Imxi fit-Triq taʼ l-Integrità
“Iżda jien nimxi [“fl-integrità tiegħi,” “Karm Żammit”].”—SALM 26:11.
1, 2. (a) L-integrità tal-bniedem għala hija parti importanti mill-kwistjoni tas-sovranità t’Alla? (b) Il-ħlejjaq intelliġenti kif jistgħu juru li jappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova?
META Satana rribella fil-ġnien taʼ l-Għeden, hu qajjem il-kwistjoni universali dwar jekk Alla kellux id-dritt li jaħkem fuq il-ħlejjaq kollha Tiegħu. Xi żmien wara, hu sfida lil Alla u qallu li l-bnedmin jaqduh biss għax hekk jaqblilhom. (Ġob 1:9-11; 2:4) Għaldaqstant, l-integrità tal-bniedem saret parti importanti mill-kwistjoni tas-sovranità universali taʼ Ġeħova.
2 Għalkemm is-sovranità t’Alla ma tiddependix mill-integrità tal-ħlejjaq tiegħu, il-bnedmin u l-ulied spirti t’Alla jistgħu juru fuq liema naħa jinsabu f’din il-kwistjoni. Kif? Billi jagħżlu jekk iridux jimxu bl-integrità jew le. Għaldaqstant, l-integrità taʼ individwu hija bażi soda fuqiex jistaʼ jiġi ġudikat.
3. (a) Ġob u David x’riedu li Ġeħova jeżamina u jiġġudika? (b) Liema mistoqsijiet iqumu dwar l-integrità?
3 Ġob setaʼ jgħid b’fiduċja: “Ħa jiżinni Alla b’miżien tajjeb, u jagħraf [“l-integrità tiegħi,” KŻ].” (Ġob 31:6) Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem talab lil Ġeħova biex jeżamina l-integrità tiegħu meta qal: “Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej! [“Għax jien imxejt fl-integrità tiegħi,” “KŻ”], sħiħa fil-Mulej it-tama tiegħi.” (Salm 26:1) Kemm huwa vitali li aħna wkoll nimxu fit-triq taʼ l-integrità! Imma x’inhi l-integrità, u xi jfisser li timxi fit-triq tagħha? X’se jgħinna nżommu l-integrità?
“Imxejt fl-Integrità Tiegħi”
4. X’inhi l-integrità?
4 L-integrità ġġorr il-ħsieb taʼ li wieħed ikun rett, bla ħtija, ġust, u bla difett. Madankollu, l-integrità tinvolvi iktar milli wieħed jagħmel is-sewwa. Din tfisser sodizza morali jew devozzjoni lejn Alla mill-qalb u b’mod komplet. Satana qajjem dubji dwar il-motivi taʼ Ġob meta qal lil Alla: “Issa midd idek u olqtu f’għadmu u laħmu [taʼ Ġob], u ara jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 2:5) L-integrità teħtieġ qalb motivata b’mod xieraq flimkien m’aġir addattat.
5. X’juri li mhux bilfors irridu nkunu perfetti biex inżommu l-integrità?
5 Madankollu, ma jfissirx li rridu nkunu perfetti biex nuru l-integrità. Is-Sultan David kien imperfett u żbalja bl-ikrah matul ħajtu. Minkejja dan, il-Bibbja titkellem dwaru bħala bniedem li mexa bl-integrità, jew “bis-safa tal-qalb.” (1 Slaten 9:4) Għala? Għax David kien iħobb lil Ġeħova. Qalbu kienet devota lejn Alla. Hu kien lest li jagħraf fejn żbalja, jaċċetta t-twiddib, u jirranġa triqatu. Tabilħaqq, l-integrità taʼ David tidher fid-devozzjoni b’qalb sħiħa u fl-imħabba li kellu għal Alla tiegħu, Ġeħova.—Dewteronomju 6:5, 6.
6, 7. X’jinvolvi li nimxu bl-integrità?
