Qatt Tieqaf Tkabbar l-Apprezzament Tiegħek
“Kemm huma [“prezzjużi,” “NW”] ħsibijietek għalija, o Alla! Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!”—SALM 139:17.
1, 2. Għala għandna napprezzawha l-Kelma t’Alla, u s-salmista kif esprima l-apprezzament tiegħu?
KIENET sejba rimarkevoli. Waqt li kienu qed isiru xi tiswijiet fit-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, il-Qassis il-Kbir Ħilkija sab “il-ktieb tal-liġi tal-Mulej mogħtija permezz taʼ Mosè,” mingħajr ebda dubju l-kopja oriġinali li kienet tlestiet madwar 800 sena qabel! Tistaʼ timmaġina kif ħassu s-Sultan Ġosija, li kien jibżaʼ minn Alla, meta tqiegħed il-ktieb quddiemu? Tabilħaqq, hu għożżu u immedjatament qal lil Safan, is-segretarju, biex jaqrahulu.—2 Kronaki 34:14-18.
2 Illum, il-Kelma t’Alla tistaʼ tinqara, kollha jew partijiet minnha, minn biljuni taʼ nies. Imma jagħmel dan il-fatt l-Iskrittura taʼ inqas valur, inqas importanti? Dażgur li le! Wara kollox, fiha l-ħsibijiet taʼ Dak li Jistaʼ Kollox innifsu u nkitbet għall-benefiċċju tagħna. (2 Timotju 3:16) Filwaqt li esprima s-sentimenti tiegħu dwar il-Kelma t’Alla, is-salmista David kiteb: “Kemm huma [“prezzjużi,” NW] ħsibijietek għalija, o Alla! Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!”—Salm 139:17.
3. X’juri li David kellu fehma spiritwali profonda?
3 L-apprezzament taʼ David għal Ġeħova, il-Kelma tiegħu, u l-arranġament tiegħu għall-qima vera qatt ma naqas. Il-ħafna salmi sbieħ li kkompona David esprimew kif kien iħossu. Per eżempju, f’Salm 27:4 hu kiteb: “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha taʼ ħajti; biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej jien u nħares [“b’apprezzament,” NW] lejn it-tempju tiegħu.” Bl-Ebrajk oriġinali, l-espressjoni ‘tħares b’apprezzament’ tfisser li ddum tikkontempla, tifli, tħares b’gost, titgħaxxaq, tammira. Bla dubju, David kellu fehma spiritwali profonda u kien raġel li verament japprezza l-provvedimenti spiritwali taʼ Ġeħova u tgħaxxaq b’kull verità spiritwali li Alla rrivela. L-eżempju tiegħu f’li juri apprezzament jistħoqqlu li nimitawh.—Salm 19:8-12 (19:7-11, NW).
Apprezza l-Privileġġ li Għandek l-Għarfien tal-Verità tal-Bibbja
4. X’ġiegħel lil Ġesù ‘jħoss ferħ kbir bl-ispirtu qaddis’?
4 Il-fatt li niksbu dehen tal-Kelma t’Alla ma jiddependix mill-intellett jew mill-edukazzjoni tad-dinja, li għandha t-tendenza li ġġiegħel lil dak li jkun jitkabbar. Minflok, jiddependi mill-ħniena mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova li hu juri maʼ dawk li huma umli, li għandhom qalb onesta, u li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom. (Mattew 5:3; 1 Ġwanni 5:20) Meta Ġesù rrifletta fuq il-fatt li isem xi bnedmin imperfetti kien qed jinkiteb fis-sema, hu “ħass ferħ kbir bl-ispirtu qaddis u qal: ‘Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt sew dawn l-affarijiet mill-għorrief u l-intellettwali, u kxifthom liċ-ċkejknin.’”—Luqa 10:17-21.
