Kif Jistaʼ Jkollok Suċċess
SEWWASEW bħalma l-ġenituri jieħdu ħsieb uliedhom u jriduhom jirnexxu, hekk ukoll Missierna tas-sema jieħu ħsiebna u jridna nirnexxu. Biex juri li jieħu ħsiebna b’mod teneru, hu jagħtina ħafna informazzjoni dwar is-suċċess u l-falliment. Fil-fatt, meta titkellem dwar individwu li jagħti kas dak li jgħid Alla, il-Bibbja tagħmel l-istqarrija kunfidenti: “Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—Salm 1:3.
Però, jekk dan hu l-każ, għala ħafna għad ma rnexxilhomx isibu s-suċċess, l-hena, u s-sodisfazzjon f’ħajjithom? Jekk neżaminaw iktar bir-reqqa dan is-salm se jkollna t-tweġiba u se naraw kif aħna wkoll jistaʼ jkollna suċċess.
“Il-Parir tal-Ħżiena”
Is-salmista jwissi dwar il-periklu li wieħed jimxi “fuq il-parir tal-ħżiena.” (Salm 1:1) L-iktar wieħed li hu “Ħażin” hu Satana x-Xitan. (Mattew 6:13) L-Iskrittura tgħidilna li hu “l-ħakkiem taʼ din id-dinja” u li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (Ġwanni 16:11; 1 Ġwanni 5:19) Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li ħafna mill-pariri li jingħataw fid-dinja jirriflettu l-ħsieb taʼ dan il-wieħed ħażin.
Liema tip taʼ pariri joffru l-ħżiena? Ġeneralment, il-ħżiena ‘jkasbru lil Alla.’ (Salm 10:13) Il-parir tagħhom, li jinjora jew ikasbar lil Alla, insibuh kullimkien. Is-soċjetà moderna tinkuraġġixxi “x-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Il-mezzi tax-xandir jinvażawna bil-filosofija materjalistika li għandna “nieħdu kulma nistgħu mill-ħajja.” Madwar id-dinja, il-kumpaniji jonfqu madwar Lm167 biljun fis-sena f’reklami biex jipperswadu lin-nies jixtru l-prodotti tagħhom—kemm jekk il-konsumaturi għandhom bżonnhom u kemm jekk le. U din il-propaganda għamlet iktar milli sempliċement biddlet id-drawwiet tax-xiri li għandhom in-nies. Din għawġet il-mod kif id-dinja tqis is-suċċess.
Minħabba f’hekk, avolja ħafna għandhom affarijiet li snin ilu setgħu biss joħolmu li jkollhom, huma xorta għadhom dejjem għatxana għal iktar affarijiet materjali. Huma jħossu li jekk ma jkollokx dawn l-affarijiet, ma tistax tkun hieni jew ikollok suċċess. Dan il-mod taʼ ħsieb hu gidba u “ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja.”—1 Ġwanni 2:16.
Il-Ħallieq tagħna jaf x’inhu dak li tassew iġibilna suċċess. Il-pariri tiegħu huma differenti mill-“parir tal-ħżiena.” Għalhekk, min jipprova jakkwista l-barka t’Alla waqt li jimxi fit-triq tas-suċċess tad-dinja jkun bħallikieku qed jimxi f’żewġ toroq differenti fl-istess waqt. Dan sempliċement m’huwiex possibbli. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja twissi: “Tħallux li minn barra tkunu taqblu mal-livelli taʼ din id-dinja”!—Rumani 12:2, Today’s English Version.
Tħallix lid-Dinja Tagħġnek
Id-dinja taħt l-influwenza taʼ Satana tipprova ġġagħalna nemmnu li jinteressaha fil-benesseri tagħna. Madankollu, irridu noqogħdu attenti. Ftakar li Satana b’mod egoistiku qarraq bl-ewwel mara, Eva, għall-interessi tiegħu stess. Imbagħad, hu użaha biex iwassal lil Adam fit-triq tad-dnub. Illum, Satana juża wkoll lill-bnedmin biex ixerred il-pariri mill-agħar tiegħu.
Per eżempju, David, li ssemma fl-artiklu taʼ qabel, kien mistenni jagħmel l-overtime u jivvjaġġa spiss fuq xogħol. “Kont nitlaq kmieni t-Tnejn fil-għodu u niġi lura l-Ħamis fil-għaxija,” qal David. Minħabba li xi ħbieb sinċieri, membri tal-familja, u xi ħbieb tax-xogħol fehmu li sagrifiċċji bħal dawn kienu meħtieġa biex jikseb suċċess fid-dinja, huma ħeġġew lil David: “Agħmel dan għall-familja tiegħek.” Huma rraġunaw li hu kellu jżomm maʼ skeda bħal din għal ftit snin biss sakemm jistabbilixxi ruħu. David spjega: “Huma rraġunaw li dan ikun aħjar għall-familja tiegħi minħabba li kont se nġib iktar flus id-dar—setaʼ jkolli iktar suċċess. Għalkemm ma kontx se nkun mal-familja, sħabi kkonvinċewni li fil-fatt kont se nkun qed nagħtiha iktar.” Bħal David, ħafna individwi qed jaħdmu iebes biex jagħtu lill-familja tagħhom dak kollu li jaħsbu li l-maħbubin tagħhom għandhom bżonn. Imma min isegwi dan it-tip taʼ parir se jasal għas-suċċess? X’għandha bżonn tassew familja?
David induna x’kellha bżonn meta kien qed jivvjaġġa fuq xogħol. “Kont fuq it-telefon maʼ binti Angelica, li qaltli: ‘Papà, għala ma tridx toqgħod id-dar magħna?’ Tgħidx kemm inkwetajt,” qal David. Il-kumment taʼ bintu saħħaħ ix-xewqa tiegħu li jirriżenja. David iddeċieda li jagħti lill-familja tiegħu dak li verament kellha bżonn—lilu.
Min Japplika l-Pariri t’Alla Jirnexxi
Kif tistaʼ tiġġieled kontra l-propaganda negattiva li hija tant mifruxa f’din id-dinja? Is-salmista jgħidilna li individwu hieni li jirnexxi hu dak li “fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.”—Salm 1:2.
Meta Alla ħatar lil Ġożwè bħala mexxej tal-ġens taʼ Iżrael, intqallu: “Aħseb [fuq il-Kelma t’Alla] lejl u nhar.” Iva, il-qari u l-meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla hu essenzjali, imma Ġożwè kellu bżonn ukoll ‘jagħraf jagħmel kull ma hu miktub fiha.’ M’għandniex xi ngħidu, il-qari tal-Bibbja fih innifsu mhux se jagħmlek tirnexxi awtomatikament. Trid tapplika dak li taqra. Lil Ġożwè ntqallu: “Hekk tirnexxi f’għemilek u jkollok ir-riżq.”—Ġożwè 1:8.
Immaġina tifel jitbissem f’ħoġor ġenitur li jħobbu waqt li jaqraw flimkien storja favorita. Minkejja d-drabi li jkunu qrawha qabel, huma jgħożżu dawk il-mumenti prezzjużi. Bl-istess mod, individwu li jħobb lil Alla jieħu gost jaqra l-Bibbja kuljum—dan hu ħin pjaċevoli li jqattaʼ maʼ Missieru tas-sema. Meta jsegwi l-pariri u l-gwida taʼ Ġeħova, individwu bħal dan isir “bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—Salm 1:3.
Is-siġra deskritta mis-salmista ma tikbirx b’kumbinazzjoni. Il-bidwi jpoġġiha ħdejn sors taʼ ilma bl-akbar attenzjoni u kura. B’mod simili, Missierna tas-sema jirranġa u jikkoreġi l-ħsibijiet tagħna permezz tal-pariri misjubin fl-Iskrittura. Minħabba f’hekk, aħna niffjorixxu u nipproduċu frott li hu fi qbil mar-rieda t’Alla.
Madankollu, ‘il-ħżiena mhux hekk.’ Veru jistgħu jidhru li qed jirnexxu għal xi żmien, imma fl-aħħar mill-aħħar se jkollhom riżultati ħżiena. Huma “ma jifilħux għall-ħaqq.” Minflok, “triq il-ħżiena tintemm fix-xejn.”—Salm 1:4-6.
Allura tħallix lid-dinja tagħġen il-miri u l-valuri tiegħek. Waqt li jistaʼ jkun li int tas-sengħa u għandek il-potenzjal li tirnexxi fid-dinja, oqgħod attent kif tuża t-talenti tiegħek jew kif tħalli lid-dinja tużahomlok. Ħidma għal affarijiet materjalistiċi li huma bla skop tistaʼ ġġiegħel lil individwu ‘jidbiel.’ Mill-banda l-oħra, min ikollu relazzjoni tajba m’Alla jkollu suċċess u hena veru.
