Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Jistaʼ Jkun Tassew Perikoluż li Tinnamra fuq l-Internet?
“Fuq l-Internet, tistaʼ ma tkunx taf eżatt min hi l-persuna l-oħra.”—Dan, 17.a
“In-nies jistgħu jigdbu fuq l-Internet. Huwa faċli li tippretendi li int xi ħaddieħor.”—George, 26.
IN-NAMUR fuq l-Internet qed isir dejjem iktar popolari madwar id-dinja. Bħalma ddiskuta l-artiklu li ħareġ qabel f’din is-serje t’artikli, in-namur fuq l-Internet jistaʼ jiżviluppa malajr, imma spiss jispiċċa fix-xejn meta tiġi ffaċċjata r-realtà.b Xorta waħda, hemm affarijiet iktar gravi li għandhom jinkwetawk mis-sempliċi diżappunt. In-namur maʼ xi ħadd b’dan il-mod jistaʼ jpoġġik f’periklu kbir—kemm jekk fiżiku, emozzjonali, u kemm spiritwali.
Kif tistaʼ xi ħaġa li tidher daqshekk innoċenti u ħielsa mill-periklu—kompjuter f’darek stess—fil-fatt tkun taʼ periklu għalik? Xi ftit mill-perikli huma konnessi maʼ prinċipju importanti li nsibuh fil-Bibbja. L-appostlu Pawlu kiteb: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Dan mhux qed jissuġġerixxi li l-użu taʼ l-Internet hu diżonest jew saħansitra li tkun diżonest jekk tużah. Però, irridu nammettu li nies oħrajn spiss m’humiex onesti u li bħalma jissuġġerixxu l-kwotazzjonijiet fil-bidu taʼ dan l-artiklu, l-Internet donnu jagħmilha iktar faċli biex isiru ċerti prattiċi diżonesti u jagħmilha iktar diffiċli biex tinduna bihom. U fejn jidħlu r-rabtiet romantiċi, id-diżonestà tippreżenta perikli kbar.
Per eżempju, innota t-tip taʼ diżonestà deskritta f’dan il-vers Bibliku: “Ma qgħadtx man-nies giddieba, ma sseħibtx maʼ nies qarrieqa.” (Salm 26:4) Xi jfisser il-kliem “nies qarrieqa”? Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja hawnhekk jużaw il-kelma “ipokriti.” Bħalma jgħid xogħol wieħed taʼ referenza, din l-espressjoni tistaʼ tapplika għal “dawk li jaħbu l-iskopijiet u l-pjanijiet tagħhom minn oħrajn, jew li jaħbu l-karattru u l-intenzjonijiet veri tagħhom.” Kif tistaʼ tiġi prattikata din id-diżonestà fuq l-Internet? U liema perikli tippreżenta għal dawk li jixtiequ jinnamraw?
Ilpup Lebsin taʼ Nagħaġ
Missier li jismu Michael baqaʼ xxokkjat meta semaʼ f’seminarju li ħafna mit-tfal ma jobdux l-ordnijiet tal-ġenituri biex ma jidħlux f’Websites perikolużi. “Dak li inkwetani saħansitra iktar,” jgħid hu, “kien li bqajt ixxokkjat meta rrealizzajt li l-pedofili jistgħu jużaw l-Internet biex iħajru lit-tfal għal attivitajiet sesswali baxxi.” Meta ż-żgħażagħ jużaw l-Internet biex jiltaqgħu maʼ nies ġodda, huma jistgħu jsibu ruħhom f’periklu akbar milli jistgħu jirrealizzaw.
Tabilħaqq, kien hemm rapporti fl-aħbarijiet dwar predaturi sesswali li jkunu adulti u li jippretendu li huma żgħażagħ hekk kif iħufu fuq l-Internet ħalli jaħtfu lil xi wħud żgħar. Skond studju li sar, “wieħed minn kull ħamest itfal li jużaw l-Internet intalbu jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali.” Gazzetta waħda qalet ukoll li wieħed minn kull 33 tifel jew tifla bejn l-għaxar u s-17-il sena ġew “iffittati kontinwament b’mod aggressiv” permezz taʼ konversazzjonijiet bil-kompjuter.
Xi żgħażagħ skoprew, b’sorpriża għalihom, li ż-“żagħżugħ” li kienu għadhom kif bdew jinnamraw miegħu permezz taʼ l-Internet kien fil-fatt adult miżmum il-ħabs. Żgħażagħ oħrajn mingħajr fini taʼ xejn involvew ruħhom maʼ predaturi sesswali. Dawn in-nies taʼ drawwiet baxxi “jippreparaw” lill-vittma prospettiva, billi l-ewwel jiksbu l-fiduċja tagħha permezz taʼ diskors dħuli fiċ-chat rooms. Maż-żmien, jipprovaw jiltaqgħu wiċċ imbwiċċ sabiex iwettqu x-xewqat perversi tagħhom. Traġikament, xi żgħażagħ ġew imsawtin, stuprati, u saħansitra maqtulin minħabba dan.
Tabilħaqq, in-nies ħżiena jużaw il-‘qerq’ biex isibu l-vittmi fuq l-Internet. Dawn il-predaturi għandhom mnejn ifakkruk fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar il-profeti foloz li ‘jiġu għandek lebsin taʼ nagħaġ,’ imma fir-realtà huma bħal “ilpup imġewħin.” (Mattew 7:15) Komunikazzjoni anonima minn fuq l-Internet tistaʼ tagħmilhielek kważi impossibbli biex tagħraf dan it-tip taʼ qerq. “Meta tkellem lil xi ħadd wiċċ imbwiċċ,” jgħid George li kkwotajnieh qabel, “tistaʼ tifhem xi ħaġa mill-espressjonijiet taʼ wiċċu u t-ton taʼ leħnu. Imma fuq l-Internet ma tistaʼ tagħmel xejn minn dan. Huwa faċli li tiġi mqarraq.”
Kemm hu tabilħaqq għaref il-parir tal-Bibbja: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” (Proverbji 22:3) Huwa minnu li mhux maʼ kulmin tiltaqaʼ fuq l-Internet hu predatur perikoluż. Però, hemm iktar modi kif in-nies ikunu “qarrieqa.”
Il-Perikli tal-Qerq u l-Ħabi
Ma nissorprendux ruħna mill-fatt li hi xi ħaġa komuni fost dawk li jfittxu li jinnamraw fuq l-Internet li jesaġeraw jew jivvintaw il-karatteristiki tajbin u jċekknu jew jaħbu d-difetti serji. Iktar minn hekk, The Washington Post ikkwotat lil awtur li qal: “In-namur fuq l-Internet jistaʼ jkun ħażin minħabba li n-nies jiġu mqarrqin.” Din iżżid: “In-nies spiss jigdbu dwar x’sess huma. . . . Il-qligħ, . . . ir-razza, ir-rekord kriminali, l-istorja tas-saħħa mentali, u l-istatus taż-żwieġ spiss jibqgħu mistura għal żmien twil f’dawn ir-relazzjonijiet.” Ħafna nies irrapportaw esperjenzi taʼ wġigħ li għaddew minnhom meta ġew imqarrqin għaliex involvew ruħhom f’namur fuq l-Internet. Ir-rapporti saru biex iwissu lil oħrajn.
Se jigdbu n-nies dwar xi ħaġa taʼ importanza kbira bħall-ispiritwalità tagħhom? B’dispjaċir, iva—xi wħud jgħidu li huma Kristjani meta ma jkunux. Għala jqarrqu? Għal darb’oħra, raġuni waħda hi li fuq l-Internet huwa faċli li tagħmel dan. Żagħżugħ mill-Irlanda li jismu Sean jammetti: “Huwa verament faċli li tippretendi li tkun xi ħaġa li m’intix meta tkun qed tittajpja fuq skrin tal-kompjuter.”
Ħafna nies ma jiħduhx bis-serjetà dan il-qerq, għaliex jirraġunaw li huwa naturali li tigdeb ftit meta tkun se tibda tinnamra. Però, ftakar li Alla jobgħod il-gideb. (Proverbji 6:16-19) U bir-raġun. Ħafna mill-uġigħ u l-miżerja taʼ din id-dinja huwa riżultat tal-gideb. (Ġwanni 8:44) Id-diżonestà hija l-agħar bażi possibbli għal kwalunkwe relazzjoni, speċjalment waħda li suppost għandha twassal għal rabta dejjiema. Agħar minn hekk, id-diżonestà hija perikoluża għall-ispiritwalità; tħassar ir-relazzjoni tal-giddieb m’Alla Ġeħova.
B’dispjaċir, xi żgħażagħ spiċċaw involuti f’tip ieħor taʼ diżonestà. Huma fittxew relazzjonijiet fuq l-Internet u ħbew dan il-fatt mill-ġenituri tagħhom. Per eżempju, il-ġenituri taʼ ġuvni adoloxxenti baqgħu maħsudin jum wieħed meta tfajla li ma kinitx taʼ l-istess twemmin Kristjan waslet bla mistenni d-dar tagħhom wara li vvjaġġat iktar minn 1,500 kilometru. Binhom kien ilu jinnamra magħha permezz taʼ l-Internet għal sitt xhur, imma huma ma kinux jafu biha sa dak il-mument!
“Kif tistaʼ tiġri xi ħaġa bħal din?” staqsew il-ġenituri. Huma ħasbu, ‘Ma jistax ikun li t-tifel tagħna nġibed lejn persuna li qatt ma ltaqaʼ magħha wiċċ imbwiċċ.’ Fil-fatt, binhom kien qed iqarraq bihom—jiġifieri, ħeba min kien verament. Ma taqbilx li dan it-tip taʼ qerq hu pedament dgħajjef biex tinbeda għerusija?
Kuntatt Reali Minflok Virtwali
In-namur fuq l-Internet jistaʼ joħloq perikli oħra. Kultant, ħabib fuq l-Internet jistaʼ jsir iktar reali min-nies li tiltaqaʼ magħhom kuljum. Il-familja, il-ħbieb, u r-responsabbiltajiet jiġu fit-tieni post. Tfajla li jisimha Monika, mill-Awstrija, tgħid: “Bdejt nittraskura relazzjonijiet importanti għaliex qattajt ħafna ħin man-nies li ltqajt magħhom fuq il-kompjuter.” Peress li ħassitha inkwetata meta rrealizzat dan, hi ddeċidiet li tieqaf tuża l-Internet b’dan il-mod.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna huma kapaċi jużaw l-Internet b’mod bilanċjat. Il-komunikazzjoni bl-E-mail tistaʼ tkun mod utli ħafna kif iżżomm kuntatt mal-ħbieb u maʼ dawk li tħobb. Però, żgur li taqbel li m’hemm xejn li jistaʼ jieħu post il-kuntatt li jsir wiċċ imbwiċċ. Jekk int għaddejt “il-fjur taż-żgħożija”—iż-żmien meta x-xewqat sesswali jkunu l-iktar qawwijin—u interessat fiż-żwieġ, qed tiffaċċja waħda mill-iktar għażliet importanti li se tagħmel f’ħajtek. (1 Korintin 7:36) Mela agħmel ħiltek biex tkun responsabbli fid-deċiżjoni tiegħek.
Il-Bibbja tagħti l-parir: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” (Proverbji 14:15) Minflok ma temmen dak kollu li jiktiblek xi ħadd li qatt ma ltqajt miegħu, ikkunsidra sew il-passi tiegħek. Ikun ħafna iktar għaqli li tibda billi tiltaqaʼ u tagħmel ħbieb maʼ xi ħadd wiċċ imbwiċċ. Ara jekk taqblux tassew, speċjalment fejn jidħlu l-miri u l-valuri spiritwali. Għerusija bħal din tistaʼ twassal għal żwieġ tassew hieni.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
b Ara l-artiklu “Young People Ask . . . ‘Should I Try Internet Dating?’” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . “Għandi Nipprova Ninnamra fuq l-Internet?”) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 t’April, 2005.
[Stampa f’paġna 12]
Taf verament min qed jiktiblek il-messaġġi fuq l-Internet?
[Stampa f’paġna 14]
Meta tkun involuta l-għerusija, xejn ma jistaʼ jkun aqwa milli tiltaqgħu wiċċ imbwiċċ