5. Id-dixxipli taʼ Ġesù għala ma kellhomx jieħdu ħafif ħafif il-veritajiet tas-Saltna li huma rivelati lilhom?
5 Wara li qal dik it-talba mill-qalb, Ġesù dar lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qed taraw intom. Għax ngħidilkom, Ħafna profeti u slaten xtaqu jaraw dak li qed taraw intom imma ma rawhx, u jisimgħu dak li qed tisimgħu intom imma ma semgħuhx.” Iva, Ġesù inkuraġġixxa lis-segwaċi leali tiegħu biex ma jiħdux ħafif ħafif il-veritajiet tas-Saltna li ġew rivelati lilhom. Dawn il-veritajiet ma ġewx rivelati lill-qaddejja t’Alla taʼ ġenerazzjonijiet taʼ qabel, u żgur li ma ġewx magħrufin lill-“għorrief u l-intellettwali” taʼ żmien Ġesù!—Luqa 10:23, 24.
6, 7. (a) Liema raġunijiet għandna biex napprezzaw il-verità divina? (b) X’kuntrast naraw illum bejn ir-reliġjon vera u dik falza?
6 Fi żmienna, aħna għandna saħansitra iktar raġunijiet għala għandna nuru apprezzament għall-veritajiet divini, għax Ġeħova, permezz taʼ l-“ilsir leali u għaqli,” ta lill-poplu tiegħu saħansitra dehen iktar profond tal-Kelma tiegħu. (Mattew 24:45; Danjel 12:10) Dwar iż-żmien tat-tmiem, il-profeta Danjel kiteb: “Ħafna bnedmin għad jifluh sewwa u jikbru fl-għaqal.” (Danjel 12:4) Ma taqbilx int li llum l-għarfien t’Alla ‘kiber’ u li l-qaddejja taʼ Ġeħova huma mitmugħin tajjeb spiritwalment?
7 X’kuntrast naraw bejn il-prosperità spiritwali li jgawdi l-poplu t’Alla u l-konfużjoni reliġjuża taʼ Babilonja l-Kbira! B’riżultat taʼ dan, ħafna li huma diżappuntati jew diżgustati bir-reliġjon falza qed iduru lejn il-qima vera. Dawn huma wħud bħal nagħaġ li ‘ma jridux jieħdu sehem [maʼ Babilonja l-Kbira] fi dnubietha’ jew ‘jirċievu parti mill-kastigi tagħha.’ Ġeħova u l-qaddejja tiegħu jistiednu lil uħud bħal dawn biex jiġu fil-kongregazzjoni Kristjana vera.—Rivelazzjoni 18:2-4; 22:17.
Uħud li Japprezzaw Jinġemgħu biex Iqimu ’l Alla
8, 9. Il-kliem taʼ Ħaggaj 2:7 kif qed jitwettaq illum?
8 Dwar id-dar spiritwali tiegħu għall-qima, Ġeħova bassar: “Inqanqal [jew, “irriegħed,” NW] il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-tempju bil-glorja.” (Ħaggaj 2:7) Din il-profezija taʼ l-għaġeb kellha twettiq fi żmien Ħaggaj meta l-fdal tal-poplu t’Alla reġaʼ bena t-tempju f’Ġerusalemm. Illum, il-kliem taʼ Ħaggaj qed ikollu iktar twettiq b’konnessjoni mat-tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova.
9 Miljuni diġà nġemgħu lejn it-tempju figurattiv sabiex iqimu lil Alla “bl-ispirtu u l-verità,” u kull sena mijiet t’eluf li huma deskritti bħala “l-ġid kollu tal-popli” għadhom qed jinġemgħu. (Ġwanni 4:23, 24) Per eżempju, ir-rapport dinji għas-sena 2006 juri li 248,327 tgħammdu b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova. Dan jirrappreżenta medja taʼ 680 individwu ġdid kuljum! L-imħabba tagħhom għall-verità u x-xewqa tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova bħala proklamaturi tas-Saltna jagħtu evidenza li huma verament inġibdu minn Alla.—Ġwanni 6:44, 65.
10, 11. Irrakkonta esperjenza li turi kif in-nies bdew japprezzaw il-verità tal-Bibbja.
10 Ħafna minn dawn l-uħud taʼ qalb onesta qed jinġibdu lejn il-verità minħabba li huma ‘jagħrfu jagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.’ (Malakija 3:18) Ikkunsidra l-eżempju taʼ Wayne u Virginia, koppja miżżewġa li kienu membri tal-knisja Protestanta imma li kellhom ħafna mistoqsijiet mhux imweġbin. Huma kienu jobogħduha l-gwerra u ħassewhom konfużi u mħassbin meta raw lill-kleru jbierek lis-suldati u l-armamenti. Hekk kif komplew jikbru fl-età, huma ħassewhom injorati mill-oħrajn fil-knisja, avolja Virginia kienet għallmet ir-reliġjon fl-iskola taʼ nhar taʼ Ħadd għal għadd taʼ snin. “Ħadd ma kien jiġi jarana jew jesprimi interess fil-benesseri spiritwali tagħna,” qalu huma. “Dak kollu li riedet il-knisja kien il-flus tagħna. Aħna bdejna nħossuna konfużi.” Huma saru saħansitra iktar diżappuntati meta l-knisja tagħhom adottat attitudni permissiva lejn l-omosesswalità.
11 Sadanittant, it-tifla tat-tifla taʼ Wayne u Virginia u iktar tard it-tifla tagħhom saru Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm Wayne u Virginia għall-ewwel ma ħadux pjaċir b’dan, iktar tard huma bidlu fehmiethom u aċċettaw studju tal-Bibbja. “Fi tliet xhur biss,” qal Wayne, “tgħallimna iktar affarijiet dwar il-Bibbja milli konna tgħallimna matul is-70 sena taʼ qabel! Qatt ma konna nafu li isem Alla hu Ġeħova, u ma konna nafu xejn dwar is-Saltna u dwar l-art li se tintgħamel Ġenna.” Din il-koppja sinċiera ma damitx ma bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani u beda jkollha sehem fil-ministeru. “Irridu ngħidu lil kulħadd dwar il-verità,” tgħid Virginia. It-tnejn li huma issa għandhom fuq it-80 sena, u tgħammdu fl-2005. Huma qalu: “Sibna familja Kristjana vera.”
Apprezza l-Fatt li Int ‘Armat għal Kull Għemil Tajjeb’
12. Ġeħova x’jipprovdi dejjem għall-qaddejja tiegħu, u x’għandna nagħmlu biex nibbenefikaw?
12 Ġeħova dejjem jgħin lill-qaddejja tiegħu biex jagħmlu r-rieda tiegħu. Per eżempju, Noè rċieva istruzzjoni ċara u speċifika dwar kif jibni l-arka—proġett li kellu jsir tajjeb mill-ewwel! U hekk ġara. Għala? Minħabba li Noè “għamel kull ma ordnalu Alla.” (Ġenesi 6:14-22) Illum ukoll, Ġeħova jarma bis-sħiħ lill-qaddejja tiegħu biex jagħmlu r-rieda tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, ix-xogħol primarju tagħna hu li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla u li ngħinu lil dawk li jistħoqqilhom isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. U bħalma kien minnu fil-każ taʼ Noè, is-suċċess tagħna jiddependi mill-ubbidjenza. Aħna għandna nsegwu b’ubbidjenza d-direzzjoni li Ġeħova jipprovdi permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu.—Mattew 24:14; 28:19, 20.
13. Ġeħova b’liema mezz jipprovdilna t-taħriġ?
13 Sabiex inkunu nistgħu nwettqu dak ix-xogħol, għandna nitgħallmu ‘nimmaniġġaw sew’ l-għodda primarja tagħna—il-Kelma t’Alla—li “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 2:15; 3:16, 17) Bħal fl-ewwel seklu, Ġeħova jagħtina taħriġ taʼ valur kbir permezz tal-kongregazzjoni Kristjana. Illum il-ġurnata, biex jgħinuna fil-ministeru, kull ġimgħa jsiru l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz fid-99,770 kongregazzjoni li hawn madwar id-dinja. Turih int l-apprezzament tiegħek għal dawn il-laqgħat importanti billi tattendi regolarment u billi tapplika l-affarijiet li titgħallem?—Ebrej 10:24, 25.
14. Il-qaddejja taʼ Ġeħova kif juru l-apprezzament tagħhom għall-privileġġ taʼ li jaqdu lil Alla? (Inkludi kummenti mit-tabella f’paġni 27-30.)