Kif Jistaʼ Jkollok Suċċess
Kif inhu possibbli li min isegwi l-pariri t’Alla jirnexxi f’kulma jagħmel? Is-salmista ma kienx qed jitkellem dwar is-suċċess f’din id-dinja. Is-suċċess taʼ individwu li jrid jogħġob lil Alla huwa marbut maʼ li jagħmel ir-rieda t’Alla—u r-rieda t’Alla dejjem twassal għas-suċċess. Ejja naraw kif jistaʼ jkollok suċċess meta tapplika l-prinċipji tal-Bibbja.
II-Familja: L-Iskrittura twissi lill-irġiel miżżewġin biex “iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess,” u mara Kristjana miżżewġa tingħata d-direzzjoni biex “ikollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:28, 33) Il-ġenituri huma inkuraġġiti jqattgħu l-ħin maʼ wliedhom, jidħqu magħhom, u jgħallmuhom dwar l-affarijiet li huma importanti fil-ħajja. (Dewteronomju 6:6, 7; Koħèlet 3:4) Il-Kelma t’Alla tagħti wkoll il-parir lill-ġenituri: “Iddejqux lil uliedkom.” Meta dan il-parir jiġi applikat, ikun iktar faċli għat-tfal li ‘jobdu lill-ġenituri tagħhom’ u ‘jonoraw lil missierhom u lil ommhom.’ (Efesin 6:1-4) Min isegwi dawn il-pariri se jkollu suċċess fil-ħajja tal-familja.
Il-Ħbieb: Ħafna huma dawk li jridu l-ħbieb. Aħna għandna l-kapaċità mentali u emozzjonali li nħobbu u li nirċievu l-imħabba taʼ ħaddieħor. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu li huma għandhom ‘iħobbu lil xulxin.’ (Ġwanni 13:34, 35) Fosthom, aħna nsibu ħbieb li nistgħu nħobbuhom u nafdawhom—saħansitra bl-iktar ħsibijiet u sentimenti profondi tagħna. (Proverbji 18:24) Imma l-ewwel u qabel kollox, meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, aħna nistgħu ‘nersqu qrib lejn Alla’ u, bħal Abraham, saħansitra nissejħu ‘l-ħbieb taʼ Ġeħova.’—Ġakbu 2:23; 4:8.
L-Iskop fil-Ħajja: Minflok ma jgħixu kuljum bla skop, dawk li tassew jirnexxu jsibu tifsir u skop fil-ħajja. Ħajjithom m’hijiex ibbażata fuq il-kundizzjonijiet li m’humiex stabbli taʼ din is-sistema. Il-miri tagħhom iwasslu għal sodisfazzjon veru u dejjiemi, hekk kif huma ffokati fuq l-iskop innifsu tal-ħajja. X’jagħti lil dak li jkun skop fil-ħajja? “Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.”—Koħèlet 12:13.
It-Tama: Jekk ikollna lil Alla bħala l-Ħabib tagħna se jkollna wkoll tama għall-futur. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex “ma jqegħdux it-tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla.” B’dan il-mod, “bħala t-teżor tagħhom, [huma] iqiegħdu fis-sigurtà għalihom infushom pedament tajjeb għall-futur, sabiex jaqbdu qabda soda mal-ħajja vera.” (1 Timotju 6:17-19) Din il-ħajja vera dalwaqt se ssir realtà meta s-Saltna tas-sema t’Alla ġġedded il-Ġenna fuq din l-art.—Luqa 23:43.
Jekk tapplika l-prinċipji tal-Bibbja, int mhux se tkun ħieles għalkollox mill-problemi, imma se tevita ħafna mill-uġigħ taʼ qalb u n-niket li l-ħżiena jġibu fuqhom infushom. David, li semmejna qabel, u miljuni oħrajn bħalu tgħallmu kemm hu taʼ valur li japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom. Wara li sab xogħol li kellu ħinijiet tajbin għalih, David qal: “Jien grat għar-relazzjoni li għandi maʼ marti u maʼ wliedi kif ukoll għall-privileġġ li nistaʼ naqdi lil Alla Ġeħova bħala anzjan fil-kongregazzjoni.” Mhux taʼ b’xejn li s-salm jgħid dwar l-individwu li jagħti kas il-pariri t’Alla: “Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel”!
[Tabella f’paġna 6]
ĦAMES PASSI GĦAS-SUĊĊESS
1 Tħallix lid-dinja tagħġnek skond il-valuri tagħha.
2 Aqra u mmedita fuq il-Kelma t’Alla kuljum.
3 Applika l-pariri tal-Bibbja f’ħajtek.
4 Sir ħabib t’Alla.
5 Ħobb lil Alla, u żomm il-kmandamenti tiegħu.
[Stampi f’paġna 7]
Qiegħed int issegwi l-passi li jwassluk għas-suċċess?