6 L-integrità m’hijiex limitata għal xi aspett partikulari tal-kondotta umana, bħal per eżempju d-devozzjoni reliġjuża. Din tinkludi kull qasam taʼ ħajjitna. David ‘mexa’ fl-integrità tiegħu. “Il-verb ‘timxi’ jimplika ‘mod t’għajxien’ jew ‘stil taʼ ħajja,’” tgħid The New Interpreter’s Bible. Meta tkellem dwar dawk li “triqthom bla ħtija,” is-salmista kanta: “Henjin dawk li jħarsu l-preċetti [t’Alla], u li jfittxuh b’qalbhom kollha. Huma ma jagħmlux ħażen, imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.” (Salm 119:1-3) L-integrità titlob li kontinwament infittxu li nagħmlu r-rieda t’Alla u nimxu fit-triqat tiegħu.
7 Sabiex nimxu bl-integrità rridu nuru devozzjoni leali lejn Alla, anki f’ċirkustanzi mhux favorevoli. Meta nissaportu l-provi, jew nibqgħu sodi minkejja l-problemi li jinqalgħu, jew nirreżistu tentazzjonijiet minn din id-dinja ħażina, l-integrità tagħna toħroġ fil-beraħ. Aħna ‘nferrħu qalb Ġeħova’ ħalli hu jkun jistaʼ jwieġeb lil dak li qed jgħajru. (Proverbji 27:11) Għaldaqstant, aħna għandna għalxiex inkunu determinati li nagħmlu bħal Ġob: “Insostni sa ma mmut [“l-integrità tiegħi,” KŻ].” (Ġob 27:5) Salm kapitlu 26 jurina x’jistaʼ jgħinna nimxu bl-integrità.
‘Irfina l-Kliewi Tiegħi u Qalbi’
8. X’tistaʼ titgħallem mill-fatt li David talab lil Ġeħova biex jeżaminalu l-kliewi u qalbu?
8 David talab: “Ġarrabni, Mulej, u għarbilni, [“irfina l-kliewi tiegħi,” “NW”] u qalbi.” (Salm 26:2) Il-kliewi jinsabu misturin fil-ġewwieni tal-ġisem. B’mod figurattiv, il-kliewi jirrappreżentaw l-iktar ħsibijiet u emozzjonijiet profondi tal-bniedem. U l-qalb figurattiva hija dak kollu li l-bniedem hu minn ġewwa—il-motivazzjonijiet, is-sentimenti, u l-abbiltà mentali tiegħu. Meta David talab lil Ġeħova biex jeżaminah, hu talbu biex ifittixlu u jirfinalu l-iktar ħsibijiet u sentimenti profondi.
9. Ġeħova b’liema mod jirfinalna l-kliewi u l-qalb figurattivi?
9 David talab biex jiġu rfinuti l-kliewi tiegħu u qalbu. Ġeħova kif jirfinana minn ġewwa? David kanta: “Mbierek lill-Mulej li tani l-fehma; mqar billejl [“il-kliewi tiegħi kkoreġewni,” NW].” (Salm 16:7) Dan xi jfisser? Ifisser li l-pariri mingħand Alla waslu sal-ġewwieni nett taʼ David, baqgħu hemm, u kkoreġewlu l-iktar ħsibijiet u emozzjonijiet profondi. L-istess ħaġa tistaʼ tiġri lilna jekk aħna nirriflettu b’apprezzament fuq il-pariri li nirċievu permezz tal-Kelma t’Alla, ir-rappreżentanti tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu u nħalluhom jinżlu fil-fond taʼ qalbna. Jekk nitolbu regolarment lil Ġeħova biex jirfinana b’dan il-mod inkunu nistgħu nimxu bl-integrità.
‘Tjubitek Quddiemi’
10. X’għen lil David jimxi skond is-sewwa t’Alla?
10 David kompla: “Tjubitek quddiem għajnejja, mxejt skond is-sewwa tiegħek.” (Salm 26:3) David kien jafhom sew l-atti taʼ tjubija t’Alla, u kien jimmedita fuqhom b’apprezzament. “Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,” hu kanta, “u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.” Filwaqt li ftakar f’wieħed mill-għemejjel taʼ “ġid” li għamel Alla, David kompla: “Il-Mulej jagħmel is-sewwa, u l-ħaqq mal-maħqurin kollha. Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu, l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.” (Salm 103:2, 6, 7) Forsi David kellu f’moħħu l-moħqrija li batew l-Iżraelin taħt l-Eġizzjani fi żmien Mosè. Jekk inhu hekk, il-fatt li David irrifletta fuq kif Ġeħova għarraf lil Mosè bil-ħelsien x’aktarx li messlu qalbu u għamlu iktar determinat li jimxi skond is-sewwa t’Alla.
11. X’jistaʼ jgħinna nimxu fit-triq taʼ l-integrità?
11 Xi ħaġa oħra li se tgħinna nimxu fit-triq taʼ l-integrità hija li nistudjaw il-Kelma t’Alla regolarment u nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu minnha. Per eżempju, meta niftakru kif Ġużeppi ħarab minn quddiem il-mara taʼ Putifar meta din ipprovat tħajru għall-immoralità, żgur se nħossuna inkuraġġiti biex naħarbu minn sitwazzjonijiet simili li jistaʼ jkollna fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, jew xi mkien ieħor. (Ġenesi 39:7-12) Xi ngħidu dwar meta niġu mħajrin b’ġid materjali jew fama u qawwa fid-dinja sekulari? Għandna l-eżempju taʼ Mosè, li ċaħad il-glorja u r-rikkezzi taʼ l-Eġittu. (Ebrej 11:24-26) Jekk inżommu f’moħħna s-sabar taʼ Ġob, żgur li se nsaħħu d-determinazzjoni tagħna li nibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja l-mard u l-problemi. (Ġakbu 5:11) Xi ngħidu jekk niġu persegwitati? Għandna l-esperjenza taʼ Danjel fil-ħofra taʼ l-iljuni. Żgur li nimtlew bil-kuraġġ meta niftakru fiha!—Danjel 6:17-23 (6:16-22, NW).
“Ma Qgħadtx man-Nies Giddieba”
12, 13. Liema tip taʼ sħubija għandna nevitaw?
12 Billi rrefera għal fattur ieħor li saħħaħlu l-integrità tiegħu, David qal: “Ma qgħadtx man-nies giddieba, ma sseħibtx maʼ nies qarrieqa. Nobgħod il-ġemgħa tal-ħżiena, ma nagħmilhiex mal-midinbin.” (Salm 26:4, 5) David sempliċement ma riedx jagħmilha mal-ħżiena. Hu kien jobgħodha s-sħubija ħażina.
13 U aħna? Nirrifjutaw li noqogħdu maʼ nies giddieba permezz taʼ programmi fuq it-televixin, vidjos, films, sites taʼ l-Internet, jew mezzi oħrajn? Inżommu ’l bogħod minn nies qarrieqa li jaħbu x’inhuma? Fl-iskola jew fuq ix-xogħol jistaʼ jkun hemm xi wħud li jagħmluha taʼ ħbieb għal skopijiet makakki. Aħna verament nixtiequ nkunu ħbieb tal-qalb taʼ wħud li ma jimxux skond is-sewwa t’Alla? Għalkemm isostnu li huma sinċieri, l-apostati wkoll għandhom mnejn jidħqu bina biex iġagħluna nieqfu milli naqdu lil Ġeħova. Xi ngħidu jekk hemm xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana li qed jgħixu ħajja doppja? Dawn ukoll qed jaħbu x’inhuma tassew. Jayson, li issa qed jaqdi bħala qaddej ministerjali, kellu ħbieb bħal dawn f’żgħożitu. Dwarhom, hu jgħid: “Darba, wieħed minnhom qalli: ‘Ma tagħmilx differenza x’nagħmlu issa għax meta tiġi s-sistema l-ġdida, se mmutu u daqshekk. Lanqas biss se nindunaw li tlifna xi ħaġa.’ Dan il-kliem ġabni f’sensija. Jien ma rridx inkun mejjet meta tiġi s-sistema l-ġdida.” Jayson kien għaqli u ma baqax jissieħeb maʼ wħud bħal dawn. “Titqarrqux,” wissa l-appostlu Pawlu. “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Kemm hu vitali li nevitaw sħubija ħażina!
“Inxandar Għeġubijietek Kollha”
14, 15. Kif nistgħu ‘nduru madwar l-artal’ taʼ Ġeħova?
14 “Naħsel fis-safa jdejja, u ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej,” kompla David. Għala? “Biex ngħannilek ir-radd taʼ ħajr, u nxandar għeġubijietek kollha.” (Salm 26:6, 7) David ried jibqaʼ nadif moralment sabiex ikun jistaʼ jqim lil Ġeħova u juri d-devozzjoni tiegħu lejn Alla.
