Jehovah Hu Kbir fl-Imħabba Leali
“Jehovah hu . . . kbir fil-qalb tajba bl-imħabba.”—SALM 145:8, NW.
1. L-imħabba t’Alla kemm hi kbira?
“ALLA hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Din l-espressjoni li tqanqal il-qalb turi li l-mod kif jaħkem Jehovah hu bbażat fuq l-imħabba. Anki bnedmin li lanqas biss jobduh jibbenefikaw mix-xemx u x-xita li hu jipprovdi bi mħabba kbira! (Mattew 5:44, 45) Peress li Alla għandu tant imħabba għad-dinja tal-bnedmin, saħansitra l-għedewwa tiegħu jistgħu jindmu, iduru lejh, u jiksbu l-ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:16) Madankollu, Jehovah dalwaqt se jeqred lill-ħżiena li ma jridux ibiddlu ħajjithom sabiex dawk il-bnedmin li jħobbuh jistgħu jgawdu ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida mimlija ġustizzja.—Salm 37:9-11, 29; 2 Pietru 3:13.
2. Jehovah liema aspett speċjali taʼ l-imħabba juri lil dawk li huma f’relazzjoni dedikata miegħu?
2 Jehovah juri mħabba għall-aduraturi veri tiegħu b’mod prezzjuż u permanenti. Imħabba bħal din hija deskritta b’kelma Ebrajka li hi tradotta “qalb tajba bl-imħabba,” jew “imħabba leali.” Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem wera apprezzament kbir lejn il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla. Minħabba l-esperjenza persunali tiegħu u l-fatt li mmedita fuq il-mod kif Alla mexa m’oħrajn, David setaʼ jgħanni b’fiduċja sħiħa: “Jehovah hu . . . kbir fil-qalb tajba bl-imħabba [jew, “imħabba leali”].”—Salm 145: 8, NW.
Nidentifikaw lil Uħud Leali t’Alla
3, 4. (a) Salm 145 kif jgħinna nidentifikaw l-uħud leali taʼ Jehovah? (b) Dawn l-uħud leali t’Alla kif ‘ibirkuh’?
3 Dwar Alla Jehovah, Anna, omm il-profeta Samwel, qalet: “Hu jħares il-passi [“taʼ l-uħud leali,” NW] tiegħu.” (1 Samwel 2:9) Min huma dawn “l-uħud leali”? Is-Sultan David jagħtina r-risposta. Wara li jfaħħar bil-kbir il-kwalitajiet meraviljużi taʼ Jehovah, hu jistqarr: “Iberkuk [“l-uħud leali,” NW] tiegħek.” (Salm 145:10) Forsi tistaqsi bejnek u bejn ruħek kif jistaʼ jkun li l-bnedmin ibierku lil Alla. Dan jagħmluh primarjament billi jgħollu ismu u jfaħħruh bi kliemhom.
4 L-uħud leali taʼ Jehovah jistgħu jiġu identifikati bħala dawk li jużaw fommhom biex ifaħħruh bi kliemhom. X’inhi t-tema komuni tad-diskussjonijiet tagħhom f’okkażjonijiet soċjali u fil-laqgħat Kristjani? M’hemmx dubju, is-Saltna taʼ Jehovah! Il-qaddejja leali t’Alla jħossuhom l-istess bħalma ħassu David, li għanna: “Is-sebħ tas-saltna tiegħek [taʼ Jehovah] ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.”—Salm 145:11.
5. Kif nafu li Jehovah jismaʼ t-tifħir taʼ l-uħud leali tiegħu?
5 Jisimgħu Jehovah it-tifħir taʼ l-uħud leali tiegħu? Iva, hu joqgħod attent għal dak li jgħidu. Fi profezija li tapplika għall-qima vera fi żmienna, Malakija kiteb: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.” (Malakija 3:16) Jehovah verament jieħu gost meta dawk li huma leali lejh ifaħħruh, u hu jiftakarhom.
