LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 1/1 pp. 6-7
  • Il-mewt mhix it-tmiem taʼ kollox!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-mewt mhix it-tmiem taʼ kollox!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “JEKK RAĠEL B’SAĦĦTU JMUT JISTAʼ JERĠAʼ JGĦIX?”
  • IL-​MEJTIN META SE JQUMU?
  • Tama għall-mejtin—L-irxoxt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Tama Vera għall-​Maħbubin Tiegħek li Mietu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’Jiġri Jekk Immutu?
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Miljuni li Issa Mejtin Se Jerġgħu Jgħixu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 1/1 pp. 6-7
Lazarus is resurrected from death and called out from the burial tomb by Jesus.

SUĠĠETT PRINĊIPALI | MAL-MEWT JISPIĊĊA KOLLOX?

Il-​mewt mhix it-​tmiem taʼ kollox!

Betanja kien raħal żgħir xi tliet kilometri minn Ġerusalemm. (Ġwanni 11:18) Hemmhekk ġrat traġedja ftit ġimgħat qabel il-​mewt taʼ Ġesù. Lazzru, wieħed mill-​ħbieb tal-​qalb taʼ Ġesù, marad serjament u miet ħabta u sabta.

Meta għall-​ewwel Ġesù semaʼ bl-​aħbar, hu qal lid-​dixxipli tiegħu li Lazzru kien rieqed u li kien biħsiebu jqajmu. (Ġwanni 11:11) Imma d-​dixxipli taʼ Ġesù ma fehmux x’ried ifisser, u għalhekk, Ġesù qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet.”—Ġwanni 11:14.

Erbat ijiem wara d-​difna, Ġesù wasal Betanja u pprova jfarraġ lil Marta, oħt il-​mejjet. “Kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut,” qalet Marta. (Ġwanni 11:17, 21) “Jien l-​irxoxt u l-​ħajja,” wieġeb Ġesù. “Min jeżerċita l-​fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-​ħajja.”—Ġwanni 11:25.

“Lazzru, oħroġ!”

Biex juri li dak il-​kliem ma kienx wegħda vojta, Ġesù mbagħad resaq lejn il-​qabar u għajjat: “Lazzru, oħroġ!” (Ġwanni 11:43) Dawk preżenti baqgħu mistagħġbin meta ħareġ il-​mejjet.

Ġesù kien irxoxta lil mill-​inqas tnejn min-​nies qabel dan. Darba minnhom kien qajjem tifla żgħira mill-​mewt—bint Ġajru. Eżatt qabel ma qajjimha, Ġesù qal li hi wkoll kienet rieqda.—Luqa 8:52.

Innota li kemm fil-​mewt taʼ Lazzru u kemm f’taʼ bint Ġajru, Ġesù qabbel il-​mewt mal-​irqad. Dan hu xebh tajjeb. Għala? Waqt l-​irqad ma tkunx konxju. Ukoll, l-​irqad jagħti l-​idea taʼ serħan mill-​uġigħ u t-​tbatija. (Ekkleżjasti 9:5; ara l-​kaxxa “Il-​mewt hi bħal raqda fonda.”) L-​ewwel dixxipli taʼ Ġesù fehmu ċar x’kienet il-​kundizzjoni vera tal-​mejtin. “Għas-​segwaċi taʼ Ġesù, il-​mewt kienet raqda, u l-​qabar, post taʼ mistrieħ . . . għal dawk li kienu mietu fil-​fidi,”a tgħid l-​Encyclopedia of Religion and Ethics.

Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li l-​mejtin huma reqdin fil-​qabar u mhumiex qed isofru. B’hekk, il-​mewt ma tibqax misterjuża u m’għandniex għalfejn inħossuna beżgħanin.

“JEKK RAĠEL B’SAĦĦTU JMUT JISTAʼ JERĠAʼ JGĦIX?”

Għalkemm napprezzaw raqda tajba, min irid jorqod għal dejjem? Liema tama għandna li l-​mejtin li huma reqdin fil-​qabar se jqumu għall-​ħajja—bħalma għamlu Lazzru u bint Ġajru?

Il-​patrijarka Ġob qajjem dik l-​istess mistoqsija meta ħass li kien qrib il-​mewt. Staqsa: “Jekk raġel b’saħħtu jmut jistaʼ jerġaʼ jgħix?”—Ġob 14:14.

Hu u jitkellem m’Alla, hu wieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess meta qal: “Int issejjaħli, u jien inwieġbek. Għal xogħol idejk int tixxennaq.” (Ġob 14:15) Ġob kien ċert li Ġeħova kien qed iħares ’il quddiem għal meta Hu kien se jqajjem lill-​qaddej leali Tiegħu. Kienet din sempliċement xewqa taʼ Ġob? Lanqas xejn.

L-​irxoxt li għamel Ġesù ta prova ċara li lil Ġesù, Alla tah il-​qawwa fuq il-​mewt. Infatti, il-​Bibbja tgħid li Ġesù issa għandu “l-​imfietaħ tal-​mewt.” (Rivelazzjoni 1:18) Mela, sewwa sew bħalma Ġesù kellu l-​awtorità biex iqajjem lil Lazzru, għandu l-​awtorità biex iqajjem lin-​nies fil-​futur.

Il-​Bibbja spiss tirripeti l-​wegħda dwar l-​irxoxt. Anġlu aċċerta lill-​profeta Danjel: “Int tistrieħ, imma tqum għal sehmek fi tmiem il-​jiem.” (Danjel 12:13) Lis-​Sadduċej, mexxejja Iżraelin li kienu jiċħdu l-​wegħda tal-​irxoxt, Ġesù qalilhom: “Għandkom żball, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla.” (Mattew 22:23, 29) L-​appostlu Pawlu qal: “Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”—Atti 24:15.

IL-​MEJTIN META SE JQUMU?

Meta se jiġri dan l-​irxoxt tan-​nies sewwa u taʼ dawk li mhumiex sewwa? L-​anġlu qal lil Danjel li kien se jqum “fi tmiem il-​jiem.” Marta bl-​istess mod emmnet li ħuha, Lazzru, kien se “jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.”—Ġwanni 11:24.

Il-​Bibbja tassoċja dan l-​“aħħar jum” mal-​ħakma tas-​Saltna taʼ Kristu. Pawlu kiteb: “Għax hu [Kristu] jrid isaltan sakemm Alla jkun qiegħed l-​għedewwa kollha taħt saqajh. Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.” (1 Korintin 15:25, 26) Dan hu raġunar sod għala għandna nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla u ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art.b

Bħalma kien jaf tajjeb Ġob, ir-​rieda t’Alla hi li jqajjem lill-​mejtin. jasal dak il-​jum, il-​mewt verament se tispiċċa fix-​xejn. U ħadd qatt iktar mhu se jaħseb, ‘Mal-​mewt jispiċċa kollox?ʼ

a Il-​kelma “ċimiterju” ġejja minn kelma Griega li tfisser “post għall-​irqad.”

b Biex issir taf iktar dwar is-​Saltna t’Alla, ara kapitlu 8 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Il-​mewt hi bħal raqda fonda

  • “Dawwalli għajnejja, sabiex ma norqodx fil-​mewt.”—Salm 13:3.

  • “‘Il-​ħabib tagħna Lazzru mar jistrieħ, imma jien se mmur inqajmu mill-​irqad.’ Għalhekk, id-​dixxipli qalulu: ‘Mulej, jekk mar jistrieħ, jgħaddilu.’ Issa Ġesù kien tkellem dwar il-​mewt tiegħu.”—Ġwanni 11:11-​13.

  • “Fil-​ġenerazzjoni tiegħu, David qeda r-​rieda t’Alla li kienet dikjarata b’mod ċar u raqad fil-​mewt.”—Atti 13:36.

  • “Kristu ġie mqajjem mill-​imwiet, l-​ewwel frott fost dawk li raqdu fil-​mewt.”—1 Korintin 15:20.

  • “Ma rridukomx ma tkunux tafu dwar dawk li huma reqdin fil-​mewt; biex ma ssewdux qalbkom bħall-​oħrajn li m’għandhomx tama.”—1 Tessalonikin 4:13.

Il-​mejtin se jqumu

  • “Il-​mejtin tiegħek se jgħixu. Il-​katavri se jqumu. Stenbħu u għajtu bil-​ferħ!”—Isaija 26:19.

  • “Ħafna minn dawk reqdin fit-​trab taʼ l-​art . . . jistenbħu.”—Danjel 12:2.

  • “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja