LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 7/1 pp. 27-32
  • Maqtugħin Apparti Biex Nagħtu Tifħir mad-Dinja Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Maqtugħin Apparti Biex Nagħtu Tifħir mad-Dinja Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imitaw Lill-​Wieħed Ewlieni Li Jfaħħar Lil Jehovah
  • Ferħ Milli Nfaħħru Lil Jehovah
  • Dawk Li Jfaħħru Bil-​Ferħ Fil-​Ġnus Kollha
  • Imbassra Folla Kbira Taʼ Wħud Li Jfaħħru Bil-​Ferħ
  • Fdati Bil-​Verità
  • Megħjunin Mill-​Ispirtu Qaddis u Minn Fratellanza Mad-​Dinja Kollha
  • Faħħru Bil-​Ferħ Lil Jehovah!
  • Se Tfaħħar Int Lil Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Żgħażagħ, Faħħru lil Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Faħħar lil Jehovah għall-Għemejjel Kbar Tiegħu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Min Hu Bħal Jehovah Alla Tagħna?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 7/1 pp. 27-32

Maqtugħin Apparti Biex Nagħtu Tifħir mad-​Dinja Kollha

“Hallelujah! Faħħru, qaddejja tal-​Mulej, faħħru isem il-​Mulej. Ikun isem il-​Mulej imbierek.”—SALM 113:1.

1, 2. (a) Fi qbil maʼ Salm 113:1-3, min jixraqlu t-​tifħir entużjażmanti tagħna? (b) Liema mistoqsija huwa xieraq li nistaqsu?

ALLA JEHOVAH hu l-​Ħallieq Grandjuż tas-​sema u l-​art, is-​Sovran Universali tagħna għall-​eternità kollha. Hu jixraqlu kompletament it-​tifħir entużjażmanti tagħna. Dan huwa għala Salm 113:​1-3 jikkmandana: “Ħallelujah! Faħħru, qaddejja tal-​Mulej, faħħru isem il-​Mulej. Ikun isem il-​Mulej imbierek, minn issa u għal dejjem! Minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha ikun imfaħħar isem il-​Mulej!”

2 Bħala x-​Xhieda t’Alla, aħna ferħanin li nagħmluh dan. Kemm huwa eċċitanti li Alla Jehovah dalwaqt se jġiegħel li din l-​għanja ferriħija taʼ tifħir li qegħdin inkantaw illum timla l-​art kollha! (Salm 22:28 [Salm 22:27, NW]) Qiegħed leħnek jinstemaʼ f’dan il-​kor kbir taʼ madwar id-​dinja? Jekk inhu hekk, kemm jagħmlek ferħan li tkun maqtugħ apparti minn din id-​dinja mifruda, u bla ferħ!

3. (a) X’inhu li jagħmel lin-​nies taʼ Jehovah distinti u uniċi? (b) B’liema modi aħna maqtugħin apparti?

3 Li nfaħħru lil Jehovah f’unjoni ċertament jagħmilna distinti u uniċi. Aħna nitkellmu u ngħallmu fi qbil u nużaw l-​istess metodi biex niddikjaraw ‘it-​tjubija bla qjies’ taʼ Jehovah. (Salm 145:7) Iva, bħala l-​poplu dedikat taʼ Jehovah, aħna maqtugħin apparti għas-​servizz t’Alla tagħna, Jehovah. Alla qal lil Iżrael, il-​poplu dedikat tiegħu tal-​qedem, biex iżomm lilu nnifsu maqtugħ apparti mill-​ġnus taʼ madwaru u biex jibqaʼ bla mniġġes mill-​prattiċi taʼ dawk il-​ġnus. (Eżodu 34:12-16) Hu ta lill-​poplu tiegħu liġijiet biex jgħinhom jagħmlu dan. Bl-​istess mod illum, Jehovah tana l-​Kelma Qaddisa tiegħu, il-​Bibbja. L-​istruzzjonijiet tagħha juruna kif nistgħu nżommu ruħna maqtugħin apparti minn din id-​dinja. (2 Korintin 6:17; 2 Timotju 3:16, 17) M’aħniex maqtugħin apparti għax iżolajna ruħna f’monasterji u kunventi, bħalma jagħmlu l-​patrijiet u s-​sorijiet taʼ Babilonja l-​Kbira. Billi nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu, aħna wħud li nfaħħru lil Jehovah fil-​pubbliku.

Imitaw Lill-​Wieħed Ewlieni Li Jfaħħar Lil Jehovah

4. Ġesù kif stabbilixxa l-​eżempju f’li jfaħħar lil Jehovah?

4 Ġesù qatt ma warrab mill-​iskop tiegħu biex ifaħħar lil Jehovah. U dan għamlu apparti mid-​dinja. Fis-​sinagogi u fit-​tempju f’Ġerusalemm, hu faħħar l-​isem qaddis t’Alla. Kemm jekk fuq il-​quċċata taʼ muntanja u kemm f’xatt il-​baħar, kulfejn kienu jinġabru l-​folol, Ġesù ppriedka pubblikament il-​veritajiet taʼ Jehovah. Hu ddikjara: “[I]nfaħħrek, Missier, Sid is-​sema u l-​art.” (Mattew 11:25) Saħansitra waqt li kien għaddej ġuri quddiem Ponzju Pilatu, Ġesù xehed: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwann 18:37) Ġesù apprezza l-​importanza tax-​xogħol tiegħu. Kulfejn kien, Ġesù ta xiehda għal Jehovah u faħħru pubblikament.

5. Salm 22:23 [Salm 22:22, NW] għal min japplika, u x’għandha tkun l-​attitudni tagħna?

5 F’Salm 22:23 [Salm 22:22, NW], aħna nsibu din l-​istqarrija profetika rigward il-​Wieħed Ewlieni li jfaħħar lil Jehovah: “[I]nxandar ismek lil ħuti; [i]nfaħħrek f’nofs il-​ġemgħa.” U f’Lhud 2:11, 12, l-​appostlu Pawlu japplika dawn il-​versi għall-​Mulej Ġesù u għal dawk li lilhom Alla Jehovah qaddes għal glorja fis-​sema. Bħalu, huma ma jistħux ifaħħru l-​isem taʼ Jehovah f’nofs il-​kongregazzjoni. Għandna aħna l-​istess attitudni mentali meta nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tagħna? Il-​parteċipazzjoni entużjażmanti tagħna fil-​laqgħat tfaħħru lil Jehovah, kemm billi nkunu moħħna hemm u kemm billi nieħdu sehem. Imma t-​tifħir ferrieħi tagħna jieqaf hemm?

6. Ġesù liema inkarigu tahom lid-​dixxipli tiegħu, u dawk li jħobbu d-​dawl kif jigglorifikawh lil Alla?

6 Skond Mattew 5:14-16, il-​Mulej Ġesù inkariga wkoll lis-​segwaċi tiegħu biex iħallu d-​dawl tagħhom jiddi sabiex oħrajn ifaħħru lil Jehovah. Hu qal: “Intom id-​dawl tad-​dinja. . . . Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” Dawk li jħobbu d-​dawl iġibu glorja lil Alla. Jagħmluh huma dan sempliċement billi jgħidu u jagħmlu affarijiet ħelwin u umanitarji? Le, minflok dan jagħmluh billi jigglorifikaw lil Jehovah f’unjoni. Iva, dawk li jħobbu d-​dawl jiddedikaw lilhom infushom lil Alla u jsiru dawk li jfaħħruh bil-​ferħ. Għamiltu int dan il-​pass hieni?

Ferħ Milli Nfaħħru Lil Jehovah

7. Dawk li jfaħħru lil Jehovah għala huma daqshekk mimlijin ferħ, u liema ferħ kellhom fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

7 Dawk li jfaħħru lil Jehovah għala huma daqshekk ferriħin? Għaliex il-​ferħ huwa frotta taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. F’Galatin 5:22, huwa mniżżel preċiż wara l-​imħabba. Id-​dixxipli taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu wrew din il-​frotta taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah. Iva, fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., meta Alla ferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuq madwar 120 mid-​dixxipli taʼ Ġesù, ilkoll bdew ifaħħru lil Jehovah b’ilsna differenti. Lhud devoti li kienu ġew Ġerusalemm minn ħafna ġnus baqgħu ‘mħawdin.’ Huma esklamaw: “Aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-​ilsna tagħna l-​għeġubijiet taʼ Alla”! (Atti 2:1-11) X’kien ir-​riżultat taʼ dan it-​tifħir taʼ l-​għaġeb lil Jehovah b’ħafna lingwi differenti? Madwar 3,000 Lhud u proseliti Lhud aċċettaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna rigward il-​Messija. Huma tgħammdu, irċevew l-​ispirtu qaddis, u bil-​ħerqa żiedu leħinhom bħala wħud li jfaħħru lil Jehovah. (Atti 2:37-42) X’barka kienet dik!

8. Wara Pentekoste, x’għamlu l-​Kristjani biex iżidu l-​ferħ tagħhom?

8 Ir-​rapport ikompli: “Kuljum kienu jmorru fit-​tempju flimkien, jaqsmu l-​ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-​ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla, u l-​poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-​Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.” (Atti 2:46, 47) Kien biss il-​fatt li assoċjaw flimkien u li ssieħbu fl-​ikel li ġabilhom ferħ kbir? Le, il-​ferħ prinċipali tagħhom kien ġej milli jum wara jum kienu jfaħħru lil Jehovah. U l-​ferħ tagħhom intensifika meta raw eluf iwieġbu għall-​messaġġ tagħhom taʼ salvazzjoni. L-​istess ħaġa nistgħu ngħidu għalina llum.

Dawk Li Jfaħħru Bil-​Ferħ Fil-​Ġnus Kollha

9. (a) Meta u fejn beda Alla jagħti lil nies taʼ kull ġens l-​opportunità biex jisimgħu l-​aħbar tajba tiegħu? (b) L-​ispirtu qaddis għala ġie mferraʼ fuq Kornelju u sħabu qabel il-​magħmudija tagħhom?

9 Jehovah ma riedx li l-​attività taʼ tixrid taʼ dawl mill-​qaddejja tiegħu tkun illimitata għal ġens wieħed. B’seħħ mis-​sena 36 E.K., għalhekk, hu ta lil nies mill-​ġnus kollha l-​opportunità li jisimgħu l-​aħbar tajba tiegħu. Għad-​direzzjoni t’Alla, Pietru mar fid-​dar t’uffiċjal Ġentil taʼ l-​armata f’Ċesarea. Hemmhekk sab lil Kornelju miġbur mal-​ħbieb intimi u mal-​familja tiegħu. Hekk kif semgħu b’attenzjoni l-​kliem taʼ Pietru, huma eżerċitaw fidi f’Ġesù fi qlubhom. Dan kif nafuh? Għaliex l-​ispirtu qaddis t’Alla niżel fuq dawk il-​kredenti Ġentili. Normalment, l-​għotja taʼ l-​ispirtu t’Alla kienet tingħata biss wara l-​magħmudija, imma f’dik l-​okkażjoni Jehovah indika l-​approvazzjoni tiegħu taʼ dawk li ma kinux Lhud qabel ma ġew mgħaddsin fl-​ilma. Li kieku Jehovah m’għamilx hekk, Pietru ma setax ikun żgur li Alla issa kien qiegħed jaċċetta lill-​Ġentili bħala l-​qaddejja Tiegħu u li huma kkwalifikaw għall-​magħmudija taʼ l-​ilma.—Atti 10:34, 35, 47, 48.

10. Kif kien imbassar minn żmien il-​qedem li nies mill-​ġnus kollha kellhom ifaħħru lil Jehovah?

10 Minn żmien il-​qedem, Jehovah bassar li nies mill-​ġnus kollha kellhom ifaħħruh. Hu kellu jkollu dawk li jfaħħruh f’kull pajjiż. Bħala prova taʼ dan, l-​appostlu Pawlu kkwota profeziji mill-​Iskrittura Ebrajka. Hu qal lill-​kongregazzjoni internazzjonali taʼ Kristjani f’Ruma: “Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqaʼ lilkom, għall-​glorja taʼ Alla. Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej tal-​Lhud ċirkonċiżi minħabba l-​fedeltà taʼ Alla, biex iseħħu l-​wegħdiet li għamel lill-​Patrijarki, u biex il-​pagani [“ġnus,” NW] wkoll ifaħħru lil Alla minħabba l-​ħniena tiegħu bħalma hu miktub [f’Salm 18:50 (Salm 18:49, NW)]: ‘Għalhekk jiena nfaħħrek fost il-​ġnus u ngħanni tifħir ismek.’ U ttenni tgħid [f’Dewteronomju 32:43]: ‘Ifirħu, intom ġnus, flimkien mal-​poplu tiegħu.’ U terġaʼ [f’Salm 117:1]: ‘Faħħru lill-​Mulej, intom ġnus kollha, ħa jfaħħruh il-​popli kollha.’” (Korsiv tagħna.)—Rumani 15:7-11.

11. Alla kif għen lil nies minn kull ġens biex jitgħallmu l-​veritajiet tiegħu, u x’kien ir-​riżultat?

11 In-​nies ma jistgħux ifaħħru f’unità lil Jehovah jekk ma jpoġġux it-​tama tagħhom f’Ġesù Kristu, il-​wieħed li Alla ħatar biex isaltan fuq nies tal-​ġnus kollha. Biex jgħinhom japprezzaw il-​veritajiet Tiegħu li jwasslu għall-​ħajja eterna, Alla stabbilixxa programm internazzjonali taʼ tagħlim. Hu qiegħed jagħti d-​direzzjoni permezz tal-​klassi taʼ l-​irsir leali tiegħu. (Mattew 24:45-47, NW) B’liema riżultat? Iktar minn ħames miljun leħen ferrieħi qegħdin ikantaw it-​tifħir lil Jehovah f’iktar minn 230 pajjiż. U miljuni oħrajn qegħdin juru interess f’li jagħmlu bħalhom. Araw kemm attendew għall-​Mafkar fis-​sena 1996: 12,921,933. X’meravilja!

Imbassra Folla Kbira Taʼ Wħud Li Jfaħħru Bil-​Ferħ

12. Liema viżjoni li tqanqlek esperjenza l-​appostlu Ġwanni, u x’inhi r-​realtà ħajja taʼ din il-​viżjoni?

12 Ġo viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra “kotra kbira” minn kull ġens. (Apokalissi 7:9) X’inhi t-​tema tat-​tifħir li din il-​kotra kbira qiegħda tkanta flimkien mal-​fdal midluk t’Alla? Ġwanni jgħidilna: “Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.” (Apokalissi 7:10) Dan qiegħed jiġi ddikjarat bil-​qlubija f’kull parti tad-​dinja. Waqt li nxejru friegħi tal-​palm, biex ngħidu hekk, aħna f’unità qegħdin insellmu lil Alla bħala s-​Sovran Universali u qegħdin nistqarru bil-​ferħ quddiem is-​sema u l-​art li s-​salvazzjoni “nafuha” lilu u lil Ibnu, il-​Ħaruf, Ġesù Kristu. Min jaf x’eċċitament ħass l-​appostlu Ġwanni x’ħin ra din il-​viżjoni li tqanqlek tal-​kotra kbira! U x’eċċitament għandna aħna llum f’li naraw, u saħansitra nkunu parti minn, dik ir-​realtà ħajja taʼ dak li ra Ġwanni!

13. X’inhu li jagħmel lix-​Xhieda taʼ Jehovah maqtugħin apparti mid-​dinja?

13 Bħala qaddejja taʼ Jehovah, aħna kburin li nġorru ismu. (Isaija 43:10, 12) Il-​fatt li aħna Xhieda taʼ Jehovah jagħmilna differenti minn din id-​dinja. Kemm aħna ferħanin li nġorru l-​isem distint t’Alla u li l-​iskop tagħna huwa li nagħmlu x-​xogħol divin tiegħu f’ħajjitna! L-​iskop grandjuż taʼ Jehovah biex jissantifika l-​isem qaddis tiegħu u biex jivvindika s-​sovranità universali tiegħu permezz tas-​Saltna ta sinjifikat lil ħajjitna. U hu għenna biex ikollna post fl-​iskop divin tiegħu rigward ismu u Saltnatu. Dan hu għamlu bi tliet modi.

Fdati Bil-​Verità

14, 15. (a) Liema huwa mod wieħed kif Alla għenna biex ikollna post fl-​iskop divin tiegħu rigward ismu u Saltnatu? (b) Is-​Saltna li ġiet stabbilita fl-​1914 E.K. kif inhi differenti minn dik li ġiet megħluba fis-​sena 607 Q.E.K.?

14 L-​ewwel, Jehovah fada lin-​nies tiegħu bil-​verità. L-​iktar rivelazzjoni eċċitanti hija dik li s-​Saltna tiegħu bdiet tmexxi fl-​1914. (Apokalissi 12:10) Dan il-​gvern tas-​sema huwa differenti mis-​saltna tipika f’Ġerusalemm, fejn slaten mil-​linja taʼ David kienu jingħataw it-​tron. Dik is-​saltna ġiet megħluba, u b’seħħ mis-​sena 607 Q.E.K., Ġerusalemm ġiet issuġġettata kompletament għall-​ħakma taʼ potenzi dinjin Ġentili. Is-​Saltna ġdida li Jehovah stabbilixxa fl-​1914 hija potenza tas-​sema li qatt ma se tkun suġġetta lejn xi ħaddieħor ħlief Jehovah, u lanqas ma se tinġieb f’rovina. (Danjel 2:44) Barra minn hekk, it-​tmexxija tagħha hija differenti. Kif? Apokalissi 11:15 iwieġeb: “Ilħna qawwija nstemgħu fis-​sema jgħidu: ‘Is-​saltna tad-​dinja saret taʼ Sidna u tal-​Messija tiegħu, u hu se jsaltan għal dejjem taʼ dejjem.’”​—Korsiv tagħna.

15 ‘Is-​saltna taʼ Sidna u tal-​Messija tiegħu’ teżerċita awtorità fuq id-​dinja kollha kemm hi taʼ bnedmin. Din l-​espressjoni ġdida tas-​sovranità taʼ Jehovah, li tinkludi lil Ibnu Messjaniku u lill-​144,000 aħwa taʼ Ġesù, li l-​biċċa l-​kbira minnhom jinsabu rxoxtati għal glorja fis-​sema, m’hijiex sempliċement taʼ interess akkademiku​—xi suġġett taʼ teorija li l-​istudenti forsi jieħdu gost jiddiskutu. Le, din is-​Saltna tas-​sema hija gvern taʼ veru. U l-​prospett hieni tagħna li ngħixu għal dejjem f’perfezzjoni bħala riżultat tat-​tmexxija tagħha jagħtina raġuni biżżejjed biex inkomplu nifirħu. Li niġu fdati b’dawn il-​veritajiet tal-​Kelma taʼ Jehovah jqanqalna biex nitkellmu tajjeb dwarha. (Salm 56:11 [Salm 56:10, NW]) Qiegħed int tagħmel dan regolarment billi tgħid lil kulħadd li s-​Saltna Messjanika t’Alla qiegħda issa tmexxi fis-​smewwiet?

Megħjunin Mill-​Ispirtu Qaddis u Minn Fratellanza Mad-​Dinja Kollha

16, 17. Liema huma t-​tieni u t-​tielet modi li bihom Alla għenna biex ikollna post fl-​iskop divin tiegħu?

16 It-​tieni mod kif Alla għenna biex ikollna post fl-​iskop divin tiegħu huwa billi tana l-​ispirtu qaddis tiegħu, li jagħmilha possibbli għalina biex nipproduċu l-​frott sabiħ tiegħu f’ħajjitna u biex niksbu l-​approvazzjoni tiegħu. (Galatin 5:22, 23) Barra minn hekk, Pawlu kiteb lill-​Kristjani midlukin: ‘Aħna ħadna l-​ispirtu taʼ Alla, biex nagħrfu d-​doni li Alla għoġbu jagħtina.’ (1 Korintin 2:12) Billi nwieġbu għall-​ispirtu taʼ Jehovah, ilkoll kemm aħna nistgħu issa nkunu nafu u nifhmu l-​affarijiet tajbin preżenti li hu b’qalb tajba tana​—il-​wegħdi, il-​liġijiet, il-​prinċipji tiegħu, eċċ.—Qabbel Mattew 13:11.

17 Inkwantu għat-​tielet mod kif Alla qiegħed jgħinna, għandna l-​fratellanza tagħna mad-​dinja kollha u l-​arranġament organizzazzjonali meraviljuż taʼ Jehovah għall-​qima. L-​appostlu Pietru tkellem dwar dan meta ħeġġiġna parir biex ‘inħobbu lill-​aħwa.’ (1 Pietru 2:17) Il-​familja internazzjonali maħbuba tagħna t’aħwa rġiel u nisa tgħinna naqdu lil Jehovah b’qalbna mimlija ferħ, bħalma jikkmanda Salm 100:2: “Aqdu bil-​ferħ lill-​Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi.” Vers 4 jkompli jgħid: “Idħlu b’għana taʼ ħajr mill-​bibien tiegħu, bit-​tifħir fil-​btieħi tat-​tempju tiegħu; roddulu ħajr u bierku ismu!” Mela kemm jekk qegħdin inxandru pubblikament u kemm jekk qegħdin nattendu l-​laqgħat tagħna, aħna nistgħu nesperjenzaw il-​ferħ. X’paċi u sigurtà sibna fil-​btieħi sbieħ tat-​tempju spiritwali taʼ Jehovah!

Faħħru Bil-​Ferħ Lil Jehovah!

18. Għala nistgħu nifirħu f’li nfaħħru lil Jehovah minkejja l-​persekuzzjoni jew xi problemi oħrajn li jiġu fuqna?

18 Ikunu x’ikunu ċ-​ċirkostanzi diffiċli, il-​persekuzzjoni, jew xi problemi oħrajn li jistgħu jiġu fuqna, ejjew nifirħu li aħna qegħdin fid-​dar taʼ qima taʼ Jehovah. (Isaija 2:2, 3) Ftakar li dak il-​ferħ huwa kwalità fil-​qalb. Ħutna l-​Kristjani bikrin kienu wħud li faħħru lil Jehovah bil-​ferħ minkejja l-​ħafna tbatijiet u t-​telf li esperjenzaw. (Lhud 10:34) Sħabna fit-​twemmin illum huma preċiż bħalhom.—Mattew 5:10-12.

19. (a) Liema ordnijiet ripetuti jqanqluna biex infaħħru lil Jehovah? (b) Il-​ħajja eterna tagħna tiddependi fuq liema ħaġa, u x’inhi d-​determinazzjoni tagħna?

19 Ilkoll kemm aħna li naqdu lil Jehovah nitgħaxxqu li nobdu l-​ordnijiet tal-​Bibbja biex infaħħruh. Ripetutament fil-​ktieb t’Apokalissi nsibu li t-​tifħir lejn Alla huwa akkumpanjat mill-​espressjoni “Ħallelujah!” (Apokalissi 19:1-6) Fis-​sitt versi taʼ Salm 150, jintqalilna għal 13-il darba biex infaħħru lil Jehovah. Dan huwa appell universali lill-​ħolqien kollu biex jingħaqad f’li jkanta tifħir lil Jehovah bil-​ferħ. Il-​ħajja eterna tagħna tiddependi fuq li aħna ningħaqdu f’li nkantaw dan ir-​ritornell kbir taʼ Ħallelujah! Iva, l-​uniċi nies li se jgħixu għal dejjem huma dawk li jagħtu tifħir bla waqfien lil Jehovah. Għalhekk, aħna ddeterminati biex inżommu qrib ferm tal-​kongregazzjoni leali mad-​dinja kollha hekk kif joqrob it-​tmiem. Imbagħad, nistgħu nittamaw li naraw il-​kliem finali taʼ Salm 150 imwettaq kompletament: “Kull ma jieħu n-​nifs, ħa jfaħħar il-​Mulej! Ħallelujah!” (w97 7/1)

Kif Twieġeb Int?

◻ X’inhu li jagħmel lin-​nies taʼ Jehovah distinti u uniċi?

◻ Il-​qaddejja taʼ Jehovah għala huma tant ferħanin?

◻ X’inhu li jagħmilna maqtugħin apparti mid-​dinja?

◻ Alla b’liema tliet modi għenna biex ikollna post fl-​iskop divin tiegħu?

[Stampa f’paġna 28]

Kulfejn kien, Ġesù ta xiehda għal Jehovah u faħħru pubblikament

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja