LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/1 pp. 13-18
  • ‘Il-Mejtin Iqumu’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Il-Mejtin Iqumu’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Materjal Simili
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt Għandha l-Qawwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • L-Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Għandi tama f’Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/1 pp. 13-18

‘Il-​Mejtin Iqumu’

“Maʼ l-​aħħar tromba, u l-​mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna nitbiddlu.”—1 KORINTIN 15:52.

1, 2. (a) Liema wegħda taʼ faraġ ngħatat permezz tal-​profeta Ħosegħa? (b) Kif nafu li Alla hu dispost li jġib il-​mejtin lura għall-​ħajja?

QATT mietlek xi ħadd li tħobb? Allura taf x’jiġifieri l-​uġigħ li ġġib magħha l-​mewt. Minkejja dan, il-​Kristjani jiġu mfarrġin bil-​wegħda li għamel Alla permezz tal-​profeta Ħosegħa: “Neħlishom jien mill-​qawwa tax-​Xeol? Jew mill-​mewt nifdihom? Fejn huma l-​flaġelli tiegħek, mewt? Fejn hija l-​qerda tiegħek, Xeol?”—Ħosegħa 13:14.

2 L-​idea li l-​mejtin jerġgħu lura għall-​ħajja tidher bla sens f’għajnejn ix-​xettiċi. Imma żgur li Alla li Jistaʼ Kollox għandu l-​qawwa biex jagħmel miraklu bħal dan! Il-​kwistjoni vera hi dwar jekk Jehovah huwiex dispost li jġib il-​mejtin lura għall-​ħajja. Ir-​raġel twajjeb Ġob staqsa: “Jistaʼ bniedem imut u jerġaʼ għall-​ħajja”? Imbagħad, hu ta din it-​tweġiba rassiguranti: “Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek, kont titgħaxxaq [“tixxennaq għal,” KŻ] bl-​opra taʼ jdejk.” (Ġob 14:14, 15) Il-​kelma “tixxennaq” turi leblieba jew xewqa sinċiera. (Qabbel Salm 84:3 [Salm 84:2, NW].) Iva, Jehovah jantiċipah b’ħerqa kbira l-​irxoxt​—hu jixxennaq biex jerġaʼ jara lil dawk leali li mietu, u li huma ħajjin fil-​memorja tiegħu.—Mattew 22:31, 32.

Ġesù Jitfaʼ Dawl fuq l-​Irxoxt

3, 4. (a) Ġesù liema dawl tafaʼ fuq it-​tama taʼ l-​irxoxt? (b) Ġesù għala ġie mqajjem bħala spirtu, u mhux fil-​ġisem?

3 Irġiel taʼ fidi tal-​qedem bħalma kien Ġob kellhom biss fehma parzjali dwar l-​irxoxt. Ġesù Kristu kien dak li tafaʼ dawl sħiħ fuq din it-​tama taʼ l-​għaġeb. Hu wera l-​irwol fundamentali li hu nnifsu għandu meta qal: “Min jemmen fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:36) Fejn se titgawda dik il-​ħajja? Għall-​maġġuranza vasta taʼ dawk li jeżerċitaw fidi, dan se jkun fuq l-​art. (Salm 37:11) Madankollu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-​Saltna!” (Luqa 12:32) Is-​Saltna t’Alla hija tas-​sema. Għalhekk, din il-​wegħda tfisser li wħud li jifformaw “merħla ċkejkna” se jkollhom ikunu fis-​sema maʼ Ġesù bħala ħlejjaq spirti. (Ġwann 14:2, 3; 1 Pietru 1:3, 4) Xi prospett glorjuż dan! Ġesù kompla jirrivela lill-​appostlu Ġwanni li din il-​“merħla ċkejkna” kienet se tkun tgħodd biss 144,000.—Apokalissi 14:1.