14 Waqt li jħabirku fil-ministeru, miljuni mill-poplu t’Alla madwar id-dinja qed juru l-apprezzament tagħhom għat-taħriġ li jirċievu. Per eżempju, matul is-sena taʼ servizz 2006, 6,741,444 pubblikatur tas-Saltna qattgħu total taʼ 1,333,966,199 siegħa f’kull aspett taʼ dan ix-xogħol, u dan jinkludi s-6,286,618-il studju tal-Bibbja li kkonduċew fid-djar. Dawn huma biss ftit mid-dettalji inkuraġġanti li hemm imniżżlin fir-rapport minn madwar id-dinja. Aħna nistidnuk tagħti ħarsa iktar mill-qrib lejn dan ir-rapport u tinkuraġġixxi ruħek bih, sewwasew bħalma l-aħwa fl-ewwel seklu bla dubju inkuraġġew ruħhom bir-rapporti taʼ tkabbir fix-xogħol taʼ l-ippridkar fi żmienhom.—Atti 1:15; 2:5-11, 41, 47; 4:4; 6:7.
15. Għala ħadd m’għandu jħossu skuraġġit minħabba s-servizz li jagħti lil Ġeħova b’ruħu kollha?
15 L-għajta kbira taʼ tifħir li titlaʼ lejn Alla kull sena tirrifletti l-apprezzament profond li l-qaddejja taʼ Ġeħova għandhom għall-privileġġ li jafu lil Ġeħova u li jagħtu xiehda għalih. (Isaija 43:10) Veru, is-sagrifiċċju taʼ tifħir li jagħmlu xi wħud minn ħutna li huma mdaħħlin fiż-żmien, morda, jew batuti jistaʼ jitqabbel maż-żewġ muniti li tefgħet l-armla. Imma jalla ma ninsewx li Ġeħova u Ibnu verament japprezzaw lil dawk kollha li jaqdu lil Alla b’ruħhom kollha, hekk kif jagħmlu dak kollu li jistgħu.—Luqa 21:1-4; Galatin 6:4.
16. Liema għodda tat-tagħlim ipprovda Alla f’dawn l-aħħar snin?
16 Minbarra li jħarriġna għall-ministeru permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova jarmana b’għodda eċċellenti tat-tagħlim. F’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin din l-għodda inkludiet il-kotba Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art, Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem u, bħalissa, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? Dawk li verament japprezzaw dawn il-provvedimenti jagħmlu użu tajjeb minnhom fil-ministeru.
Agħmel Użu Tajjeb mill-Ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
17, 18. (a) Liema partijiet mill-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? tieħu pjaċir tuża fil-ministeru tiegħek? (b) X’qal wieħed indokratur tas-circuit dwar il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
17 Bid-19-il kapitlu, l-appendiċi dettaljat, u l-lingwa ċara u sempliċi tiegħu, il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? qed jagħti prova li hu barka għall-ministeru. Per eżempju, kapitlu 12 jiddiskuti s-suġġett “Ngħixu Kif Jogħġob ’l Alla.” Dan il-materjal jispjega lill-istudent kif hu jistaʼ jsir ħabib t’Alla, xi ħaġa li ħafna lanqas biss qatt ħasbu dwarha jew qatt ma ħasbu li kienet possibbli. (Ġakbu 2:23) Din l-għajnuna għall-istudju tal-Bibbja kif qed tintlaqaʼ?
18 Indokratur tas-circuit fl-Awstralja jirrapporta li l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jolqot lin-nies mill-ewwel u ma jdumx ma jqanqal lill-inkwilini biex jibdew konversazzjoni. Hu żied jgħid li “l-ktieb tant hu faċli biex tużah li għen lil ħafna pubblikaturi tas-Saltna jerġgħu jiksbu kunfidenza u ferħ fil-ministeru. Mhux taʼ b’xejn li l-ktieb ġie msejjaħ Ingott tad-Deheb!”
19-21. Irrakkonta xi esperjenzi li jenfasizzaw il-valur tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
19 “Bilfors li Alla bagħtek,” qalet waħda mara fil-Gujana lill-pijunier li żarha. Ir-raġel li kien qed jgħix magħha reċentement kien telaq lilha u liż-żewġt itfal żgħar tagħhom. Il-pijunier fetaħ il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? f’kapitlu 1 u qralha paragrafu 11 taħt is-sottitlu “Alla Kif Iħossu dwar l-Inġustizzji li Niffaċċjaw?” “Il-punti verament laqtuha,” qal il-pijunier. “Fil-fatt, kellha tqum, tmur fuq in-naħa taʼ wara tal-ħanut tagħha, u tibki bikja tajba.” Din il-mara aċċettat li tibda studju regulari tal-Bibbja m’oħt li tgħix fil-lokal u qed tkompli tagħmel progress.