15 Kull ħaġa li kellha x’taqsam mal-qima pura fit-tabernaklu u iktar tard fit-tempju kienet ‘rappreżentazzjoni tipika u dell taʼ l-affarijiet tas-sema.’ (Ebrej 8:5; 9:23) L-artal ta stampa tal-fatt li Ġeħova kien lest li jaċċetta s-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa għall-umanità. (Ebrej 10:5-10) Aħna naħslu idejna fis-safa u ‘nduru madwar l-artal’ taʼ Ġeħova billi neżerċitaw fidi f’dan is-sagrifiċċju.—Ġwanni 3:16-18.
16. Kif nibbenefikaw meta nxandru m’oħrajn lgħeġubijiet t’Alla?
16 Meta naħsbu dwar dak kollu li sar possibbli permezz tal-fidwa, ma timteliex qalbna bi gratitudni lejn Ġeħova u lejn Ibnu l-uniġenitu? B’din il-gratitudni f’qalbna, allura, ejja nxandru m’oħrajn l-għeġubijiet t’Alla—mill-ħolqien tal-bniedem fil-ġnien taʼ l-Għeden sat-tiġdid komplet taʼ l-affarijiet kollha fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Ġenesi 2:7; Atti 3:21) U kemm jipproteġina spiritwalment ix-xogħol tax-xandir tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli! (Mattew 24:14; 28:19, 20) Iktar ma nħabirku f’dan ix-xogħol iktar se jkollna tama qawwija għall-futur, fidi iżjed b’saħħitha fil-wegħdi t’Alla, u mħabba iżjed soda għal Ġeħova u għal bnedmin oħra bħalna.
“Inħobb id-Dar taʼ l-Għamara Tiegħek”
17, 18. X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn il-laqgħat Kristjani?
17 It-tabernaklu, bl-artal għas-sagrifiċċji, kien iċ-ċentru tal-qima lil Ġeħova f’Iżrael. David esprima l-għaxqa tiegħu f’dan il-post u talab: “Mulej, nħobb id-dar taʼ l-għamara tiegħek, il-post fejn jgħammar sebħek.”—Salm 26:8.
18 Inħobbu aħna niltaqgħu f’postijiet fejn nitgħallmu dwar Ġeħova? Kull Sala tas-Saltna bil-programm kontinwu taʼ tagħlim spiritwali sservi bħala ċ-ċentru tal-qima vera fil-komunità. Barra minn hekk, kull sena jkollna l-konvenzjonijiet, l-assembleat tas-circuit, u l-jiem t’assemblea speċjali. F’dawn il-laqgħat jiġu diskussi l-“preċetti,” jew it-tfakkiriet, taʼ Ġeħova. Jekk nitgħallmu ‘nħobbuhom ħafna,’ se nkunu ħerqanin biex nattendu l-laqgħat u waqt li nkunu hemm noqogħdu attenti. (Salm 119:167) Kemm huwa rifreskanti li nkunu maʼ sħabna fit-twemmin li jixtiqulna l-ġid u li jgħinuna nibqgħu mexjin bl-integrità!—Ebrej 10:24, 25.
‘Tgħoddnix Magħhom’
19. David taʼ liema dnubiet ma xtaqx li jinsab ħati?
19 Ladarba kien konxju bis-sħiħ tal-konsegwenzi li jistaʼ jkollu jekk ma jibqax jimxi skond is-sewwa t’Alla, David talab: “Tgħoddnix man-nies midinba, anqas maʼ min ixerred id-dmija; dawk li għandhom f’idejhom il-ħażen, u f’leminthom rigali qarrieqa.” (Salm 26:9, 10) David ma xtaqx li Ġeħova jgħoddu maʼ nies ħżiena li huma ħatjin tal-ħażen jew li jieħdu rigali qarrieqa.
20, 21. X’jistaʼ jġagħalna nimxu bħan-nies li m’għandhomx il-biżaʼ t’Alla?
20 Id-dinja taʼ llum tinsab mgħaddsa fi prattiċi immorali. It-televixin, ir-rivisti, u l-films jippromwovu ‘żína, nuqqas taʼ ndafa, u kondotta laxka.’ (Galatin 5:19) Xi wħud saru lsiera tal-pornografija, li spiss twassal għal kondotta immorali. Iż-żgħażagħ b’mod speċjali malajr jinfluwenzaw ruħhom b’affarijiet bħal dawn. F’ċerti pajjiżi, il-ħruġ maʼ xi ħadd tassess oppost huwa drawwa, u ż-żgħażagħ jiġu mġagħlin jaħsbu li huma jridu jagħmlu l-istess. Ħafna żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod romantiku, avolja jkunu għadhom żgħar wisq biex jiżżewġu. Sabiex jissodisfaw ix-xewqat sesswali li jkunu qed jinġemgħu fihom, huma ma jdumux ma jinvolvu ruħhom f’kondotta immorali sal-punt li jaqgħu fiż-żína.
21 L-adulti bl-ebda mod m’huma ħelsin minn influwenzi ħżiena. Prattiċi diżonesti fin-negozju u t-tendenza li wieħed jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq motivi egoistiċi huma indikazzjonijiet taʼ nuqqas taʼ integrità. Jekk nimxu bħalma timxi d-dinja, inkunu biss qed nitbiegħdu minn Ġeħova. Ejja ‘nobogħdu d-deni u nħobbu l-ġid’ u nkomplu nimxu fit-triq taʼ l-integrità.—Għamos 5:15.
“Eħlisni Int, u Ħenn Għalija”
22-24. (a) X’inkuraġġiment issib fil-kliem li jagħlaq bih Salm 26? (b) Liema nassa se tiġi diskussa fl-artiklu li jmiss?
22 David temm jitkellem m’Alla b’dan il-kliem: “Iżda jien nimxi [“fl-integrità tiegħi,” “KŻ”], eħlisni int, u ħenn għalija. Jien b’riġli wieqaf fil-wita; fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.” (Salm 26:11, 12) Id-determinazzjoni taʼ David li jibqaʼ jżomm l-integrità hija marbuta mat-talba tiegħu għall-ħelsien. Kemm huwa inkuraġġanti dan! Minkejja l-istat midneb tagħna, Ġeħova se jgħinna jekk aħna nkunu determinati li nimxu fit-triq taʼ l-integrità.
23 Jalla l-mod kif ngħixu juri li aħna nirrispettaw u napprezzaw is-sovranità t’Alla f’kull aspett taʼ ħajjitna. Ilkoll kemm aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jeżaminalna u jirfinalna l-iktar ħsibijiet u sentimenti profondi. Nistgħu nżommu l-verità tiegħu quddiemna l-ħin kollu billi nistudjaw il-Kelma tiegħu bir-reqqa. Għaldaqstant, ejja nevitaw akkost taʼ kollox is-sħubija ħażina u nfaħħru lil Ġeħova fil-ġemgħat. Jalla nipparteċipaw biż-żelu fix-xogħol tax-xandir tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli, u qatt ma nħallu lid-dinja tipperikola r-relazzjoni prezzjuża tagħna m’Alla. Hekk kif nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nimxu fit-triq taʼ l-integrità, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se japprovana.
24 Ladarba l-integrità tinvolvi kull aspett tal-ħajja, irridu noqogħdu attenti għal nassa perikoluża ħafna—l-abbuż taʼ l-alkoħol. Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
• Il-ħlejjaq intelliġenti għala jistgħu b’mod xieraq jiġu ġudikati skond l-integrità tagħhom?
• X’inhi l-integrità, u x’jinvolvi li nimxu fit-triq tagħha?
• X’se jgħinna nimxu fit-triq taʼ l-integrità?
• Biex nibqgħu nżommu l-integrità, liema perikli rridu noqogħdu attenti għalihom u nevitawhom?
[Stampa f’paġna 14]
Int titlob lil Ġeħova regolarment biex jeżaminalek l-iktar ħsibijiet profondi?
[Stampa f’paġna 14]
Iżżomm int l-atti taʼ tjubija taʼ Ġeħova quddiem għajnejk?
[Stampi f’paġna 15]
Aħna nferrħu qalb Ġeħova meta nżommu l-integrità minkejja l-provi
[Stampi f’paġna 17]
Tieħu vantaġġ mill-provvedimenti taʼ Ġeħova biex jgħinuk timxi fit-triq taʼ l-integrità?