu li jiggverna l-movimenti tal-kwiekeb tas-sema?
SA MINN tfulitu, Ġob x’aktarx li kien jiċċassa lejn il-kwiekeb bi stagħġib. Probabbilment, il-ġenituri tiegħu kienu għallmuh ismijiet għall-kostellazzjonijiet il-kbar u dak li kienu jafu dwar il-liġijiet li ggvernaw iċ-ċaqliq tal-kostellazzjonijiet fis-sema. Wara kollox, nies fiż-żmien tal-qedem kienu jużaw iċ-ċaqliq sod taʼ dawn id-disinji eleganti u vasti taʼ kwiekeb biex jimmarkaw il-bdil taʼ l-istaġuni. Imma minkejja d-drabi kollha li qattaʼ jiċċassa lejhom bi stagħġib, Ġob ma kienx jaf bil-forzi setgħanin li kienu jżommu lil dawn il-formazzjonijiet taʼ kwiekeb flimkien. B’hekk, bil-kemm setaʼ jiftaħ ħalqu meta Alla Jehovah staqsieh: “Taf hekk sewwa l-liġijiet tas-sema?” (Ġob 38:31-33) Iva, il-kwiekeb huma ggvernati minn liġijiet—liġijiet tant preċiżi u komplessi li x-xjenzati tal-lum ma jifhmuhomx għalkollox.
2. Għala jistaʼ jingħad li l-ħolqien kollu huwa ggvernat minn liġijiet?
2 Jehovah hu l-Leġiżlatur Suprem fl-univers. Ix-xogħlijiet kollha tiegħu huma ggvernati minn liġijiet. L-Iben maħbub tiegħu, “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha,” kien qiegħed jobdi fedelment il-liġi taʼ Missieru minn qabel ma kien jeżisti l-univers fiżiku! (Kolossin 1:15) L-anġli wkoll huma ggwidati minn liġijiet. (Salm 103:20) Saħansitra l-annimali huma ggvernati minn liġijiet hekk kif jobdu l-kmandi istintivi li l-Ħallieq tagħhom ipprogramma ġewwa fihom.—Proverbji 30:24-28; Ġeremija 8:7.
3. (a) L-umanità għala għandha bżonn il-liġijiet? (b) Jehovah b’liema mezzi kien jiggverna lill-ġens taʼ Israel?
3 Xi ngħidu dwar l-umanità? Għalkemm ġejna mberkin b’għotjiet bħalma huma l-intelliġenza, il-moralità, u l-ispiritwalità, xorta waħda għandna bżonn ammont taʼ liġijiet divini biex jiggwidawna fl-użu taʼ dawn il-fakultajiet. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, kienu perfetti, u b’hekk kienu meħtieġa biss ftit liġijiet biex jiggwidawhom. Imħabba għal Missierhom tas-sema kien imissha tathom biżżejjed raġuni biex jobdu bil-ferħ. Imma m’obdewx. (Ġenesi 1:26-28; 2:15-17; 3:6-19) Bħala riżultat, nisilhom kienu ħlejjaq midinbin li kellhom bżonn ħafna iżjed liġijiet biex jipprovdu direzzjoni. Maż-żmien, Jehovah b’imħabba mela dan il-bżonn. Hu ta lil Noè liġijiet speċifiċi li hu kellu jgħaddi lill-familja tiegħu. (Ġenesi 9:1-7) Sekli wara, permezz taʼ Mosè, Alla ta lill-ġens ġdid taʼ Israel kodiċi tal-Liġi miktuba u dettaljata. Din kienet l-ewwel darba li Jehovah iggverna ġens sħiħ b’liġijiet divini. Li neżaminaw dik il-Liġi se jgħinna nifhmu l-irwol vitali li l-liġijiet divini għandhom fil-ħajjiet tal-Kristjani llum.
Il-Liġi Mosajka—L-Iskop Tagħha
4. Għala kellu jkun taʼ sfida għad-dixxendenti magħżulin t’Abraham biex jipproduċu liż-Żerriegħa mwiegħed?
4 L-appostlu Pawlu, student profond fil-Liġi, staqsa: “Għalfejn il-liġi, mela?” (Galatin 3:19) Biex inwieġbu, irridu niftakru li Jehovah wiegħed lil ħabibu Abraham li l-linja tal-familja tiegħu kellha tipproduċi Żerriegħa li kellu jġib barkiet kbar lill-ġnus kollha. (Ġenesi 22:18) Imma f’dan kien hemm sfida: L-Israeliti, id-dixxendenti magħżulin t’Abraham, ma kinux kollha individwi li kienu jħobbu lil Jehovah. Hekk kif għadda ż-żmien, il-biċċa l-kbira minnhom urew li kienu rashom iebsa u ribellużi—xi wħud kienu kollox barra governabbli! (Eżodu 32:9; Dewteronomju 9:7) Għal uħud bħal dawn, il-fatt li kienu fost il-poplu t’Alla kien sempliċement kwistjoni taʼ twelid mhux t’għażla.
5. (a) Jehovah x’għallimhom lill-Israeliti permezz tal-Liġi Mosajka? (b) Il-Liġi kif kienet imfassla biex teffettwa l-kondotta taʼ dawk li jħarsuha?
5 Kif setaʼ poplu bħal dan jipproduċi u jibbenefika miż-Żerriegħa mwiegħed? Minflok ma kkontrollahom bħal robots, Jehovah għallimhom permezz taʼ liġijiet. (Salm 119:33-35; Isaija 48:17) Fil-fatt, il-kelma Ebrajka għal “liġi,” toh·rahʹ, tfisser “istruzzjoni.” Din x’kienet tgħallem? Primarjament għallmet lill-Israeliti dwar il-bżonn tagħhom għall-Messija, li kellu jifdihom mill-istat midneb tagħhom. (Galatin 3:24) Il-Liġi għallmet ukoll biżaʼ u ubbidjenza divini. Fi qbil mal-wegħda Abrahamika, l-Israeliti kellhom jaqdu bħala xhieda taʼ Jehovah għall-ġnus l-oħrajn kollha. Mela l-Liġi kellha tgħallimhom kodiċi nobbli u għolja taʼ kondotta li kellha tirrifletti tajjeb fuq Jehovah; kellha tgħin lil Israel biex iżomm separat mill-prattiċi korrotti tal-ġnus taʼ madwaru.—Levitiku 18:24, 25; Isaija 43:10-12.
6. (a) Madwar kemm-il statut fiha l-Liġi Mosajka, u dak għala m’għandux jitqies eċċessiv? (Ara nota taʼ taħt.) (b) X’dehen nistgħu niksbu minn studju tal-Liġi Mosajka?
6 Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-Liġi Mosajka fiha ħafna statuti—’il fuq minn 600 wieħed.a Din il-kodiċi miktuba kienet tirregola l-oqsma taʼ qima, gvern, morali, ġustizzja, saħansitra ikel u iġjene. Ifisser dan, iżda, li l-Liġi kienet biss massa taʼ regolamenti indifferenti u kmandi ħorox? ’Il bogħod minn dan! Studju taʼ dan il-kodiċi tal-Liġi joffri għana taʼ dehen dwar il-personalità taʼ mħabba taʼ Jehovah. Ikkunsidra xi eżempji.
Liġi Li Kienet Tiġġenera Ħniena u Mogħdrija
7, 8. (a) Il-Liġi kif kienet tenfasizza l-ħniena u l-mogħdrija? (b) Jehovah kif inforza l-Liġi b’mod ħanin fil-każ taʼ David?
7 Il-Liġi enfasizzat ħniena u mogħdrija, speċjalment għall-imsejknin u għal dawk li ma setgħu jagħmlu xejn. Romol u orfni kienu speċifikati għal protezzjoni. (Eżodu 22:21-23 [Eżodu 22:22-24, NW]) Annimali li kienu jintużaw għax-xogħol kienu protetti mill-moħqrija. Drittijiet bażiċi taʼ propjetà kienu rrispettati. (Dewteronomju 24:10; 25:4) Fil-waqt li l-Liġi esiġiet il-piena tal-mewt għal qtil, uriet ħniena f’każi taʼ qtil aċċidentali. (Numri 35:11) Evidentement, imħallfin Israeliti kellhom id-dritta li jiddeċiedu fuq il-piena imposta għal xi offiżi, jiddependi fuq l-attitudni taʼ dak li jkun żbalja.—Qabbel Eżodu 22:6 [Eżodu 22:7, NW] u Levitiku 5:20-26 [Levitiku 6:1-7, NW].
8 Jehovah kien taʼ eżempju għall-imħallfin billi applika l-Liġi b’sodizza fejn meħtieġ imma bi ħniena kulfejn kien possibbli. Is-Sultan David, li kien ikkommetta adulterju u qtil, intwera ħniena. Ma jfissirx li ma ġiex ikkastigat, għax Jehovah ma pproteġiehx mill-konsegwenzi terribbli kkaġunati minn dnubu. Madankollu, minħabba l-patt tas-Saltna u minħabba li David kien raġel taʼ dispożizzjoni ħanina u kellu attitudni tal-qalb niedma għall-aħħar, ma ngħatax il-mewt.—1 Samwel 24:5-8 [1 Samwel 24:4-7, NW]; 2 Samwel 7:16; Salm 51:3-6 [Salm 51:1-4, NW]; Ġakbu 2:13.
9. L-imħabba liema rwol kellha fil-Liġi Mosajka?
9 Jerġaʼ, il-Liġi Mosajka enfasizzat l-imħabba. Immaġina xi wieħed mill-ġnus tal-lum li jkollu kodiċi tal-liġi li attwalment tirrikjedi l-imħabba! B’hekk, il-Liġi Mosajka mhux biss kienet tipprojbixxi l-qtil; ikkmandat: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Mhux biss kienet tipprojbixxi t-trattament inġust lejn ir-resident barrani; ikkmandat: “Ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art taʼ l-Eġittu.” (Levitiku 19:34) Mhux biss qalet li l-adulterju kien illegali; ikkmandat lir-raġel miżżewweġ biex iferraħ lil martu stess! (Dewteronomju 24:5) Fil-ktieb taʼ Dewteronomju biss, kliem bl-Ebrajk li jissinjifika l-kwalità taʼ l-imħabba jintuża madwar 20 darba. Jehovah żgura lill-Israeliti minn imħabbtu stess—fil-passat, fil-preżent, u fil-futur. (Dewteronomju 4:37; 7:12-14) Verament, l-akbar kmand fil-Liġi Mosajka kien: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Dewteronomju 6:5) Ġesù qal li l-Liġi kollha kemm hi tistrieħ fuq dan il-kmand, flimkien mal-kmand biex wieħed iħobb lil għajru. (Levitiku 19:18; Mattew 22:37-40) Mhux taʼ b’xejn li s-salmista kiteb: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.”—Salm 119:97.
L-Użu Ħażin Tal-Liġi
10. Il-Lhud, fil-parti l-kbira, kif kienu jistmaw il-Liġi Mosajka?
10 Kemm huwa traġiku, allura, li Israel fil-parti l-kbira naqas li juri apprezzament għal-Liġi Mosajka! In-nies m’obdewx il-Liġi, injorawha, jew insewha. Niġġsu l-qima pura bil-prattiċi reliġjużi mistmerra taʼ ġnus oħrajn. (2 Slaten 17:16, 17; Salm 106:13, 35-38) U ttradew il-Liġi b’modi oħrajn ukoll.
11, 12. (a) Gruppi taʼ mexxejja reliġjużi kif għamlu l-ħsara wara żmien Esdra? (Ara l-kaxxa.) (b) Ir-rabbini tal-qedem għala ħassew il-bżonn li “jagħmlu ħajt madwar il-Liġi”?