20 José, li jgħix Spanja, tilef lil martu f’aċċident tat-traffiku. Hu beda jieħu d-drogi biex isib il-faraġ, u wkoll kiseb għajnuna professjonali. Madankollu, il-psikoloġi ma setgħux iwieġbu l-mistoqsija li tant iddisturbat lil José: “Alla għala ppermetta li marti tmut?” Darba waħda José ltaqaʼ maʼ Francesc li kien jaħdem għall-istess kumpanija. Francesc issuġġerielu li jiddiskutu kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? bit-titlu “Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?” L-ispjegazzjoni Skritturali u t-tixbiha taʼ l-għalliem u l-istudent verament impressjonaw lil José. Hu beda jistudja bil-ħeġġa kollha, attenda l-assemblea tas-circuit, u issa qed jattendi l-laqgħat kollha fis-Sala tas-Saltna lokali.
21 Roman, negozjant mill-Polonja li għandu 40 sena, minn dejjem kellu rispett għall-Kelma t’Alla. Imma minħabba li x-xogħol kien jiħodlu ħafna mill-ħin tiegħu, hu ftit għamel progress fl-istudju tiegħu tal-Bibbja. Minkejja dan, hu attenda konvenzjoni distrettwali u rċieva kopja tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Minn dakinhar ’il quddiem kien jidher ċar li hu beda jagħmel progress. Hu jgħid: “B’dan il-ktieb, it-tagħlim bażiku kollu tal-Bibbja qisu jinġabar kollu flimkien biex jifforma stampa waħda, bħal jigsaw puzzle.” Issa Roman qed jistudja l-Bibbja regolarment u qed jagħmel progress kbir.
Kompli Kabbar l-Apprezzament
22, 23. Kif nistgħu nkomplu nuru l-apprezzament tagħna għat-tama li għandna quddiemna?
22 Bħalma ġie spjegat fil-Konvenzjoni Distrettwali eċċitanti “Il-Ħelsien fil-Qrib!,” il-Kristjani veri jixxennqu għall-“ħelsien taʼ dejjem” li Alla wiegħed u li għamlu possibbli bit-tixrid tad-demm taʼ Ġesù Kristu. M’hemm l-ebda mod aħjar biex nuru l-apprezzament tagħna mill-qalb għal din it-tama prezzjuża milli nkomplu nżommu lilna nfusna ndaf “mill-għemejjel mejtin sabiex nagħtu servizz sagru lil Alla l-ħaj.”—Ebrej 9:12, 14.
23 Iva, huwa tassew miraklu li ’l fuq minn sitt miljun proklamatur tas-Saltna qed jissaportu lealment fis-servizz t’Alla meta l-pressjoni biex ikunu egoisti hija qawwija iktar minn qatt qabel. Dan huwa wkoll prova li l-qaddejja taʼ Ġeħova japprezzaw profondament l-unur li jaqdu lil Alla, billi jafu li ‘t-taħbit tagħhom fil-Mulej m’huwiex għalxejn.’ Jalla dan l-apprezzament jibqaʼ dejjem jikber!—1 Korintin 15:58; Salm 110:3, Saydon.
Int Kif Twieġeb?
• Is-salmista x’jgħallimna dwar l-apprezzament għal Alla u l-provvedimenti spiritwali tiegħu?
• Il-kliem f’Ħaggaj 2:7 kif qed jitwettaq illum?
• Ġeħova kif jarma lill-qaddejja tiegħu biex jaqduh b’mod effettiv?
• X’tistaʼ tagħmel int biex turi l-apprezzament tiegħek għat-tjubija taʼ Ġeħova?
[Tabella f’paġna 27]
RAPPORT TAS-SENA TA’ SERVIZZ 2006 TAX-XHIEDA TA’ ĠEĦOVA MADWAR ID-DINJA
(Ara bound volume)
[Stampi f’paġna 25]
Ġeħova jarmana bis-sħiħ sabiex nagħmlu r-rieda tiegħu
IL-BIBBJA X’TGĦALLEM Verament?