6. Liema attività tgħinna nagħrfu min huma l-uħud leali t’Alla?
6 Il-qaddejja leali taʼ Jehovah jistgħu jiġu identifikati wkoll mill-kuraġġ li juru u l-inizjattiva li jieħdu biex ikellmu lin-nies li m’humiex aduraturi t’Alla veru. Tabilħaqq, l-uħud leali t’Alla ‘jgħarrfu lill-bnedmin [“l-atti setgħana,” NW] tiegħu u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħu.’ (Salm 145:12) Tfittex int opportunitajiet u tieħu vantaġġ minnhom kollha biex tkellem lin-nies li ma tafhomx dwar is-saltna taʼ Jehovah? Kuntrarju għall-gvernijiet tal-bniedem, li dalwaqt se jispiċċaw fix-xejn, is-saltna tiegħu hi għal dejjem. (1 Timotju 1:17) Huwa urġenti li n-nies isiru jafu dwar is-saltna eterna taʼ Jehovah u jieħdu l-waqfa tagħhom u jappoġġawha. David għanna: “Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.”—Salm 145:13.
7, 8. X’ġara fl-1914, u xi prova hemm li Alla issa qed isaltan permezz tas-Saltna taʼ Ibnu?
7 Mill-1914 ’l hawn, jerġaʼ kien hawn raġuni oħra għala għandna nitkellmu dwar is-saltna taʼ Jehovah. F’dik is-sena, Alla stabbilixxa s-Saltna Messjanika fis-sema b’Ġesù Kristu, Bin David, bħala Sultan. Jehovah b’hekk wettaq il-wegħda tiegħu li s-saltna taʼ David kellha tiġi stabbilita fis-sod għal dejjem.—2 Samwel 7:12, 13; Luqa 1:32, 33.
8 It-twettiq li qed naraw issa tas-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù huwa prova li Jehovah issa qed isaltan permezz tas-Saltna taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. L-iktar fattur li jispikka taʼ dak is-sinjal hu x-xogħol li Ġesù bassar li kellhom jagħmlu l-uħud leali kollha t’Alla. Hu qal: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:3-14) Peress li l-uħud leali t’Alla qed iwettqu b’żelu kbir din il-profezija, issa hawn iktar minn sitt miljuni—irġiel, nisa, u tfal—li qed jieħdu sehem f’dan ix-xogħol grandjuż u uniku. Dalwaqt se jiġi t-tmiem għal dawk kollha li jiħduha kontra s-Saltna taʼ Jehovah.—Apokalissi 11:15, 18.
Nibbenefikaw mis-Sovranità taʼ Jehovah
9, 10. X’kuntrast hemm bejn Jehovah u l-ħakkiema umani?
9 Jekk aħna Kristjani dedikati, ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej Sovran Jehovah iġġibilna ħafna benefiċċji. (Salm 71:5; 116:12) Per eżempju, minħabba l-fatt li għandna l-biżaʼ t’Alla u nagħmlu s-sewwa, aħna ngawdu l-approvazzjoni tiegħu u nkunu qrib tiegħu spiritwalment. (Atti 10:34, 35; Ġakbu 4:8) B’kuntrast, il-ħakkiema umani spiss jidhru fil-kumpanija taʼ nies prominenti, nies bħal mexxejja militari, negozjanti għonja, jew ċelebritajiet fil-qasam tad-divertiment jew l-isports. Skond il-gazzetta Afrikana Sowetan, uffiċjal governattiv prominenti qal dan li ġej dwar l-inħawi fejn hemm ħafna faqar f’pajjiżu: “Nistaʼ nifhem għala ħafna minna ma jridux imorru fi nħawi bħal dawn. Dan hu sempliċement għax nixtiequ ninsew li jeżistu sitwazzjonijiet bħal dawn. Il-kuxjenza tniggiżna u nħossuna imbarazzati minħabba l-[karozzi] lussużi li għandna.”
10 M’għandniex xi ngħidu, xi ħakkiema umani jħossuhom inkwetati sinċerament minħabba l-benesseri tas-sudditi tagħhom. Imma saħansitra l-iktar wieħed b’intenzjonijiet nobbli fosthom ma jafhomx sew lis-sudditi tiegħu. Tabilħaqq, nistgħu nistaqsu: Hemm xi ħakkiem li tant jieħu ħsieb is-sudditi kollha tiegħu, li meta jiġrilhom xi ħaġa jmur minnufih biex jgħinhom? Iva, hemm. David kiteb: “Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqaʼ, iqajjem ’il kull min hu mitluq.”—Salm 145:14.
11. Liema provi jiġu fuq l-uħud leali t’Alla, u x’għajnuna għandhom?
11 L-uħud leali t’Alla Jehovah jgħaddu minn ħafna provi u traġedji minħabba l-imperfezzjoni tagħhom stess u minħabba li qed jgħixu f’dinja li qiegħda taħt il-qawwa taʼ Satana, “il-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19; Salm 34:20 [34:19, NW]) Il-Kristjani jġarrbu persekuzzjoni. Xi wħud ibatu minn mard kroniku jew minħabba li jmutilhom xi ħadd. Kultant, l-iżbalji taʼ l-uħud leali taʼ Jehovah iġagħluhom iħossuhom ‘mitluqin’ minħabba l-iskuraġġiment. Madankollu, minkejja l-provi li jiġu fuqhom, Jehovah dejjem ikun lest biex ifarraġ u jsaħħaħ spiritwalment lil kull wieħed u waħda minnhom. Is-Sultan Ġesù Kristu juri l-istess interess u mħabba lejn is-sudditi leali tiegħu.—Salm 72:12-14.
Ikel Sodisfaċenti f’Waqtu
12, 13. Jehovah sa liema punt jipprovdi l-ħtiġijiet taʼ “kulħadd”?
12 Peress li l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah hi tant kbira, hu jipprovdi għall-ħtiġijiet kollha tal-qaddejja tiegħu. Dan jinkludi li jipprovdilhom ikel sustanzjuż. Is-Sultan David kiteb: “Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej [Jehovah], u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu. Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid.” (Salm 145:15, 16) Saħansitra fi żmien l-inkwiet, Jehovah jistaʼ jirranġa l-affarijiet b’tali mod li l-uħud leali tiegħu jkollhom il-‘ħobża taʼ kuljum.’—Luqa 11:3; 12:29, 30.
13 David semma li “kulħadd” se jixbaʼ. Dan jinkludi l-annimali. Kieku ma kienx għall-abbundanza taʼ ħxejjex u siġar fuq l-art, u l-pjanti fil-baħar, il-ħlejjaq li jgħixu fl-ilma, l-għasafar, u l-annimali li jgħixu fuq l-art, la kien ikollhom ossiġnu biex jieħdu n-nifs u lanqas ikel x’jieklu. (Salm 104:14) Madankollu, Jehovah jara li l-ħtiġijiet kollha tagħhom jiġu sodisfati.
14, 15. L-ikel spiritwali kif qiegħed jiġi provdut illum?
14 Il-bnedmin, kontra taʼ l-annimali, għandhom il-bżonn spiritwali. (Mattew 5:3, NW) Kemm jissodisfahom b’mod meraviljuż Jehovah il-bżonnijiet spiritwali taʼ l-uħud leali tiegħu! Qabel ma miet, Ġesù wiegħed lis-segwaċi tiegħu li “l-ilsir leali u diskret” kellu jipprovdilhom ‘l-ikel fiż-żmien xieraq.’ (Mattew 24:45, NW) Il-fdal tal-144,000 midlukin jifformaw din il-klassi taʼ l-ilsir illum. Permezz tagħhom, Jehovah verament ipprovda ikel spiritwali bl-abbundanza.
15 Per eżempju, il-biċċa l-kbira min-nies taʼ Jehovah issa qed jibbenefikaw minn traduzzjoni ġdida u eżatta tal-Bibbja bil-lingwa tagħhom stess. X’barka meraviljuża kienet in-New World Translation of the Holy Scriptures! Iktar minn hekk, qed ikomplu jiġu pubblikati miljuni t’għajnuniet oħra għall-istudju tal-Bibbja b’iktar minn 300 lingwa. Dan l-ikel spiritwali kollu kien u għadu barka għall-aduraturi veri madwar id-dinja. Min jixraqlu jieħu l-kredtu għal dan kollu? Alla Jehovah. Bil-qalb tajba bl-imħabba kbira tiegħu, hu għamilha possibbli li l-klassi taʼ l-ilsir tipprovdi “l-ikel f’waqtu.” Permezz taʼ provvedimenti bħal dawn, ‘kulħadd qed jiġi mxebbaʼ bil-ġid’ fil-ġenna spiritwali preżenti. U kemm jifirħu l-qaddejja taʼ Jehovah bit-tama li dalwaqt se jaraw l-art mibdula f’ġenna letterali!—Luqa 23:42, 43.
16, 17. (a) Liema eżempji għandna dwar kif l-ikel spiritwali wasal fil-waqt? (b) Salm 145 kif jesprimi s-sentimenti taʼ l-uħud leali t’Alla rigward il-kwistjoni primarja li qajjem Satana?
16 Ikkunsidra eżempju li jispikka taʼ ikel spiritwali li ngħata f’waqtu. Matul l-1939, bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. F’dik l-istess sena, il-ħarġa taʼ l-1 taʼ Novembru taʼ The Watchtower kien fiha artiklu bit-titlu “Neutrality” (In-Newtralità). Minħabba l-informazzjoni ċara li ngħatat, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja raw il-bżonn li jżommu newtralità stretta fl-attivitajiet tal-ġnus involuti fil-gwerra. Dan ġab fuqhom il-korla tal-gvernijiet fuq iż-żewġ naħat tal-gwerra li damet sejra sitt snin. Madankollu, minkejja l-projbizzjoni u l-persekuzzjoni li sofrew, l-uħud leali t’Alla baqgħu jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Mill-1939 sa l-1946, huma ġew imberkin bi żjieda taʼ l-għaġeb taʼ 157 fil-mija. Iktar minn hekk, l-integrità tagħhom matul il-gwerra tant spikkat li permezz tagħha sa llum in-nies jagħrfu liema hi r-reliġjon vera.—Isaija 2:2-4.
17 L-ikel spiritwali li jipprovdi Jehovah mhux biss hu fil-waqt imma wkoll sodisfaċenti ferm. Filwaqt li l-ġnus kienu mitlufin jiġġieldu matul it-Tieni Gwerra Dinjija, in-nies taʼ Jehovah ġew megħjunin biex jiffokaw fuq xi ħaġa bil-wisq iktar importanti milli jsalvaw l-istess ħajja tagħhom. Jehovah għenhom jifhmu li l-kwistjoni primarja li tinvolvi l-univers kollu għandha x’taqsam mad-dritt tas-sovranità taʼ Jehovah. X’sodisfazzjon għax-Xhieda taʼ Jehovah li jkunu jafu li permezz tal-lealtà tagħhom, kull wieħed u waħda minnhom kellhom sehem żgħir fl-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah u setgħu juru li x-Xitan hu giddieb! (Proverbji 27:11) Għall-kuntrarju taʼ Satana, li jikkalunnja lil Jehovah u l-mod kif jaħkem, l-uħud leali taʼ Jehovah ikomplu jiddikjaraw pubblikament: “Ġust il-Mulej . . . f’dak kollu li għamel.”—Salm 145:17.
18. Liema eżempju reċenti hemm taʼ ikel spiritwali li hu kemm f’waqtu u kemm sodisfaċenti ferm?
18 Eżempju ieħor taʼ ikel spiritwali sodisfaċenti u f’waqtu hu l-ktieb Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah), li ħareġ fil-mijiet taʼ konvenzjonijiet distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” li nżammu madwar id-dinja fl-2002/03. Dan il-ktieb, maħruġ mill-“ilsir leali u diskret” u pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, jiffoka fuq il-kwalitajiet meraviljużi t’Alla, inkluż dawk imsemmijin f’Salm 145. Dan il-ktieb eċċellenti żgur li se jkollu parti importanti biex jgħin lill-uħud leali t’Alla jersqu dejjem eqreb lejh.
Żmien biex Tersaq Eqreb Lejn Jehovah
19. Liema żmien kruċjali qed joqrob u kif nistgħu nkampaw miegħu?
19 Żmien kruċjali sabiex tiġi setiljata l-kwistjoni tas-sovranità taʼ Jehovah jinsab fil-qrib. Bħalma ġie mbassar f’Eżekjel kapitlu 38, Satana dalwaqt se jwettaq għalkollox l-irwol tiegħu bħala ‘Gog taʼ l-art taʼ Magog.’ Dan se jkun jinvolvi attakk fuq in-nies taʼ Jehovah mad-dinja kollha. Dan se jkun l-akbar u l-eħrex attentat min-naħa taʼ Satana biex ikisser l-integrità taʼ l-uħud leali t’Alla. L-aduraturi taʼ Jehovah, bħal qatt qabel, se jkollhom bżonn isejħulu bis-serjetà, saħansitra jitolbuh bil-ħerqa biex jgħinhom. Se jkunu għalxejn il-biżaʼ riverenzjali tagħhom minn Alla u l-imħabba tagħhom lejh? Dażgur li le, għax Salm 145 jgħid: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqithom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom.”—Salm 145:18-20.
20. Il-kliem taʼ Salm 145:18-20 kif se jseħħ fil-futur qarib?
20 Kemm se jkun eċċitanti li nħossu lil Jehovah qrib tagħna kif ukoll li naraw il-qawwa li ssalva tiegħu meta hu jeqred lill-ħżiena kollha! F’dan iż-żmien kruċjali, li issa hu tant qrib, Jehovah se jismaʼ biss lil “kull min isejjaħlu fis-sewwa.” Hu ċertament li mhux se jismaʼ lill-ipokriti. Il-Kelma t’Alla turi b’mod ċar li, bħalma dejjem ġara, se jkun għalxejn li l-ħżiena jużaw ismu fl-aħħar minuta.—Proverbji 1:28, 29; Mikea 3:4; Luqa 13:24, 25.
21. L-uħud leali taʼ Jehovah kif juru li hi l-għaxqa tagħhom li jużaw l-isem divin?
21 Issa iktar minn qatt qabel huwa ż-żmien għal dawk li jibżgħu minn Jehovah biex ‘isejħulu fis-sewwa.’ L-uħud leali tiegħu jitgħaxxqu jużaw ismu fit-talb u fil-kummenti li jagħmlu fil-laqgħat tagħhom. Huma jużaw l-isem divin f’diskursati privati. U huma bil-kuraġġ kollu jiddikjaraw isem Jehovah fil-ministeru pubbliku tagħhom.—Rumani 10:10, 13-15.
22. Għala huwa vitali li nkomplu nirreżistu l-attitudnijiet u x-xewqat tad-dinja?
22 Biex inkomplu nibbenefikaw mir-relazzjoni intima tagħna m’Alla Jehovah, huwa vitali wkoll li nkomplu nirreżistu affarijiet li huma taʼ periklu spiritwalment bħalma huma l-materjaliżmu, id-divertiment oġġezzjonabbli, l-indifferenza lejn dawk fil-bżonn, u t-tendenza li ma naħfrux lil oħrajn. (1 Ġwanni 2:15-17; 3:15-17) Jekk ma nirranġawhomx, dawn it-tendenzi u l-ġiri wara affarijiet bħal dawn jistgħu jwassluna biex nipprattikaw xi dnub serju, u b’hekk nitilfu l-approvazzjoni taʼ Jehovah. (1 Ġwanni 2:1, 2; 3:6) Huwa għaqli li nżommu f’moħħna li Jehovah se jkompli juri qalb tajba bl-imħabba, jew imħabba leali, magħna basta aħna nibqgħu leali lejh.—2 Samwel 22:26.
23. Liema futur grandjuż hemm jistenna lill-uħud leali kollha t’Alla?
23 Għalhekk, ejja nżommu moħħna ffokat fuq il-futur grandjuż li hemm jistenna lill-uħud leali kollha taʼ Jehovah. Jekk nagħmlu hekk, ikollna l-prospett meraviljuż li nkunu inklużi fost dawk li se jkabbru, ibierku, u jfaħħru lil Jehovah “kuljum,” u saħansitra “għal dejjem taʼ dejjem.” (Salm 145:1, 2) Mela, jalla ‘nżommu rwieħna fl-imħabba taʼ Alla, waqt li nistennew il-ħajja taʼ dejjem.’ (Ġuda 20, 21) Hekk kif inkomplu nibbenefikaw mill-kwalitajiet meraviljużi taʼ Missierna tas-sema, inkluż il-qalb tajba bl-imħabba kbira li hu juri lejn dawk li jħobbuh, jalla s-sentimenti tagħna jkunu dejjem bħal dawk li David esprima fl-aħħar kliem taʼ Salm 145: “Tifħir il-Mulej ixandar fommi; u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu għal dejjem taʼ dejjem!”
Int Kif Twieġeb?
• Salm 145 kif jgħinna nidentifikaw lill-uħud leali t’Alla?
• Jehovah kif ‘ixabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid’?
• Għala hemm bżonn li nersqu eqreb lejn Jehovah?
[Stampa f’paġna 16]
L-uħud leali t’Alla jitgħaxxqu jiddiskutu l-atti setgħana tiegħu
[Stampa f’paġna 17]
Il-qaddejja taʼ Jehovah bil-kuraġġ kollu jgħinu lin-nies li ma jafuhomx biex isiru jafu dwar il-glorja taʼ saltnatu
[Stampi f’paġna 18]
Jehovah jipprovdi l-ikel għal “kulħadd”
[Sors]
Annimali: Parque de la Naturaleza de Cabárceno
[Stampa f’paġna 19]
Jehovah jagħti l-qawwa u l-gwida lill-uħud leali tiegħu, li jfittxu l-għajnuna tiegħu permezz tat-talb