11 L-agħar ħsara għal-Liġi saret mill-istess uħud li sostnew li kienu jgħallmuha u jippreservawha. Dan seħħ wara żmien Esdra l-iskrib leali tal-ħames seklu Q.E.K. Esdra ġġieled bl-aħrax kontra l-influwenzi li jikkorrompu taʼ ġnus oħrajn u saħaq fuq il-qari u t-tagħlim tal-Liġi. (Esdra 7:10; Neħemija 8:5-8) Xi għalliema tal-Liġi sostnew li kienu qegħdin isegwu l-passi t’Esdra u fformaw dik li saret tissejjaħ is-“Sinagoga l-Kbira.” Fost il-qwiel tagħha kien hemm id-direttiva: “Agħmel ħajt madwar il-Liġi.” Dawn l-għalliema rraġunaw li l-Liġi kienet bħal ġnien prezzjuż. Sabiex ħadd ma jidħol bla permess f’dan il-ġnien billi jikser il-liġijiet tiegħu ħolqu iktar liġijiet, il-“Liġi Orali,” biex iżommu lin-nies milli jersqu qrib taʼ żball bħal dan.
12 Xi wħud jistgħu jirraġunaw li l-mexxejja Lhud kienu ġġustifikati f’li jħossuhom hekk. Wara żmien Esdra l-Lhud kienu ddominati minn qawwiet barranin, speċjalment mill-Greċja. Biex jikkumbattu l-influwenza taʼ filosofija u kultura Griega, qamu gruppi taʼ mexxejja reliġjużi fost il-Lhud. (Ara l-kaxxa, paġna 18.) Maż-żmien xi ftit minn dawn il-gruppi saru r-rivali tas-saċerdozju Levitiku u saħansitra kienu jisbquh bħala għalliema tal-Liġi. (Qabbel Malakija 2:7.) Sas-sena 200 Q.E.K., il-liġi orali kienet bdiet dieħla sewwa fil-ħajja Lhudija. Għall-ewwel dawn il-liġijiet ma kellhomx jinkitbu, li ma jmorrux jitqiesu bħala ugwali għal-Liġi miktuba. Imma bil-mod il-mod, mentalità umana tpoġġiet qabel dik divina, biex b’hekk eventwalment dan il-“ħajt” attwalment għamel ħsara lill-istess “ġnien” li lilu suppost kien qiegħed jipproteġi.
It-Tniġġis Tal-Fariżaiżmu
13. Xi mexxejja reliġjużi Lhud kif iġġustifikaw it-tiswir taʼ ħafna regoli?
13 Ir-rabbini rraġunaw li ladarba t-Tora, jew Liġi Mosajka, kienet perfetta, ried ikun fiha tweġiba għal kull mistoqsija li tistaʼ tqum. Din l-idea ma kinitx verament reverenzjali. Fir-realtà, tat wisgħa lir-rabbini biex jużaw raġunar uman astut, billi jġagħluh jidher li l-Kelma t’Alla kienet il-bażi għal regoli fuq kull xorta taʼ kwistjonijiet—xi wħud persunali, oħrajn sempliċement irqaqat.
14. (a) Il-mexxejja reliġjużi Lhud kif esaġeraw il-preċett Skritturali taʼ sseparar mill-ġnus s’estrem mhux Skritturali? (b) X’juri li regoli rabbiniċi naqsu li jipproteġu lill-poplu Lhudi minn influwenzi pagani?
14 Għal darba wara l-oħra l-mexxejja reliġjużi ħadu preċetti Skritturali u esaġerawhom fl-estrem. Per eżempju, il-Liġi Mosajka ppromwoviet is-separar mill-ġnus, imma r-rabbini ppridkaw għamla taʼ stmerrija bla raġuni għal kull ħaġa li ma kinitx Lhudija. Għallmu li Lhudi ma kellux iħalli l-baqar tiegħu fi tverna tal-Ġentili, għax il-Ġentili “huma ssuspettati li jwettqu l-bestjalità.” Mara Lhudija ma kinitx titħalla tagħti għajnuna lil mara Ġentili fil-ħlas għaliex b’hekk tkun “qiegħda tgħin twelled tifel għal idolatrija.” Ladarba kienu b’mod xieraq suspettużi dwar gymnasiums Griegi, ir-rabbini kienu jipprojbixxu kull eżerċizzju atletiku. L-istorja tagħti prova li dan kollu ftit sewa biex jipproteġi lil-Lhud minn twemmin Ġentili. Fil-fatt, il-Fariżej infushom kienu saru jgħallmu d-duttrina pagana Griega taʼ l-immortalità tar-ruħ!—Eżekjel 18:4.
15. Il-mexxejja reliġjużi Lhud kif għawġu l-liġijiet dwar il-purifikazzjoni u l-inċest?
15 Il-Fariżej għawġu wkoll il-liġijiet tal-purifikazzjoni. Kien jintqal li l-Fariżej kienu jippurifikaw ix-xemx infisha kieku ngħataw iċ-ċans. Il-liġi tagħhom sostniet li dewmien f’li “wieħed imur jisserva” kien iniġġes bniedem! Il-ħasil taʼ l-idejn sar ritwal kompless, b’regoli rigward liema id għandha tinħasel l-ewwel u kif. In-nisa kienu jitqiesu partikolarment impuri. Fuq il-bażi tal-kmand Skritturali biex ‘ma tersaqx lejn’ ebda qarib (fir-realtà liġi kontra l-inċest), ir-rabbini ordnaw li raġel miżżewweġ ma kellux jimxi wara martu; lanqas m’għandu jżomm konversazzjoni magħha fis-suq.—Levitiku 18:6.
16, 17. Il-liġi orali kif espandiet fuq il-kmand biex jiġi osservat Sabat taʼ kull ġimgħa, u b’liema riżultat?
16 Speċjalment magħrufa hija l-farsa spiritwali li l-liġi orali għamlet mil-liġi tas-Sabat. Alla ta lil Israel kmand sempliċi: Tagħmlu ebda xogħol fis-sebaʼ jum tal-ġimgħa. (Eżodu 20:8-11) Madankollu, il-liġi orali ssoktat biex tiddefinixxi madwar 39 tip differenti taʼ xogħol ipprojbit, inkluż li tħoll jew torbot għoqda, tħit żewġ punti, tniżżel bil-miktub żewġ ittri bl-Ebrajk, u affarijiet bħal dawn. Imbagħad kull wieħed minn dawn it-tipi kien jirrikjedi iktar regoli bla għadd. Liema għoqod kienu pprojbiti u liema permessi? Il-liġi orali wieġbet b’regolamenti arbitrarji. Il-fejqan sar jitqies bħala xogħol ipprojbit. Per eżempju, kien ipprojbit li tqiegħed f’postu xi għadam miksur fis-Sabat. Raġel b’uġigħ taʼ dras setaʼ juża l-ħall biex iħawwar l-ikel tiegħu, imma ma setax jiġbed il-ħall minn bejn snienu. Dak setaʼ jfejjaqlu darstu!
17 B’hekk midfuna taħt mijiet taʼ regoli magħmulin mill-bniedem, il-liġi tas-Sabat tilfet it-tifsir spiritwali tagħha safejn kien jikkonċerna lill-parti l-kbira tal-Lhud. Meta Ġesù Kristu, “Sid is-Sibt [“sabat,” NW],” wettaq mirakli spettakulari u li jqanqlu l-qalb fis-Sabat, l-iskribi u l-Fariżej ma kinux impressjonati. Kien jimpurtahom biss li hu deher li kien qiegħed jinjora r-regolamenti tagħhom.—Mattew 12:8, 10-14.
Nitgħallmu Mill-Bluha Tal-Fariżej
18. X’kien l-effett taʼ li jiġu miżjudin liġijiet orali u tradizzjonijiet mal-Liġi Mosajka? Semmi xi eżempju.
18 Fil-qosor, nistgħu ngħidu li dawn il-liġijiet u t-tradizzjonijiet miżjudin saru mwaħħlin mal-Liġi Mosajka sewwa sew bħalma l-koċċli jaqbdu maż-żaqq taʼ vapur. Sid il-vapur jagħmel minn kollox biex jaqlaʼ lil dawn il-ħlejjaq sikkanti minn mal-vapur tiegħu għaliex dawn inaqqsu l-veloċità tal-vapur u jeqirdulu ż-żebgħa taʼ kontra s-sadid. Bl-istess mod, il-liġijiet u t-tradizzjonijiet orali xekklu l-Liġi u esponewha għal użu ħażin u korrużiv. Madankollu, minflok ma qalgħu ’l barra lil dawn il-liġijiet irrelevanti, ir-rabbini baqgħu jżidu iżjed. Saż-żmien li ġie l-Messija biex iwettaq il-Liġi, il-“vapur” kien tant mimli “koċċli” li bil-kemm setaʼ jżomm fil-wiċċ! (Qabbel Proverbji 16:25.) Minflok ma pproteġew il-patt tal-Liġi, dawn il-mexxejja reliġjużi wettqu l-bluha taʼ li ttradewh. Għala, iżda, falla l-“ħajt” taʼ regoli tagħhom?
19. (a) Il-“ħajt madwar il-Liġi” għala falla? (b) X’juri li l-mexxejja reliġjużi Lhud ma kellhomx fidi ġenwina?
19 Il-mexxejja tal-Ġudaiżmu naqsu li jifhmu li l-battalja kontra l-korruzzjoni tiġi miġġielda fil-qalb u mhux fuq il-paġni taʼ kotba tal-liġi. (Ġeremija 4:14) Iċ-ċavetta għal rebħa hija l-imħabba—imħabba għal Jehovah, għal-liġi u l-prinċipji taʼ tjieba tiegħu. Imħabba bħal din tipproduċi mibgħeda li tikkorrispondi għal dak li Jehovah jobgħod. (Salm 97:10; 119:104) Dawk li qlubhom huma mimlijin bl-imħabba b’dan il-mod jibqgħu leali lejn il-liġijiet taʼ Jehovah f’din id-dinja korrotta. Il-mexxejja reliġjużi Lhud kellhom il-privileġġ kbir li jgħallmu lin-nies biex b’hekk jippromwovu u jispiraw imħabba bħal din. Għala naqsu li jagħmlu dan? Evidentement ma kellhomx fidi. (Mattew 23:23) Li kieku kellhom fidi fil-qawwa taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah li jaħdem fil-qlub taʼ bnedmin leali, ma kinux iħossu l-ħtieġa li jieħdu kontroll riġidu tal-ħajjiet t’oħrajn. (Isaija 59:1; Eżekjel 34:4) Billi kienu neqsin mill-fidi, m’għaddewx fidi lil oħrajn; għabbew lin-nies bi kmandamenti magħmulin mill-bniedem.—Mattew 15:3, 9; 23:4.
20, 21. (a) Mentalità orjentata fuq it-tradizzjonijiet liema effett ġenerali kellha fuq il-Ġudaiżmu? (b) Liema lezzjoni nitgħallmu minn dak li ġara lill-Ġudaiżmu?
20 Il-mexxejja Lhud ma kinux jippromwovu l-imħabba. It-tradizzjonijiet tagħhom ipproduċew reliġjon ossessjonata fuq l-affarijiet taʼ barra, b’ubbidjenza mekkanika għall-apparenza—ħammiela fertili biex tinbet l-ipokrezija. (Mattew 23:25-28) Ir-regolamenti tagħhom ipproduċew raġunijiet bla għadd għall-iġġudikar t’oħrajn. B’hekk il-Fariżej kburin u awtoritarji ħassewhom iġġustifikati li jikkritikaw lil Ġesù Kristu nnifsu. Insew l-iskop ewlieni tal-Liġi u ċaħdu lill-uniku Messija veru. Minħabba f’dan, hu kellu jgħid lill-ġens Lhudi: “Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!”—Mattew 23:38; Galatin 3:23, 24.
21 X’inhi l-lezzjoni għalina? Biċ-ċar, mentalità riġida u orjentata bit-tradizzjonijiet ma tippromwovix il-qima pura taʼ Jehovah! Imma jfisser dan li adoraturi taʼ Jehovah illum m’għandhom ikollhom ebda regoli jekk dawn ma jkunux speċifikament imniżżlin ċar fl-Iskrittura Mqaddsa? Le. Għal tweġiba kompleta, ejjew issa nikkunsidraw kif Ġesù Kristu bidel il-Liġi Mosajka maʼ liġi ġdida u aħjar. (w96 9/1)
[Nota taʼ taħt]
a M’għandniex xi ngħidu, dak xorta waħda huwa għadd żgħir ħafna meta tqabblu mas-sistemi legali taʼ ġnus moderni. Per eżempju, sa kmieni fis-snin 90, il-liġijiet federali taʼ l-Istati Uniti kienu jimlew iżjed minn 125,000 paġna, b’eluf taʼ liġijiet ġodda li jiġu miżjudin kull sena.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Il-ħolqien kollu kif inhu ggvernat minn liġi divina?
◻ X’kien l-iskop ewlieni tal-Liġi Mosajka?
◻ X’juri li l-Liġi Mosajka kienet tenfasizza l-ħniena u l-mogħdrija?
◻ Il-mexxejja reliġjużi Lhud għala żiedu regoli bla għadd mal-Liġi Mosajka, u b’liema riżultat?
[Kaxxa f’paġna 18]
Il-Mexxejja Reliġjużi Lhud
Skribi: Huma qiesu lilhom infushom bħala s-suċċessuri t’Esdra u bħala dawk li jispjegaw il-Liġi. Skond il-ktieb A History of the Jews, “l-iskribi ma kinux kollha persuni nobbli, u l-attentati tagħhom biex jisiltu tifsir moħbi mil-liġi taʼ spiss iddeġenera fi kliem ifformulat bla tifsir u f’restrizzjonijiet stupidi. Dawn żviluppaw fi drawwa, li malajr saret tiranna bla ħniena.”
Ħasidim: L-isem ifisser “uħud devoti” jew “qaddisin.” Imsemmijin għall-ewwel darba bħala klassi madwar is-sena 200 Q.E.K., huma kienu politikament setgħanin u difensuri fanatiċi tal-purità tal-Liġi kontra t-tirannija taʼ influwenza Griega. Il-Ħasidim inqasmu fi tliet gruppi: il-Fariżej, is-Sadduċej, u l-Esseni.
Fariżej: Xi studjużi jemmnu li l-isem ġej mill-kelmiet għal “Isseparati,” jew “Separatisti.” Huma kienu tabilħaqq fanatiċi fl-isforz tagħhom biex ikunu separati mill-Ġentili, imma raw ukoll il-fratellanza tagħhom bħala separata minn—u superjuri—għan-nies Lhud komuni, li ma kinux jifhmu dwar il-komplessitajiet tal-liġi orali. Wieħed studjuż taʼ l-istorja qal dwar il-Fariżej: “Meqjusin bħala grupp, huma stmaw lill-irġiel bħala tfal, billi kienu jifformulaw u jiddefinixxu l-iċken dettall t’osservanzi ritwali.” Qal studjuż ieħor: “Il-Fariżaiżmu pproduċa massa taʼ regoli legali li koprew kull sitwazzjoni, bil-konsegwenza inevitabbli li kabbru l-affarijiet ċkejknin u b’riżultat taʼ dan injoraw l-affarijiet il-kbar (Mt. 23:23).”
Sadduċej: Grupp li kien marbut mill-qrib maʼ l-aristokrazija u s-saċerdozju. Opponew b’mod vigoruż lill-iskribi u l-Fariżej, billi kienu jgħidu li l-liġi orali ma kellhiex il-validità tal-Liġi miktuba. Li huma tilfu din il-battalja jintwera mill-Mixna nnifsu: “Strettezza akbar tapplika għall-[osservanza tal-]kliem taʼ l-Iskribi milli għall-[osservanza tal-]kliem tal-Liġi [miktuba].” It-Talmud, li kien jinkludi bosta kummentarji fuq il-liġi orali, iktar tard wasal sal-punt li qal: “Il-kliem taʼ l-iskribi huwa . . . iżjed għażiż mill-kliem tat-Tora.”
Esseni: Grupp t’axxetiċi li iżolaw lilhom infushom f’komunitajiet isseparati. Skond The Interpreter’s Dictionary of the Bible, l-Esseni kienu saħansitra iżjed esklussivi mill-Fariżej u “xi drabi kienu Fariżajċi iktar mill-Fariżej infushom.”
[Stampa f’paġna 17]
Il-ġenituri taʼ Ġob probabbilment għallmuh dwar il-liġijiet li jiggvernaw il-kostellazzjonijiet