4 Iżda, il-​144,000 kif se jidħlu fil-​glorja tas-​sema? Ġesù “tafaʼ dawl fuq il-​ħajja u n-​nuqqas taʼ taħsir permezz taʼ l-​aħbar tajba.” Permezz taʼ demmu, inawgura “triq, ġdida u ħajja” għal ġos-​smewwiet. (2 Timotju 1:10, NW; Lhud 10:19, 20) L-​ewwel, hu miet, bħalma l-​Bibbja bassret li kellu jagħmel. (Isaija 53:12) Imbagħad, bħalma pproklama iktar tard l-​appostlu Pietru, “lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-​imwiet.” (Atti 2:32) Iżda Ġesù ma ġiex imqajjem bħala bniedem. Hu kien qal: “[I]l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-​ħajja tad-​dinja.” (Ġwann 6:51) Li kieku ħa ġismu lura, dan is-​sagrifiċċju kien iġibu fix-​xejn. Għalhekk Ġesù ġie “mogħti l-​mewt fil-​ġisem, imma . . . l-​ħajja fl-​ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Ġesù b’hekk “kiseb fidwa għal dejjem [“għalina,” KŻ],” jiġifieri għall-​“merħla ċkejkna.” (Lhud 9:12) Hu ppreżenta lil Alla l-​valur tal-​ħajja umana perfetta tiegħu bħala rahan għall-​bnedmin midinbin, u l-​144,000 kienu l-​ewwel uħud li bbenefikaw minn dan.

5. Liema tama ġiet estiża lis-​segwaċi taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu?

5 Ġesù ma kienx se jkun l-​uniku wieħed irxoxtat għall-​ħajja fis-​sema. Pawlu qal lil sħabu l-​Kristjani f’Ruma li huma kienu ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis biex ikunu wlied Alla u werrieta sħab maʼ Kristu jekk kienu se jikkonfermaw id-​dlik tagħhom billi jissaportu sat-​tmiem. (Rumani 8:16, 17) Pawlu spjega wkoll: “Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-​qawmien tiegħu mill-​mewt.”—Rumani 6:5.

B’Difiża għat-​Tama taʼ l-​Irxoxt

6. It-​twemmin fl-​irxoxt għala kien qed jiġi attakkat f’Korintu, u l-​appostlu Pawlu kif aġixxa?

6 L-​irxoxt huwa parti mill-​“ewwel elementi tat-​tagħlim [“duttrina primarja,” NW]” tal-​Kristjanità. (Lhud 6:1, 2) Minkejja dan, din id-​duttrina kienet qed tiġi attakkata f’Korintu. Xi wħud fil-​kongregazzjoni, li kienu evidentement influwenzati mill-​filosofija Griega, bdew jgħidu: “Ma hemmx qawmien tal-​mejtin.” (1 Korintin 15:12) Meta lill-​appostlu Pawlu waslulu rapporti dwar dan, hu beda jiddefendi t-​tama taʼ l-​irxoxt, speċjalment it-​tama tal-​Kristjani midlukin. Ejjew neżaminaw il-​kliem taʼ Pawlu ddokumentat fl-​1 Korintin kapitlu 15. Se ssib li hu taʼ benefiċċju li taqra l-​kapitlu kollu kemm hu, bħalma ġie rrikkmandat fl-​artiklu taʼ qabel.

7. (a) Pawlu fuq liema kwistjoni prinċipali ffoka? (b) Min rah lil Ġesù rxoxtat?

7 Fl-​ewwel żewġ versi taʼ l-​1 Korintin kapitlu 15, Pawlu jistabbilixxi t-​tema tad-​diskussjoni tiegħu: “Ħuti, irrid infakkarkom fl-​Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi . . . jekk ma emmintux għal xejn.” Kieku l-​Korintin naqsu li jżommu sħiħ fl-​aħbar tajba, kienu jkunu aċċettaw il-​verità għal xejn. Pawlu kompla: “Jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-​Iskrittura; difnuh u qam mill-​imwiet fit-​tielet jum, skond l-​Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-​Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu [“fil-​mewt,” NW]. Mbagħad deher lil Ġakbu u lill-​appostli kollha. Fl-​aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-​waqt.”—1 Korintin 15:3-8.

8, 9. (a) It-​twemmin fl-​irxoxt kemm huwa importanti? (b) Ġesù f’liema okkażjoni x’aktarx li deher lil “aktar minn ħames mitt aħwa”?

8 Għal dawk li kienu aċċettaw l-​aħbar tajba, it-​twemmin fl-​irxoxt taʼ Ġesù ma kienx kwistjoni t’għażla. Kien hemm bosta xhieda li raw b’għajnejhom u li setgħu jikkonfermaw li “Kristu miet minħabba dnubietna” u li hu kien ġie mqajjem. Wieħed minnhom kien Kefa, jew kif inhu magħruf aħjar, Pietru. Wara li Pietru ċaħad lil Ġesù fil-​lejl li Ġesù ġie ttradut u arrestat, min jaf kemm ħassu mfarraġ meta deherlu Ġesù. “It-​Tnax,” l-​appostli bħala grupp, ukoll saritilhom żjara mingħand Ġesù rxoxtat​—esperjenza li bla ebda dubju għenithom jegħlbu l-​biżaʼ tagħhom u jsiru xhieda qalbenin taʼ l-​irxoxt taʼ Ġesù.—Ġwann 20:19-23; Atti 2:32.

9 Kristu deher ukoll lil grupp akbar, “aktar minn ħames mitt aħwa.” Ladarba kien biss fil-​Galilija li hu kellu s-​segwaċi f’numri daqshekk kbar, għandu mnejn li dan kien fl-​okkażjoni deskritta f’Mattew 28:16-20, meta Ġesù ta l-​kmand biex jagħmlu dixxipli. X’testimonjanza qawwija setgħu jagħtu dawn l-​individwi! Xi wħud minnhom kienu għadhom ħajjin fis-​sena 55 E.K. meta Pawlu kkompona din l-​ewwel ittra lill-​Korintin. Iżda, innota li dawk li kienu mietu kienu jissemmew bħala li “raqdu [“fil-​mewt,” NW].” Kienu għadhom ma ġewx irxoxtati biex jirċievu l-​premju tagħhom fis-​sema.

10. (a) X’kien l-​effett taʼ l-​aħħar laqgħa taʼ Ġesù mad-​dixxipli tiegħu? (b) Ġesù kif deher lil Pawlu li kien ‘qisu wieħed li twieled mormi qabel il-​waqt’?

10 Xhud ieħor li jispikka għall-​irxoxt taʼ Ġesù huwa Ġakbu, bin Ġużeppi u Marija, omm Ġesù. Qabel l-​irxoxt, Ġakbu evidentement kien għadu ma jemminx. (Ġwann 7:5) Imma wara li deherlu Ġesù, Ġakbu beda jemmen u forsi kellu parti f’li jikkonverti lil ħutu l-​oħrajn. (Atti 1:13, 14) Waqt l-​aħħar laqgħa tiegħu mad-​dixxipli tiegħu, fl-​okkażjoni meta telaʼ s-​sema, Ġesù tahom l-​inkarigu biex ‘ikunu xhieda sa truf l-​art.’ (Atti 1:6-11) Iktar tard, hu deher lil Sawlu taʼ Tarsus, persekutur tal-​Kristjani. (Atti 22:6-8) Ġesù deher lil Sawl li kien ‘qisu wieħed li twieled mormi qabel il-​waqt.’ Kien bħallikieku Sawl kien diġà ġie rxoxtat għall-​ħajja fl-​ispirtu u kien kapaċi jara lill-​Mulej igglorifikat sekli qabel ma kien mistenni li jseħħ dak l-​irxoxt. Din l-​esperjenza waqqfet ħabta u sabta lil Sawl mill-​korsa tiegħu t’oppożizzjoni qattiela lejn il-​kongregazzjoni Kristjana u kkaġunat bidla rimarkevoli fih. (Atti 9:3-9, 17-19) Sawl sar l-​appostlu Pawlu, wieħed mid-​difensuri minn taʼ quddiem tal-​fidi Kristjana.—1 Korintin 15:9, 10.

Fidi fl-​Irxoxt Essenzjali

11. Pawlu kif espona l-​qerq f’li wieħed jgħid: “Ma hemmx qawmien tal-​mejtin”?

11 L-​irxoxt taʼ Ġesù kien għalhekk fatt stabbilit sew. “Jekk Kristu hu mxandar li qam mill-​imwiet,” jargumenta Pawlu, “kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-​mejtin?” (1 Korintin 15:12) Uħud bħal dawn mhux biss kellhom dubji persunali jew mistoqsijiet dwar l-​irxoxt imma kienu qegħdin juru bil-​miftuħ kemm ma kinux jemmnu fih. Għalhekk, Pawlu juri kemm kien imqarraq ir-​raġunar tagħhom. Hu jgħid li kieku Kristu ma kienx ġie mqajjem, il-​messaġġ Kristjan kien gidba, u dawk li taw testimonjanza dwar l-​irxoxt taʼ Kristu kienu “xhieda foloz taʼ Alla.” Li kieku Kristu ma ġiex imqajjem, ebda rahan ma kien ġie mħallas lil Alla; il-​Kristjani kienu jkunu ‘għadhom fi dnubiethom.’ (1 Korintin 15:13-19; Rumani 3:23, 24; Lhud 9:11-14) U l-​Kristjani li kienu “raqdu [“fil-​mewt,” NW],” f’xi każi bħala martri, kienu għosfru mingħajr tama ġenwina. Kemm kienu jkunu taʼ min jitħassarhom il-​Kristjani kieku setgħu jistennew din il-​ħajja biss. Is-​sofferenzi tagħhom kienu jkunu kollha għal xejn.

12. (a) X’inhu implikat b’li wieħed isejjaħ lil Kristu “l-​ewwel frott fost dawk li raqdu [“fil-​mewt,” NW]”? (b) Kristu kif għamel l-​irxoxt possibbli?

12 Madankollu, mhux hekk kien. Pawlu jkompli: “Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-​imwiet.” Iżjed minn hekk, hu “l-​ewwel frott fost dawk li raqdu [“fil-​mewt,” NW].” (1 Korintin 15:20) Meta l-​Iżraeliti b’ubbidjenza taw l-​ewwel frott tal-​prodott tagħhom lil Jehovah, hu berikhom bi ħsad kbir. (Eżodu 22:28, 29 [Eżodu 22:29, 30, NW]; Eżodu 23:19; Proverbji 3:9, 10) Meta Pawlu jsejjaħ lil Kristu “l-​ewwel frott,” hu jimplika li se jkun hemm ħsad ieħor taʼ individwi li kienu se jiġu mqajmin mill-​mewt għall-​ħajja fis-​sema. “Għaliex, jekk permezz taʼ bniedem feġġet il-​mewt,” jgħid Pawlu, “bi bniedem ukoll iseħħ il-​qawmien mill-​imwiet. Għax bħalma l-​bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-​ħajja fi Kristu.” (1 Korintin 15:21, 22) Ġesù għamel l-​irxoxt possibbli billi ta l-​ħajja umana u perfetta tiegħu bħala rahan, u b’hekk fetaħ it-​triq għall-​umanità biex tiġi meħlusa mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt.—Galatin 1:4; 1 Pietru 1:18, 19.a

13. (a) L-​irxoxt għas-​sema meta jseħħ? (b) Kif inhu li xi wħud mill-​midlukin ma ‘jorqdux ir-​raqda tal-​mewt’?

13 Pawlu jkompli: “Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-​ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma taʼ Kristu, f’jum il-​miġja [“preżenza,” NW] tiegħu.” (1 Korintin 15:23) Kristu ġie rxoxtat fis-​sena 33 E.K. Madankollu, is-​segwaċi midlukin tiegħu​—“dawk li huma taʼ Kristu”—​kellhom jistennew sa ftit wara li Ġesù jkun beda l-​preżenza rjali tiegħu li, skond kif turi l-​profezija tal-​Bibbja, seħħet fl-​1914. (1 Tessalonikin 4:14-16; Apokalissi 11:18) Xi ngħidu għal dawk li jkunu ħajjin matul dik il-​preżenza? Pawlu jgħid: “Sa nħabbrilkom misteru: aħna mhux ilkoll norqdu r-​raqda tal-​mewt, iżda lkoll nitbiddlu, f’waqt wieħed, f’teptipa taʼ għajn, maʼ l-​aħħar tromba, u l-​mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna nitbiddlu.” (1 Korintin 15:51, 52) Jidher ċar li mhux il-​midlukin kollha jorqdu fil-​qabar u jistennew irxoxt. Dawk li jmutu matul il-​preżenza taʼ Kristu jiġu ttrasformati dak il-​ħin stess.—Apokalissi 14:13.

14. Il-​midlukin kif ikunu “mgħammdin għall-​iskop taʼ li jkunu mejtin”?

14 “Inkella,” staqsa Pawlu, “x’se jagħmlu dawk li qegħdin jiġu mgħammdin għall-​iskop taʼ li jkunu mejtin? Jekk il-​mejtin m’humiex se jiġu mqajmin assolutament, għala huma wkoll qegħdin jiġu mgħammdin għall-​iskop taʼ li jkunu hekk? Għala aħna wkoll f’periklu kull siegħa?” (1 Korintin 15:29, 30, NW) Pawlu ma riedx ifisser li xi individwi ħajjin kellhom jitgħammdu għan-​nom tal-​mejtin, bħalma jġagħluha tidher ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja. Wara kollox, il-​magħmudija għandha x’taqsam maʼ li wieħed isir dixxiplu Kristjan, u l-​erwieħ mejtin ma jistgħux ikunu dixxipli. (Ġwann 4:1) Pawlu, minflok, kien qed jiddiskuti dwar Kristjani ħajjin, li ħafna minnhom, bħal Pawlu nnifsu, kienu “f’periklu kull siegħa.” Il-​Kristjani midlukin ġew ‘mgħammdin fil-​mewt taʼ Kristu.’ (Rumani 6:3) Mindu ġew midlukin, huma kienu qed jiġu “mgħammdin,” bħallikieku, f’korsa li setgħet twassal għal mewta bħal dik taʼ Kristu. (Mark 10:35-40) Huma kellhom imutu bit-​tama taʼ rxoxt glorjuż għas-​sema.—1 Korintin 6:14; Filippin 3:10, 11.

15. Pawlu liema perikli għandu mnejn ġarrab, u l-​fidi fl-​irxoxt kif kellha rwol biex jissaportihom?

15 Pawlu issa jispjega li hu nnifsu tant kien iffaċċja perikli li setaʼ jgħid: “Kuljum f’xifer il-​mewt.” Fil-​każ li xi wħud jakkużawh li qed jesaġera, Pawlu jżid: “Daqs kemm hu tassew, ħuti, li intom il-​ftaħir tiegħi fi Kristu Ġesù Sidna.” Il-​Bibbja Mqaddsa skond Karm Żammit tagħti dan il-​vers: “Jien kuljum espost għall-​mewt. Dan naħilfu bil-​ftaħir li għandi fikom fi Kristu Ġesù Sidna.” Biex jagħti eżempju tal-​perikli li ffaċċja, fil-​vers 32, Pawlu jitkellem dwar ‘li tqabad mal-​bhejjem f’Efesu.’ Ir-​Rumani taʼ spiss kienu jikkastigaw lill-​kriminali billi jitfgħuhom lill-​annimali salvaġġi fl-​arena. Jekk Pawlu għadda minn battalja maʼ bhejjem salvaġġi litterali, setaʼ biss jibqaʼ ħaj bil-​għajnuna taʼ Jehovah. Mingħajr it-​tama taʼ l-​irxoxt, kien ikun tabilħaqq iblah kieku għażel ħajja li esponietu għal periklu bħal dan. Mingħajr it-​tama taʼ ħajja futura, ma tantx kien ikun hemm sens f’li wieħed jissaporti t-​tbatijiet u s-​sagrifiċċji li jiġu meta wieħed jaqdi lil Alla. “Jekk il-​mejtin ma jqumux,” jgħid Pawlu, “Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu!”—1 Korintin 15:31, 32; ara t-2 Korintin 1:8, 9; 11:23-27.

16. (a) Fejn oriġinat l-​espressjoni “nieklu u nixorbu, għax għada mmutu”? (b) X’inhuma l-​perikli taʼ li wieħed iħaddan din l-​opinjoni?

16 Pawlu għandu mnejn ikkwota Isaija 22:13, li jiddeskrivi l-​attitudni fatalistika taʼ l-​abitanti diżubbidjenti taʼ Ġerusalemm. Jew forsi kellu f’moħħu t-​twemmin taʼ l-​Epikurin, li kienu jiddisprezzaw kwalunkwe tama taʼ ħajja wara l-​mewt u li kienu jemmnu li l-​pjaċir fiżiku kien l-​uniku ġid fil-​ħajja. Kien x’kien il-​każ, il-​filosofija taʼ li “jieklu u jixorbu” ma kinitx ġejja minn Alla. Għaldaqstant, Pawlu jwissi: “La titqarrqux: il-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) Jekk nagħmluha maʼ dawk li jirrifjutaw l-​irxoxt, dan jistaʼ jkun velenuż. Sħubija bħal din għandha mnejn kellha x’taqsam mal-​problemi li Pawlu kellu jittratta magħhom fil-​kongregazzjoni Kristjana, bħal ngħidu aħna l-​immoralità sesswali, il-​firdiet, il-​kawżi fil-​qorti, u n-​nuqqas taʼ rispett għall-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej.—1 Korintin 1:11; 5:1; 6:1; 11:20-22.

17. (a) Pawlu xi twissija tahom lill-​Korintin? (b) Liema mistoqsijiet għad iridu jiġu mweġbin?

17 Pawlu b’hekk jagħti din it-​twissija pożittiva lill-​Korintin: “Erġgħu għal sensikom kif għandu jkun u tidinbux; u, b’għajb għalikom ngħidu, xi wħud minnkom ma jafux b’Alla.” (1 Korintin 15:34) Opinjoni negattiva taʼ l-​irxoxt wasslet biex xi wħud jintilfu minn sensihom spiritwalment, bħallikieku fis-​sakra. Kellhom bżonn iqumu minn hemm, jibqgħu f’sensihom. Il-​Kristjani midlukin illum bl-​istess mod għandhom bżonn ikunu mqajmin spiritwalment, u ma jiġux influwenzati mill-​opinjonijiet xettiċi tad-​dinja. Iridu jżommu sod mat-​tama tagħhom taʼ rxoxt għas-​sema. Imma xorta kien għad baqaʼ xi mistoqsijiet​—għall-​Korintin f’dak iż-​żmien u għalina llum. Per eżempju, il-​144,000 b’liema forma se jiġu mqajmin għas-​sema? U xi ngħidu dwar il-​miljuni t’oħrajn li għadhom fil-​qabar u li m’għandhomx tama għas-​sema? X’se jkun ifisser l-​irxoxt għal dawn l-​uħud? Fl-​artiklu tagħna li jmiss, se neżaminaw il-​kumplament tad-​diskussjoni taʼ Pawlu dwar l-​irxoxt.

[Nota taʼ taħt]

a  Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 1991, għal diskussjoni dwar ir-​rahan.

Tiftakar Int?

◻ Ġesù liema dawl tafaʼ fuq l-​irxoxt?

◻ Min kienu xi wħud mix-​xhieda taʼ l-​irxoxt taʼ Kristu?

◻ Id-​duttrina taʼ l-​irxoxt għala ġiet sfidata, u x’kienet ir-​reazzjoni taʼ Pawlu?

◻ Il-​fidi fl-​irxoxt għala kienet essenzjali għall-​Kristjani midlukin?

[Stampa f’paġna 15]

It-​tifla taʼ Ġajru saret prova li l-​irxoxt kien possibbli

[Stampa f’paġna 16, 17]

Mingħajr it-​tama taʼ l-​irxoxt, il-​martirju taʼ Kristjani leali kien ikun bla sens

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja